The Relevance of Fasting in the Modern World

Image: Zurijeta/Shutterstock.com

Ir-Relevanza tas-Sawm fiż-Żminijiet tal-Lum

It-Torċa, 22.02.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Il-ħajja hija sfida kontinwa fejn wieħed irid iħabbat wiċċu ma’ għadd ta’ sofferenzi, ostakli u tbatijiet. Barra minn hekk, hemm ħafna tlugħ u nżul li niffaċċjaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Madanakollu, fiż-żminijiet iebsa u mpenjattivi tal-lum, din l-isfida saret saħansitra aktar diffiċli.

Xi wħud isaqsu dwar ir-relevanza tas-sagrifiċċji permezz tas-sawm f’dawn iż-żminijiet kurrenti li diġà huma ibsin, meta l-ħajja nnifisha saret sfida kbira għal ħafna nies. Xi wħud jgħidu li fil-kuntest attwali, dan mhux piż ieħor fuq dawk l-individwi li qed ibatu li jiċċaħħdu mill-ikel u x-xorb, miż-żerniq sal-għabex, għal xahar sħiħ matul ir-Ramadan?

Il-filosofija u r-razzjonal wara s-sawm

Jiena naħseb li dawn il-mistoqsijiet jinbtu minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-filosofija u r-razzjonal wara s-sawm imsejsa fuq l-għerf perfett ta’ Alla Omnipotenti meta ddikjara fil-Koran Imqaddes (2:184-185) li, is-sawm huwa ordnat lilkom, ħalli intom issiru ġusti; u s-sawm huwa tajjeb għalikom, kieku intom biss tafu.

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana tħaddet dwar l-importanza tas-sawm b’mod meqjum u fisser li s-sawm huwa forma ta’ qima u sagrifiċċju li hija essenzjali għas-safa tal-ispirtu. Din l-esperjenza spiritwali tqawwi r-ruħ umana u tipprovdi intuwizzjoni u fehim tar-realtajiet ibsin tal-ħajja li ħafna nies jaffaċċjaw regolarment fid-dinja kollha.  

In-nutriment spiritwali

Kif jistgħu ċerti nies jindaħlu f’qasam li m’għandhom l-ebda idea tiegħu u f’territorju li qatt ma żaru? Is-sawm ma jfissirx biss li wieħed jiċċaħħad mill-ikel u l-ilma iżda għandu għan ħafna akbar li jista’ jintlaħaq biss bl-esperjenza personali. L-idea tas-sawm hija li wieħed inaqqas in-nutriment fiżiku li jmantni l-ġisem biss, u jkattar in-nutriment spiritwali li jissodisfa r-ruħ.  

Sfortunat huwa dak l-individwu li jingħata l-ħobż materjali u ma jagħtix kas tal-ħobż spiritwali. Il-ħobż materjali jsaħħaħ il-ġisem u l-ħobż spiritwali jsostni r-ruħ u jimmeljora l-fakultajiet spiritwali.

Barra minn hekk, is-sawm huwa mezz biex wieħed jikkontrolla l-indulġenzi tiegħu, ikollu aktar kontroll u dixxiplina fuqu nnifsu, u huwa ta’ benefiċċju kbir għal saħħitna. Din hija r-raġuni għala llum il-ġurnata s-sawm f’perjodi speċifiċi sar tant popolari ma’ ħafna esperti tas-saħħa li jippromovuh personalment. Biex insemmu ftit benefiċċji, is-sawm jgħin biex wieħed jieħu ħsieb aktar saħħtu, iqawwi l-fakultajiet konjittivi, itawwal iż-żmien ta’ kemm wieħed jgħix u jnaqqas ir-riskju tal-mard bħall-kanċer, fost ħafna aktar benefiċċji.

Nippruvaw nifhmu d-diffikultajiet u l-miżerji tal-fqar

Is-sawm jipprovdi opportunità ġenwina biex wieħed jifhem il-miżerji ta’ individwi fqar u fil-bżonn, u jrawwem u jkattar valuri morali għoljin bħall-ġenerożità, il-mogħdrija, is-solidarjetà, l-umiltà, il-gratitudni u sens qawwi tal-qadi tal-umanità.  

Għaldaqstant, is-sawm m’għandux jitqies bħala piż f’dawn iż-żminijiet turbulenti, iżda pjuttost għandu jipprovdi opportunità biex wieħed jirrifletti dwar il-grazzja u l-barkiet ta’ Alla li aħna ngawdu f’kull mument ta’ ħajjitna. Mhuwiex xieraq li aħna niddedikaw ftit ġranet fis-sena biex nuru l-gratitudni tagħna lejn il-Mulej u nirringrazzjawh tal-barkiet Tiegħu?

Is-sawm huwa eżerċizzju spiritwali li jsaħħaħ kull tip ta’ defiċjenzi spiritwali li jkunu tfaċċaw matul is-sena.  

L-għoti tal-mediċina skont il-mard

Huwa fenomenu naturali li l-mediċina tingħata skont is-severità tal-mard u għalhekk, bl-istess mod, meta l-ispiritwalità tinħonoq mill-materjaliżmu li dejjem jiżdied, biex trawwem u tistabbilixxi l-moralità, eżerċizzju spiritwali ppjanat huwa essenzjali immens. Alla mhux biss jipprovdi l-fejqan fiżiku iżda dak spiritwali wkoll, għalhekk is-sawm ġie ordnat biex ifejjaq ir-ruħ umana. Għaldaqstant, kif jista’ jitqies bħala piż meta jipprovdi pjattaforma biex wieħed jirrifletti, jittrasforma u jfittex l-għan tal-eżistenza tiegħu?

Barra minn hekk, dawn is-sagrifiċċji ma jgħollux il-qagħda ta’ Alla, iżda pjuttost huma għall-benefiċċju tagħna, hekk kif Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li l-qima, il-biża’ u t-tfakkir f’Alla u t-twettiq ta’ għemejjel tajba huma t-triq għas-suċċess, il-paċi u l-prosperità. (2:190; 8:46; 27:78)

Ir-relazzjoni mal-Ħallieq

Huwa wkoll fatt ċert li meta tinbena relazzjoni b’saħħitha mal-Ħallieq, sagrifiċċji oħra jsiru eħfef ukoll u Alla joffri l-faraġ lil dawn il-fidili u jipprovdilhom il-paċi u s-sodisfazzjon. Huwa joffri s-sostenn lit-twajbin b’tali mod li lanqas huma ma jkunu jistgħu jifhmu hekk kif inhu dikjarat fil-Koran Imqaddes: “Dak li jibża’ u jħobb lil Alla—Huwa joffrilu triq għalih u jipprovdilu minn fejn wieħed ma jkunx qiegħed jistenna. U dak li jqiegħed il-fiduċja tiegħu f’Alla—Huwa biżżejjed għalih.” (65:3-4)

Biex wieħed jikkonkludi, f’dawn iż-żminijiet diffiċli u turbulenti, is-sawm mhux biss huwa relevanti, iżda huwa kruċjali għall-benesseri tagħna, fiżiku, morali, soċjali u spiritwali. Huwa eżerċizzju li, jekk jittieħed b’serjetà minn ħafna, iħalli ġid kbir għall-umanità kemm moralment kif ukoll spiritwalment.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article, Ramadan and tagged , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.