Photo: Africa Studio/Shutterstock.com
Għaliex l-alkoħol huwa projbit fl-Iżlam? Nifhmu l-Għerf Divin
Read in ID-DAWL magazine: “Il-konsum tal-alkoħol jikkontribwixxi għal 2.6 miljun mewta kull sena globalment kif ukoll għad-diżabilitajiet u s-saħħa fqira ta’ miljuni ta’ nies. B’mod ġenerali, l-użu ħażin tal-alkoħol huwa responsabbli għal 4.7% tal-piż globali tal-mard.” — L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)
Din l-istatistika allarmanti waħedha tenfasizza l-għerf profond wara l-projbizzjoni tal-alkoħol mill-Iżlam. L-Iżlam, bħala reliġjon universali u naturali, jibbaża t-tagħlim tiegħu fuq il-benesseri tal-umanità—spiritwalment, fiżikament u soċjalment. Il-kmandamenti tiegħu għandhom l-għan li jipproteġu u jtejbu l-qagħda tal-individwi u tas-soċjetà.
Aktar minn 1,400 sena ilu, permezz tal-Koran Imqaddes, Alla li Jista’ Kollox żvela gwida eterna li tkompli ddawwal il-ħajja tal-bniedem. It-tagħlim tal-Iżlam jipprovdi qafas morali u spiritwali li jissalvagwardja kontra kull tip ta’ ħsara u jippromwovi l-kompassjoni, ir-responsabbiltà u l-benesseri.
It-tneħħija tal-alkoħol, sustanzi intossikanti u drogi illeċiti mis-soċjetà tgħin biex jissaħħu l-valuri bħall-imħabba, l-empatija u s-servizz altruwista lejn l-umanità. B’dan il-mod, noħolqu komunitajiet aktar b’saħħithom u li jimpurtahom, allinjati mal-għerf divin fil-qalba tal-Iżlam.
Meta naqraw u nirriflettu fuq it-tagħlim u l-kmandamenti tal-Koran Imqaddes dwar il-projbizzjoni tal-alkoħol insibu li, il-projbizzjoni tal-alkoħol mhijiex xi idea kulturali, iżda din hija kmand divin imsejjes fuq l-għerf u l-previżjoni. Il-Koran Imqaddes jindirizza l-perikli tal-alkoħol b’ċarezza u għarfien:
“Jistaqsuk dwar ix-xorb alkoħoliku u l-logħob tal-azzard. Għidilhom: ‘Fihom it-tnejn hemm ħsara kbira u wkoll xi benefiċċju għan-nies, iżda l-ħsara tagħhom it-tnejn hija akbar mill-benefiċċju tagħhom.” (Il-Koran, 2:220)
Dan il-vers jirrikonoxxi li, filwaqt li jista’ jkun hemm xi benefiċċji fl-alkoħol, il-ħsara tiegħu—kemm personali kif ukoll soċjali—huwa ferm akbar. Għalhekk, il-gwida hija ċara: evitah. Trid tevita u żżomm lilek innifsek ’il bogħod mill-konsum tal-alkoħol, għal ġid personali u soċjali akbar.
Jenfasizza li, filwaqt li l-alkoħol jista’ joffri tgawdija temporanja jew faċilità soċjali, il-ħsara hija ferm akbar minn kwalunkwe benefiċċju. Dan ixekkel il-ġudizzju bejn tajjeb u ħażin, idgħajjef it-trażżin morali, u jwassal għal imġiba distruttiva.
Il-Koran imur aktar ’il bogħod fit-twissija tiegħu:
“Intom li temmnu! Xorb alkoħoliku, il-logħob tal-azzard, l-idoli u l-vleġeġ tat-tbassir ma humiex għajr tinġis minn għemil ix-Xitan. Mela duru kompletament ’il bogħod minn kull wieħed minnhom biex tistgħu tirnexxu.”
“Ix-Xitan jixtieq biss joħloq għadwa u mibegħda bejnietkom permezz tal-inbid, ix-xorb u l-logħob tal-azzard, u jżommkom ’il bogħod mit-tifkira ta’ Alla u mit-Talb. Mela (issa li tafu dan), intom se tieqfu (minn dawn il-vizzji)?” (Il-Koran, 5:91-92)
Dawn il-versi jenfasizzaw b’mod tajjeb ħafna l-ħsara personali kif ukoll dik soċjali kkawżata mill-alkoħol.
L-alkoħol ifixkel il-ġudizzju, iqanqal l-aggressjoni, u jbiegħed lill-individwi mill-attenzjoni, it-talb, u l-imġiba etika. Barra minn hekk, ifixkel il-familji, jiżra’ l-firda, iqanqal il-kriminalità, u jbiegħed lill-individwi mill-għarfien spiritwali u etiku.
Il-kelma Għarbija al-khamr tintuża f’dawn il-versi li tfisser kull ħaġa li tintossika jew tbiddel il-moħħ. Għalhekk, il-forom kollha ta’ xorb huma pprojbiti. Il-vers jispjega b’mod ċar il-problemi maħluqa mill-użu tax-xorb: l-ewwel, iwassal għall-mibegħda u l-għadwa fost in-nies, u jikkawża qtil, vjolenza, imġiba immorali eċċ.; u t-tieni nett ibiegħed lin-nies minn Alla u r-reliġjon Tiegħu. Alla jrid li l-fidili jżommu moħħhom pur u nadif, sabiex iqimuh bis-sħiħ. Musulman ma jistax joffri talb (salaat) meta ma jkunx fis-sensi sħaħ tiegħu, anke jekk dan ikun ikkawżat minn emozzjoni eċċessiva jew stat ta’ rqad. Ċertament, moħħ li jkun fis-sakra ma jkunx kapaċi jiffoka fuq Alla.
It-tagħlim tal-Iżlam huwa mimli kompassjoni u mħabba tal-umanità. Il-filosofija tiegħu tgħallem li jekk il-ftuħ ta’ bieb joħloq xi periklu għall-benesseri tal-bniedem, anke t-tieqa għandha tibqa’ magħluqa. Fi kliem ieħor, l-Iżlam jikkmanda l-prevenzjoni tal-ħsara f’kull livell — anke mill-iżgħar fetħiet.
It-tagħlim Iżlamiku għandu għeruq fondi fil-prevenzjoni, il-kawtela, u l-protezzjoni kemm tal-benesseri individwali kif ukoll kollettiv. Dan il-prinċipju huwa eżemplifikat f’diskors tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li għamilha ċara b’mod tajjeb ħafna li: “Jekk doża qawwija ta’ xi ħaġa ġġib is-sokor, mela anki kwantità żgħira minnha ssir illeġittima.”