Choosing compassion over violence to build peaceful, respectful, and loving homes

Photo: Odua Images/Shutterstock.com

Nagħżlu l-kompassjoni fuq il-vjolenza biex noħolqu djar paċifiċi, rispettużi u mimlija mħabba

It-Torċa, 30.11.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Bħala bnedmin, ħadd minna mhu perfett; ilkoll għandna d-difetti tagħna. Kull persuna għandha karatteristiċi, preferenzi, opinjonijiet u modi ta’ ħsieb uniċi. Dawn id-differenzi jagħmlu d-dinja vibranti, kompetittiva u progressiva, iżda jġibu wkoll xi sfidi magħhom. Minħabba li nikbru f’ambjenti differenti u għandna esperjenzi diversi, naturalment niżviluppaw perspettivi differenti. Xi wħud jaraw tazza nofsha mimlija, filwaqt li oħrajn jarawha nofsha vojta.

Din l-istess diversità fil-karattru u l-attitudni tista’ taffettwa wkoll il-ħajja miżżewġa. Il-koppji xi kultant isibuha diffiċli biex jgħixu fil-paċi, b’mod amikevoli u kuntenti filwaqt li jirrispettaw l-għażliet, l-opinjonijiet u l-modi differenti ta’ kif jagħmlu l-affarijiet ta’ xulxin. Madankollu, xi drabi dawn id-differenzi jwasslu sfortunatament għall-aggressjoni jew il-vjolenza.

Figuri ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna

Riċentement, rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) enfasizza żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika. Skont l-NSO, fl-2024 total ta’ 3,798 individwu rrappurtaw li esperjenzaw vjolenza domestika jew fittxew servizzi relatati. Minn dawn, 76% kienu nisa, li jfisser li minn kull għaxar li użaw is-servizzi, tmienja kienu nisa.

Il-vjolenza ta’ kwalunkwe tip mhijiex aċċettabbli, iżda l-vjolenza domestika hija saħansitra agħar u partikolarment devastanti, u l-uġigħ u l-feriti tagħha huma ħafna aktar profondi għaliex il-ħsara tiġi minn xi ħadd li tafdah u tħobbu profondament.

Fil-każ ta’ koppji miżżewġin—individwi li wiegħdu li jibnu dar armonjuża, rispettuża u ta’ mħabba flimkien—il-ħsara kkawżata mill-vjolenza hija partikolarment ta’ wġigħ kbir. Għalhekk, meta jkun hemm imħabba, fiduċja u impenn, kwalunkwe att mhux mixtieq bħall-vjolenza jsir aktar ta’ wġigħ u ta’ tbatija.

Niffokaw fuq il-pożittivitajiet ta’ xulxin

Għalhekk, huwa essenzjali li niffokaw fuq il-pożittiv—li naraw it-tazza nofsha mimlija. Għandna nfittxu kwalitajiet li jgħaqqdu aktar milli differenzi li jifirdu. Il-Koran Imqaddes jgħallem li l-miżżewġin għandhom iħabirku biex itejbu l-komunikazzjoni minflok li jħallu l-ħitan jiffurmaw bejniethom, dejjem jiftakru li l-bnedmin kollha jagħmlu l-iżbalji.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta parir lill-irġiel u lin-nisa biex jiffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin ta’ xulxin. Huwa qal li anke jekk wieħed ma jħobbx drawwa partikolari fis-sieħeb jew sieħba tiegħu, hemm ħafna kwalitajiet oħra li jista’ jammira. Dawn l-aspetti pożittivi għandhom jiggwidaw lill-koppji lejn il-ħolqien ta’ atmosfera ta’ armonija, rikonċiljazzjoni u ta’ ħbiberija.

Il-Koran Imqaddes ikompli jagħti struzzjonijiet billi jgħid li: “Ittrattawhom (lin-nisa) tajjeb, b’ġentilezza; u jekk idejqukom, jista’ jkun li qed iddejjaqkom xi ħaġa li Alla qiegħed fiha ħafna tieba.” (4:20)

Jiġbdu ħabel wieħed

Il-kmand li, “ittrattawhom tajjeb” jaqbad b’mod sabiħ l-essenza tat-tagħlim Iżlamiku dwar ir-relazzjonijiet matrimonjali. Il-miżżewġin m’għandhomx jittrattaw lil xulxin b’mod kiesaħ, iżda b’affezzjoni u ġentilezza.

Imma, peress li relazzjoni minn naħa waħda qatt ma tista’ tkun tassew ta’ suċċess, il-Koran juża l-espressjoni “ittrattawhom tajjeb”, li tindika reċiproċità. Għalhekk, l-irġiel u n-nisa huma t-tnejn imħeġġa jgħixu b’mod amikevoli ma’ xulxin u jirreċiprokaw l-imħabba u t-tjubija ta’ xulxin. Din il-wirja ta’ pożittività għandha tkun minn żewġ naħat, mir-raġel u l-mara; u għandhom dejjem jippruvaw li jiġbdu l-istess ħabel, inkella jikkawżaw il-ħsara lill-ħajja miżżewġa tagħhom.

Pjan ċar għall-bini ta’ żwieġ kuntent u ħieles mill-vjolenza

Ir-reliġjonijiet kollha—inkluż l-Iżlam—joffru gwida sabiħa dwar kif nagħmlu d-djar tagħna postijiet vera ta’ paċi u affezzjoni. Il-prietki mogħtija fiċ-ċerimonji tat-tieġ jipprovdu struzzjonijiet ċari dwar kif il-koppji għandhom iġibu ruħhom u jsawru ħajjithom.

Il-versi Koraniċi li jinqraw waqt iċ-ċerimonji taż-żwieġ Iżlamiku joffru pjan ċar għall-bini ta’ żwieġ ta’ suċċess, trankwill u prosperu—wieħed ħieles mill-vjolenza u l-aggressjoni. Dawn il-versi huma: “Ja nies, ibżgħu minn Sidkom li ħalaqkom minn ruħ waħda u minnha ħalaq seħbitu. Minnhom it-tnejn xerred ħafna rġiel u nisa. Ibżgħu minn Alla li f’ismu titolbu u agħtu kas tad-drittijiet tar-relazzjonijiet tal-ġuf. Tassew li Alla jħares fuqkom.

Intom li temmnu! Ħarsu d-dmir tagħkom lejn Alla u tkellmu b’mod sinċier. Alla jsewwi l-għemejjel tagħkom u jaħfrilkom dnubietkom. Dak li jobdi lil Alla u lill-Messaġġier Tiegħu, dak li tassew jikseb l-aqwa suċċess.

Intom li temmnu! Ibżgħu minn Alla u ħallu lil kull ruħ tara hi x’se twassal għall-għada. Ibżgħu minn Alla! Alla tabilħaqq jaf sewwa b’dak li tagħmlu.”

Iżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba u l-affezzjoni

L-essenza ta’ dawn il-versi hija li dejjem iżżommu lil Alla li Jista’ Kollox quddiemkom fi kwistjonijiet ta’ żwieġ u tagħmlux xi ħaġa li tirrabja lil Alla li Jista’ Kollox.

It-tieni, aħna lkoll bnedmin u lkoll indaqs bħala bnedmin. Dejjem ittrattaw l-affarijiet tagħkom b’sinċerità. Ir-raġel u l-mara għandhom dejjem jgħidu l-verità lil xulxin għax il-verità hija l-qawwa li tgħaqqad u l-gideb jeqred ir-relazzjonijiet u l-fiduċja.

Dejjem kunu mħassba dwar il-futur tagħkom u dwar il-ġenerazzjoni futura tagħkom. Għax il-karattru ta’ koppja miżżewġa se jsir mudell u eżempju għal uliedhom fil-futur. Taħsdu dak li tiżirgħu. Allura naraw li dejjem niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba, l-affezzjoni, il-maħfra u t-tjubija biex noħolqu djar paċifiċi, rispettużi u mimlija mħabba.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, Women, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.