Why Peace is Important: An Islamic Perspective

Image: Zonda/Shutterstock.com

Għaliex il-paċi hija importanti: Perspettiva Iżlamika

It-Torċa, 18.01.2025 | ImamLaiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Ilkoll kemm aħna esperjenzajna f’xi punt f’ħajjitna li meta l-ġisem tal-bniedem ikun marid, ftit li xejn jista’ jagħmel xi ħaġa. Il-ġisem jiffunzjona sew biss meta jkun b’saħħtu, qawwi, u mimli enerġija. Hemm qawl Għarbi li jfisser “moħħ sod u tajjeb jgħix f’ġisem sod u b’saħħtu”. Dan jirrifletti r-realtà li l-moħħ tal-bniedem jista’ jiffunzjona b’mod effettiv biss meta l-ġisem ikun b’saħħtu. Jekk il-ġisem ikun dgħajjef jew marid, anke l-intellett u l-abbiltà ta’ raġunar jiġu affettwati.

Prinċipju simili japplika għas-soċjetajiet, in-nazzjonijiet, u l-komunità internazzjonali. Il-paċi tista’ titqabbel mas-saħħa: hekk kif il-ġisem tal-bniedem ma jistax jiffunzjona mingħajr saħħa tajba, is-soċjetajiet u n-nazzjonijiet ma jistgħux jirnexxu mingħajr paċi u armonija. Biex id-dinja tirnexxi u tavvanza fit-tjubija, il-paċi hija ta’ importanza kbira.

Mingħajr paċi, il-progress isir impossibbli, u l-vitalità tisparixxi. Barra minn hekk, il-paċi mhix sempliċement in-nuqqas ta’ gwerra; hija stat komprensiv ta’ armonija, ġustizzja, u rispett reċiproku. Barra minn hekk, għandna nifhmu li, il-paċi vera m’għandhiex tkun limitata għal ċerti reġjuni jew nazzjonijiet, iżda għandha tinkludi l-umanità kollha.

Il-paċi hija prerekwiżit għall-prosperità

Il-paċi hija prerekwiżit għall-prosperità, il-benesseri tal-bniedem, u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Hija waħda mill-akbar barkiet mogħtija lill-umanità. Mingħajr paċi, is-soċjetajiet jiġġarrfu, ir-relazzjonijiet jitkissru u jsiru ħżiena, u t-tkabbir ekonomiku, soċjali u spiritwali jsir diffiċli.

Għalhekk, l-Iżlam jagħti importanza kbira lill-paċi, ’l-armonija u ’l-ġustizzja, u jqishom essenzjali kemm għall-benesseri individwali kif ukoll għall-prosperità kollettiva. Il-messaġġ ewlieni tal-Iżlam għandu għeruq fondi fil-paċi, il-ħniena u l-kompassjoni.

Is-soċjetà jew id-dinja mingħajr paċi u maħkuma minn kunflitti u problemi hija bħal ġisem li jimrad minn diversi mard u problemi ta’ saħħa. Fiż-żewġ xenarji, it-tnejn li huma ma jistgħux jiffunzjonaw u jaħdmu sew.

Il-paċi bħala attribut divin

Għalhekk, bħal meta l-ġisem hu marid u nżuru t-tabib u nieħdu l-mediċina sabiex niksbu saħħitna lura, bl-istess mod, għall-ksib tal-paċi għandna jmorru għand il-Mulej tagħna li huwa s-sors aħħari tal-paċi. Fil-Koran Imqaddes insibu l-attributi differenti ta’ Alla, u wieħed mill-ismijiet sbieħ ta’ Alla huwa ‘As-Salaam’ (Is-Sors tal-Paċi). Dan ifisser li l-paċi toriġina minn Alla, u l-fidili huma mħeġġa jirriflettu dwar dan l-attribut divin fil-karattru u l-imġiba tagħhom. Il-Koran ripetutament isejjaħ lill-umanità lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Alla jgħid: “Alla jsejjaħ lejn id-Dar tal-Paċi.” (10:26)

Dan il-vers jenfasizza li l-paċi mhix biss objettiv dinji, iżda wkoll triq li twassal għas-suċċess etern fil-Ħajja ta’ Wara.

Barra minn hekk, biex nifhmu b’mod tajjeb l-importanza tal-paċi, huwa xieraq li nifhmu li l-kelma ‘Iżlam’ ukoll tfisser ‘paċi u sigurtà’. Din il-konnessjoni lingwistika turi b’mod ċar li l-paċi tinsab fil-qalba tal-Iżlam. Musulman huwa wieħed li jissottometti ruħu lil Alla u jistinka biex jgħix fil-paċi ma’ ħaddieħor. Fl-Iżlam, il-paċi mhix sempliċement in-nuqqas ta’ kunflitt, iżda l-preżenza ta’ ġustizzja, qalb tajba, bilanċ morali u responsabbiltà soċjali.

Paċi fil-ħajja ta’ kuljum

L-Iżlam jinkoraġġixxi l-paċi fl-affari tagħna ta’ kuljum, billi jibda bit-tislima “Assalamu Alaikum” (Il-paċi tkun miegħek). Din it-tislima xxerred ir-rieda tajba u sservi bħala tfakkira kostanti għall-Musulmani biex jittrattaw lil ħaddieħor b’qalb tajba u rispett. Atti bħall-karità, l-għajnuna lil dawk fil-bżonn, il-maħfra ta’ ħaddieħor, u l-kontroll tar-rabja kollha jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetà paċifika u armonjuża.

L-importanza li l-Iżlam jagħti lill-paċi hija evidenti fil-fatt li hija inkorporata fit-tislima ta’ kuljum tiegħu. Meta l-Musulmani jsellmu lil xulxin, jestendu l-paċi, u jsaħħu l-idea li l-fidili għandhom jinkorporaw il-paċi fl-imġiba u l-interazzjonijiet tagħhom. Din it-tfakkira kontinwa tinkoraġġixxi lill-fidili biex iżommu l-ogħla standards ta’ armonija, kompassjoni, fratellanza, u rispett reċiproku. Dan huwa prinċipju naturali li l-umanità kollha hija mistennija li tipprattika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Paċi u armonija globali

L-Iżlam jirrikonoxxi d-diversità tal-umanità u jippromwovi koeżistenza paċifika. Il-Koran jgħallem li n-nies inħolqu f’nazzjonijiet u tribujiet sabiex ikunu jistgħu jafu u jifhmu lil xulxin, mhux jistmerru lil xulxin.

L-Iżlam jippermetti u jinkoraġġixxi relazzjonijiet paċifiċi ma’ nies ta’ reliġjonijiet u kulturi oħra, filwaqt li jenfasizza r-rispett reċiproku, il-kooperazzjoni, u r-responsabbiltà kondiviża għall-ġid komuni.

Paċi u ġustizzja

L-Iżlam jgħallem li l-paċi ma tistax teżisti mingħajr ġustizzja. Il-Koran jikkmanda lill-fidili biex joqogħdu sodi għall-ġustizzja, anke jekk tkun kontra l-interessi tagħhom stess jew dawk tal-maħbubin tagħhom. Meta tipprevali l-ġustizzja, il-paċi ssegwi b’mod naturali. Bil-maqlub, l-oppressjoni twassal għal inkwiet, instabbiltà, u qerda. Għalhekk, l-Iżlam jirrakkomanda soċjetà bilanċjata fejn id-drittijiet huma salvagwardjati u d-dinjità tal-bniedem hija rispettata.

Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, meta nanalizzaw l-istat kurrenti tal-affarijiet dinjija, insibu li d-dinja ma tagħtix kas ta’ dawn il-prinċipji li huma l-bażi u l-pedament tal-paċi vera. Għalhekk, minflok li navvanzaw fil-paċi u s-sigurtà umana, il-paċi hija mhedda b’kunflitti u gwerer. Il-pajjiżi kbar jixtiequ li jkollhom id-dinja kollha, jew għall-inqas reġjun kollu taħt il-ħakma tagħhom. Jidher li xejn mhu biżżejjed għalihom u jixtiequ iktar u iktar. Minflok li nitgħallmu li ‘live and let live’ flimkien b’mod uman u paċifiku, huma jixtiequ li jġibu lil kulħadd taħt idejhom.

Il-paċi hija prinċipju fundamentali fl-Iżlam li jinkludi mġiba personali, relazzjonijiet soċjali, u interazzjonijiet globali. L-Iżlam huwa reliġjon li titlob il-paċi, il-ġustizzja, u l-ħniena. Billi jħaddnu u jipprattikaw dawn il-valuri, l-individwi u s-soċjetajiet jistgħu jiksbu armonija vera, progress sostenibbli, u suċċess dejjiemi f’din id-dinja u fil-Ħajja ta’ Wara.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article, Peace and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.