A journey marked by patience, perseverance and steadfastness leads to true success

Photo: Sulit.Photos/Shutterstock.com

Vjaġġ immarkat minn paċenzja, perseveranza u sodizza jwassal għal suċċess veru

Il-paċenzja, il-perseveranza u s-sodizza huma l-elementi ewlenin tas-suċċess kemm fi kwistjonijiet tad-dinja kif ukoll f’dawk spiritwali. Kull qasam tal-ħajja jeħtieġ sforz kontinwu. Pereżempju, student, bidwi, u persuna li temmen iridu jistinkaw b’sinċerità, paċenzja, u perseveranza biex jaħsdu l-frott tax-xogħol tagħhom.

It-Torċa, 09.11.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

F’dinja li spiss tkun immexxija mill-għaġla, il-materjaliżmu, u l-qerq, il-virtujiet tas-sinċerità, il-paċenzja, il-perseveranza, u s-sodizza tal-qalb jiddu bħala fanali ta’ gwida eterni għall-fidili. L-Iżlam, billi huwa mod ta’ ħajja komplut, jenfasizza dawn il-kwalitajiet mhux biss bħala morali ideali iżda bħala pedamenti tal-fidi u l-mezzi biex wieħed jikseb is-sodisfazzjon ta’ Alla l-Ħanin.

Meta l-bniedem verament jistinka biex jirbaħ il-pjaċir ta’ Alla u jistabbilixxi relazzjoni soda ma’ Alla, żgur isib lil Alla u żgur jasal fejn jixtieq, iżda, wieħed għandu jibqa’ jistinka bil-paċenzja u s-sinċerità sħiħa.

Fenomenu naturali

Huwa fenomenu naturali, kemm fi kwistjonijiet tad-dinja kif ukoll f’dawk spiritwali. Student jistudja bil-paċenzja u b’mod sod matul is-sena kollha, u mbagħad biss jirnexxi fl-eżamijiet. Jistgħu l-istudenti jittamaw li jgħaddu jekk jaqtgħu qalbhom u jabbandunaw l-isforzi tagħhom bin-nuqqas ta’ paċenzja?

Bl-istess mod, bidwi jiżra’ żerriegħa fl-għalqa u mbagħad jindokraha bil-paċenzja u l-perseveranza għal ħafna xhur. Huwa jgħassisha bir-reqqa, u jieħu ħsiebha b’attenzjoni kostanti. Maż-żmien, il-pjanta tagħti l-frott, timmatura, u fl-aħħar il-bidwi jaħsad il-benefiċċji tagħha. Imma kieku għeja u qata’ qalbu f’nofs triqtu, qatt ma kien iduq il-frott ta’ xogħlu.

Il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ paċenzja

Dan is-suġġett huwa vera importanti li nifhmuh għax xi drabi l-bniedem jegħja u jieqaf fin-nofs tal-vjaġġ tiegħu. Dan huwa żball. Dawk in-nies li huma bla paċenzja jaqgħu f’idejn Satana. Persuna ġusta trid tiġġieled ukoll man-nuqqas ta’ paċenzja. Għalhekk, huwa ferm importanti li ma nitilfux il-paċenzja u l-perseveranza fit-triq.

Alla jispjega dan is-suġġett fil-Koran Imqaddes u jgħid: “Fir-rigward ta’ dawk li jħabirku għalina, żgur li aħna niggwidawhom fit-toroq tagħna. Alla tabilħaqq huwa ma’ dawk li jagħmlu t-tajjeb.” (29:70)

Jiġifieri, għal kull suċċess hemm bżonn li wieħed jibqa’ jagħmel ħiltu kollha kemm jiflaħ u qatt m’għandu jaqta’ qalbu, u l-istess meta wieħed jistinka għall-Mulej. Għalhekk, ma jixraqx lil min jistinka fil-kawża ta’ Alla li jaħrab fi żmien siegħa jew tnejn; jew jum jew jumejn. Fil-fatt, il-kompitu ta’ persuna bħal din huwa li tibqa’ għal dejjem lesta li tagħti ħajjitha. Għalhekk, il-karatteristika ewlenija ta’ persuna ġusta hija s-sodizza.

Is-suċċess jiddependi mis-sodizza

Fi kliem ieħor, is-suċċess jiddependi mis-sodizza. Is-sodizza tfisser li tagħraf lil Alla u tibqa’ sod quddiem kull diffikultà, prova u tribulazzjoni. Jekk persuna tkun kapaċi tagħmel dan, żgur se tirċievi l-imħabba u barkiet divini.

F’vers ieħor tal-Koran Imqaddes, Alla jispjega dan aktar u jgħid li, dawk li jgħidu, “Sidna huwa Alla,” u mbagħad jibqgħu sodi, l-anġli jinżlu fuqhom u jgħidulhom: “La tibżgħux u la titnikktux, u ħudu l-bxara t-tajba dwar il-Ġenna li kontu mwegħdin.” (41:31)

Dan il-vers juri li huwa f’din il-ħajja stess li l-anġli jinżlu fuq il-fidili biex jagħtuhom konsolazzjoni u faraġ meta juru paċenzja, sodizza u perseveranza matul iż-żmien ta’ prova u tribulazzjonijiet severi u ħarxa.

L-istess verdett għal tletin sena

Qrajt storja li kien hemm persuna ġusta u qaddisa li kuljum kien iqum fl-aħħar parti tal-lejl u kien iqim lil Alla li Jista’ Kollox għal żmien twil u kien jitlob u jissupplika lill-Mulej. Kull meta dan l-individwu kien joqgħod għall-qima, kien jisma’ leħen ta’ anġlu mill-inviżibbli jgħid: “Inti ġejt miċħud u abbandunat; u t-talb u s-supplikazzjonijiet tiegħek kollha ġew miċħuda.”

F’ċerta okkażjoni, wieħed mid-dixxipli tiegħu li ġie biex joqgħod miegħu għal xi ġranet sema’ wkoll dan il-leħen mill-inviżibbli għal tliet iljieli konsekuttivi, u qal lil dan il-bniedem qaddis li: “Issa l-verdett ingħata. X’inhu allura l-użu ta’ azzjoni għalxejn? Għaliex tibqa’ titlob l-istess, meta tisma’ l-istess verdett lejl wara ieħor?”

Ir-raġel qaddis beka ħafna u qal: “Jekk irrid nitlaq lil Alla, fejn iktar għandi mmur? Fejn għandi mmur, m’hemmx bieb ieħor? Ilni nitlob dawn it-talbiet għal dawn l-aħħar tletin sena, u kull lejl tiġi l-istess tweġiba, imma nibqa’ nitlob lill-Mulej tiegħi b’paċenzja, perseveranza, imħabba u sinċerità kollha. Xogħolna hu li nitolbu. Huwa l-Mulej, Huwa jagħtina kull meta jrid. Għalhekk, m’għandniex negħjew, imma għandna nżommu jdejna miftuħa quddiem Sidna.”

Dawn id-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin mad-dixxiplu tiegħu, meta nstema’ leħen jgħid: “Int ġejt aċċettat. It-talbiet kollha tiegħek ta’ dawn l-aħħar tletin sena ġew aċċettati, u x-xewqat kollha tiegħek twettqu.”

Dan kollu kien ir-riżultat tas-sinċerità u l-paċenzja, li hija kundizzjoni għal min hu ġust. Il-messaġġ huwa ċar kristall li l-paċenzjużi u s-sodi jkunu ta’ suċċess u rebbieħa.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, Story and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.