The Rise of Fake News: A Growing Threat

Image: Lightspring/Shutterstock.com

IŻ-ŻIEDA TAL-AĦBARIJIET FOLOZ: THEDDIDA LI QED TIKBER!

In-Nazzjon, 11.02.2026 |Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

F’epoka ta’ komunikazzjoni mgħaġġla, l-informazzjoni—kemm jekk tkun ġenwina, qarrieqa jew kompletament falza, tinxtered f’qasir żmien. It-teknoloġija moderna u l-midja soċjali llum huma kapaċi li jwasslu l-aħbarijiet madwar id-dinja f’temp ta’ sekondi.

B’din il-ħeffa fid-disseminazzjoni sar komuni ħafna li wieħed jiltaqa’ ma’ aħbarijiet foloz, deep-fake vidjows, u informazzjoni żbaljata, li kollha kemm huma jċajpru l-linja bejn dak li hu vera u dak li mhuwiex.

Għal ħafna, it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz ifisser gwadann ta’ malajr—pożizzjoni temporanja, profitti finanzjarji, jew influwenza politika—miksuba skapitu tal-verità.

Tħallux il-ħajja tqarraq bikom

Dawk li huma involuti f’dawn il-prattiki jistgħu jaħsbu li qed iqarrqu b’ħaddieħor, imma fil-verità jkunu qed iqarrqu biss bihom infushom. Li wieħed jibni r-reputazzjoni jew il-ġid tiegħu bil-qerq huwa bħal meta tipprova tibni kastell fuq ir-ramel; il-pedamenti tiegħu xi darba żgur se jċedu.  

Hekk kif isostni l-Koran Imqaddes (35:6), “Ja nies, il-wegħda ta’ Alla hija tabilħaqq ġenwina, għaldaqstant tħallux il-ħajja materjalistika tqarraq bikom, u lanqas tħallu xi qarrieqi jqarraq bikom dwar Alla jew il-verità.”

Dan il-vers iservi bħala tfakkira li x-xewqat materjalistiċi u l-ħajra għal profitti mgħaġġla jistgħu jgerfxu lin-nies, jikkorrompu l-valuri tagħhom u jressquhom aktar lejn il-qerq.

What goes around comes around

Din it-twiddiba tfakkarna li l-profitti materjalistiċi miksuba bl-ingann ma jitgawdewx fit-tul. Irridu niftakru li “taħsad dak li tiżra’” u li, “what goes around comes around”; jiġġifieri, l-azzjonijiet tiegħek, tajbin jew ħżiena, se jħallu konsegwenzi li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lilek stess. Għalkemm ikun jidher li se jkun hemm profitt f’qasir żmien, it-tixrid tal-falzità jwassal biss għal dispjaċir dejjiemi.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza wkoll l-importanza tar-rispett u l-ġenwinità bejn in-nies, u qal, “Huwa biżżejjed li teqred lil xi ħadd biex tiddisprezza lil ħu dak li jkun. Id-demm, il-proprjetà, u l-unur ta’ persuna huma invjolabbli għal persuna oħra.” Dan juri biċ-ċar li l-għan tal-aħbarijiet foloz ħafna drabi huwa biex jiddisprezza u jkażbar lill-oħrajn—għemil fundamentalment mhux etiku.

Għaliex għandna nagħmlu ħsara lil ħaddieħor?

Il-Profeta Muħammad għallem ukoll li, ixtieq għal ħuk dak kollu li tixtieq għalik innifsek; ħadd ma jista’ jkun tassew leali sakemm ma jixtieqx għal ħuh dak kollu li jixtieq għalih innifsu.

Dan il-prinċipju qawwi jitlobna biex nittrattaw lill-oħrajn bl-istess dinjità li nixtiequ għalina nfusna. L-ebda persuna razzjonali ma tixtieq l-umiljazzjoni jew il-malafama minħabba akkużi foloz, allura għalfejn għandna nagħmlu ħsara lil ħaddieħor?

Aspett fundamentali tal-integrità

L-Iżlam jippromwovi r-rispett, il-mogħdrija, u s-sinċerità bħala prinċipji ewlenin tal-fidi. Il-Qaddis Profeta Muħammad għallem, “Musulman jew fidil veru huwa dak li minn ilsienu u idu l-oħrajn huma siguri, protetti u fil-paċi.”

Dan it-tagħlim jenfasizza aspett fundamentali tal-integrità: li niżguraw li kliemna u l-azzjonijiet tagħna qatt ma jikkawżaw ħsara lil ħaddieħor. Minflok, min jemmen huwa msejjaħ biex jinkorpora t-tjubija, l-onestà, u r-responsabbiltà f’kull interazzjoni.

Kull kelma li ngħidu jew niktbu trid tkun msejsa fuq il-verità, iggwidata minn onestà assoluta, ċarezza, u preċiżjoni fattwali. Jekk inżommu dan il-prinċipju biss, nistgħu niġġieldu b’mod effettiv it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz.

Għalhekk, dawk li jemmnu huma mistennija jirriflettu fuq dawn il-prinċipji siewja u jikkontribwixxu b’mod attiv għal soċjetà aktar ġusta u paċifika. Tabilħaqq, permezz tat-tjieba, l-onestà, u l-imġiba morali, l-Iżlam irawwem komunità msejsa fuq il-paċi u r-rispett reċiproku.

Il-libertà tal-espressjoni ġġib magħha r-responsabbiltà

Il-libertà tal-espressjoni tagħna u t-trażmissjoni veloċi tal-informazzjoni jġibu magħhom responsabbiltà enormi. B’din is-setgħa kbira, irridu neżerċitaw il-kawtela, il-viġilanza u r-responsabbiltà għal kull kelma li nlissnu jew niktbu. Il-konsegwenzi tal-falzità ħafna drabi jħallu effetti kbar, u jikkawżaw ħsara finanzjarja, soċjali u psikoloġika irreparabbli.

Dan iwassalna għall-importanza tat-trasparenza u ċ-ċarezza. Fil-Koran Imqaddes, il-fidili huma mħeġġa biex jitkellmu b’onestà u integrità, kif jamar Alla: “Intom li temmnu, ibżgħu minn Alla, u dejjem għidu s-sewwa.” (33:71) Dan il-parir huwa relevanti llum daqs qatt qabel, u jiggwidana biex dejjem nitkellmu b’mod sinċier u rispettuż.

Dejjem tridu tivverifikaw l-korrettezza

Alla jipprovdi wkoll gwida ta’ kif għandna nqisu l-informazzjoni mhux ivverifikata, billi jwissina: “Intom li temmnu, meta xi ħadd li mhux affidabbli u qarrieqi jwasslilkom xi aħbar, tridu tivverifikaw u taċċertaw bir-reqqa l-korrettezza ta’ dak ir-rapport, ħalli ma tagħmlux ħsara lin-nies fl-għama, u mbagħad tindmu minn dak li tkunu wettaqtu.” (Il-Koran, 49:7)

Din l-istruzzjoni hija sejħa ċara biex l-informazzjoni tiġi vverifikata qabel tiġi aċċettata u mxerrda.

Fid-dinja tal-lum, fejn l-informazzjoni żbaljata hija mifruxa ħafna, irridu niftakru dejjem l-importanza tal-verità, il-kompassjoni u r-responsabbiltà. Kliemna għandu s-setgħa li jfejjaq jew ikisser; ejja nagħżlu b’għaqal u nikkommettu ruħna biex inkattru l-fiduċja u t-tolleranza fil-komunitajiet tagħna.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.