Healing Divisions: Caring for Humanity through Interreligious Dialogue

Image: MRizly/Shutterstock.com

Insewwu l-firdiet: Il-kura tal-umanità permezz ta’ djalogu interreliġjuż

It-Torċa, 01.03.2026| Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Ir-reliġjon serviet għal ħafna żmien bħala forza ta’ riformazzjoni u trasformazzjoni. Madanakollu, fid-dinja frammentata u polarizzata tal-lum, il-ħtieġa għall-għaqda permezz tal-fidi qatt ma nħasset daqshekk urġenti. Id-djalogu interreliġjuż għandu jitqies bħala għodda b’saħħitha għat-twaqqif tal-paċi, jgħin biex isewwi l-firdiet u jkattar ir-rispett reċiproku qalb komunitajiet diversi.

Żewġ prinċipji bażiċi għad-djalogu kostruttiv

Il-Koran Imqaddes jipprovdi żewġ prinċipji fundamentali bħala għodda li jgħinu biex jitwaqqaf id-djalogu interreliġjuż li jkun kostruttiv u sinifikattiv.

L-ewwel nett, il-Koran Imqaddes jiggwida lill-Musulmani biex jitħaddtu man-Nies il-Ktieb—l-Insara u l-Lhud— u jistednuhom għal għan komuni, li huwa Alla Omnipotenti. Jistedinhom biex jersqu lejn Alla u jwarrbu d-differenzi ta’ bejniethom, għax hekk biss wieħed jista’ jibni d-djalogu interreliġjuż b’suċċess. Dan l-ispirtu ta’ għaqda jbiddel il-mibegħda fi mħabba u fraternità.

It-tieni nett, huwa jemmen fl-universalità tal-verità fejn is-salvazzjoni ma tistax tiġi monopolizzata minn reliġjon waħda fid-dinja. Huwa dikjarat f’termini mhux ambigwi fil-Koran Imqaddes li, “Tabilħaqq, il-Musulmani, il-Lhud, l-Insara u s-Sabjani, kulmin verament jemmen f’Alla u fl-Aħħar Jum u jaġixxi b’mod sewwa, se jkollhom ħlashom għand Sidhom. Ebda biża’ ma hemm fuqhom, u lanqas jitnikktu.” (2:63)

Din id-dikjarazzjoni tqiegħed il-pedament għall-bini tal-pontijiet bejn ir-reliġjonijiet filwaqt li twassal l-aħbar tajba lil dawk li jemmnu u jwettqu għemejjel nobbli li huma se jkunu l-werrieta tal-grazzja u l-ħniena ta’ Alla.

Attitudni u approċċ pożittivi

Din hija l-attitudni li għandna nadottaw illum biex intejbu l-kwalità tar-relazzjoni tagħna ma’ reliġjonijiet oħra.

Il-paċi reliġjuża u d-djalogu interreliġjuż ma jistgħux jinkisbu mingħajr it-tkattir ta’ attitudnijiet li jkunu bla preġudizzji u mimlija ġenerożità; u ta’ moħħ miftuħ u ta’ fehim uman lejn in-nies ta’ reliġjonijiet oħra.

Ir-reliġjonijiet jikkompromettu l-prinċipji fundamentali tagħhom minħabba l-paċi u r-rikonċiljazzjoni? Assolutament le! Dak li r-reliġjonijiet għandhom bżonn huwa għan wieħed komuni li ma jfissirx li għandhom jiċħdu d-differenzi fil-prinċipji tagħhom; pjuttost, bit-twemmin divers tagħhom għandhom jingħaqdu f’isem il-Mulej, u għall-ġid tal-umanità.

Il-manifestazzjoni ta’ rispett reċiproku

Biex jitkattru l-aċċettazzjoni u d-dispożizzjoni favur id-djalogu interreliġjuż, huwa importanti ħafna li nuru rispett lejn ir-reliġjonijiet kollha. Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana kien dejjem jippromwovi din l-idea billi jisħaq illi l-laqgħat interreliġjużi għandhom jiffokaw fuq it-tajjeb tar-reliġjonijiet mingħajr il-kritika ta’ oħrajn. Huwa kiteb:

“Alla informani li mir-reliġjonijiet li nfirxu u li huma stabbiliti sew fid-dinja permezz tal-Profeti, billi għandhom influwenza fuq parti sew mid-dinja u rnexxielhom jibqgħu jeżistu u jakkwistaw ħajja twila, l-ebda wieħed mhu falz fl-oriġini tiegħu. L-ebda Profeta ma kien falz lanqas, għax hi l-prattika eterna ta’ Alla li profeta falz li jigdeb kontra Alla—mhux mibgħut minn Alla u jipprova jiffalsifika l-affarijiet kontrih—qatt ma jipprospera.”

Bis-saħħa tar-rispett reċiproku biss nistgħu nittamaw li nistabbilixxu l-paċi u l-armonija. Ir-redikolaġni jew il-kundanna ta’ reliġjonijiet oħra jġibu biss inkwiet; filwaqt li l-imħabba u r-rispett ikattru l-għaqda.

Għaldaqstant, filwaqt li għandna dritt li nsemmu l-kwalitajiet tajba tat-twemmin tagħna u ngħallmu lil oħrajn dwar dan, m’għandniex dritt li mmaqdru reliġjonijiet oħra u noħolqu kaos fid-dinja. Is-segwaċi ta’ reliġjon waħda m’għandhomx ikażbru reliġjon oħra u minflok għandhom jgħixu flimkien fl-għożża u l-armonija.

Eżempju mill-aqwa tal-armonija interreliġjuża

Id-djar ta’ qima għandhom iservu bħala postijiet ideali għal attivitajiet interreliġjużi. Eżempju storiku interessanti nsibuh fi żmien il-Qaddis Profeta Muħammad (is-sliem għalih) meta delegazzjoni Nisranija minn Najran waslet Medina biex ikollha taħditiet dwar ir-reliġjonijiet mal-Musulmani. Il-Qaddis Profeta Muħammad laqa’ d-delegazzjoni Nisranija b’ospitalità kbira, u kellu diskussjonijiet magħhom għal ħafna jiem fil-Moskea tal-Profeta f’Medina.

Darba minnhom waqt diskussjoni d-delegazzjoni Nisranija talbet il-permess biex toħroġ barra għal xi ħin. Il-Profeta Muħammad staqsiehom: “Għaliex tridu toħorġu barra?” Huma wieġbu: “Sar il-ħin biex nitolbu, imma bħalissa ninsabu fil-moskea tagħkom, u ma nafux minn fejn nistgħu noffru t-talb tagħna.”

Il-Qaddis Profeta Muħammad qalilhom li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw il-għaliex diġà jinsabu f’moskea li hija wkoll id-dar ta’ Alla, u għalhekk jistgħu jitolbu minn hemmhekk. Il-Profeta tahom lok fil-moskea tiegħu u ħareġ barra mal-kumpanni tiegħu ħalli l-Insara jkunu jistgħu jitolbu b’faċilità skont il-fidi u t-twemmin tagħhom. Il-ġemgħa Nisranija talbet fil-moskea skont it-tradizzjonijiet u r-ritwali tagħha.

Dan il-ġest mill-aqwa tat-tolleranza, l-armonija u ospitalità jservi bħala eżempju permanenti għall-koperazzjoni interreliġjuża.

Ejjew niftħu qalbna għal xulxin

Biex nibnu dinja armonjuża, irridu niftħu qalbna għal xulxin, u nonoraw ir-reliġjonijiet kollha u l-kredenti tagħhom kollha. Ejja nkunu mmexxija mill-mogħdrija, mill-fehim, u minn impenn komuni biex nistabbilixxu l-paċi. Bis-saħħa tad-djalogu interreliġjuż, nistgħu nibdew infejqu l-ġrieħi tal-umanità u nersqu lejn komunità globali aktar magħquda u aktar ġusta.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.