Image: Cristian M Balate/Shutterstock.com
FIDI FIS-SERĦAN U T-TBATIJA: KEJL TA’ DEVOZZJONI VERA
It-Torċa, 05.04.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-ħajja fid-dinja hija taqbida kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin, li permezz tagħha aħna maħsuba biex nikbru u navvanzaw bl-aħjar mod possibbli. Tul dan il-vjaġġ, spiss niġu ttestjati minn Alla biex jiddetermina jekk il-fidi tagħna hijiex sinċiera jew sempliċement konvenjenti—jekk nibqgħux sodi fil-gratitudni matul żminijiet ta’ barka, jew nitbiegħdu bl-ilmenti meta niffaċċjaw it-tbatija.
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Meta nixħtu l-grazzja tagħna fuq il-bniedem (b’kull ġid li nagħmlu miegħu, arah) jagħti dahru (għaliex xejn ma jafhulna) u jwarrab lil hemm b’arroganza. U meta jmissu d-deni, huwa jaqta’ jiesu (mill-ħniena ta’ Alla). Għid: ‘Kulħadd jagħmel skont ix-xeħta tiegħu (tajjeb jew ħażin), u Sidkom jaf l-aħjar b’min huwa l-aktar fit-triq it-tajba.’” (Il-Koran, 17: 84-85)
Fiduċja f’Alla kemm fis-serħan kif ukoll fit-tbatija
Dawn il-versi jgħallmu li dawk li jemmnu tassew ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla kemm fi żminijiet ta’ mistrieħ kif ukoll fi żminijiet ta’ tbatija. Meta jiġu ttestjati, jirrispondu b’paċenzja, saħħa, u fidi soda—ma jdurux lil hinn minn Sidhom. B’kuntrast, dawk li m’għandhomx fidi f’Alla spiss isiru arroganti meta jkunu mberkin b’suċċess fid-dinja, u jaqgħu fid-disperazzjoni meta jinqalgħu diffikultajiet, għax ma jkollhomx fidi f’Alla.
Il-versi jenfasizzaw ukoll li kull persuna taġixxi skont il-mentalità, il-motivi, u l-għanijiet tagħha. Dawk li jiffokaw biss fuq il-qligħ fid-dinja jitħawdu bit-telf, peress li t-tamiet tagħhom huma marbuta mas-suċċess materjali biss. Madankollu, min jemmen ifittex il-pjaċir ta’ Alla fuq kollox, għalhekk id-daqqa ta’ ħarta fid-dinja ma tfixkilhomx bl-istess mod. Huma jiffaċċjaw l-isfidi b’kuraġġ, reżiljenza, fidi u fiduċja.
Niftakru f’Alla fi żminijiet tajba
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallem prinċipju profond: jekk tixtieq li t-talb tiegħek jiġi mwieġeb fi żminijiet ta’ diffikultà, allura ftakar f’Alla fi żminijiet trankwilli.
Bl-istess mod, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jfakkarna li hieni dak li Alla juri ħniena miegħu—li jibqa’ konxju u kawt fi żminijiet ta’ paċi daqskemm wieħed ikun meta jiffaċċja t-tbatija. Kull min ma jinsiex lil Alla li Jista’ Kollox fi żminijiet ta’ sliem ma jintesiex minnu fi żminijiet ta’ niket. Imma dak li jqatta’ perjodi ta’ faraġ fl-indulġenza u jdur għat-talb biss fi żminijiet ta’ diffikultà—it-talb ta’ persuna bħal din ma jiġix aċċettat.
Meta jinżel il-kastig divin, il-bieb tal-indiema jingħalaq. Xortih tajba, mela, dak li jibqa’ involut fit-talb qabel ma jasal żmien bħal dan, li jagħti l-karità, jonora l-kmandamenti ta’ Alla, u juri kompassjoni lejn il-ħolqien Tiegħu. Huma jirfinaw u jwettqu l-għemejjel tagħhom bit-tjieba—dawn tabilħaqq huma s-sinjali ta’ suċċess veru.
Storja turi b’mod sabiħ din il-lezzjoni
Darba negozjant Għarbi kien qed jivvjaġġa ġod-deżert. Waqt li kien għaddej beda jħoss sħana kbira u qabdu l-għatx. Imbagħad induna li l-flixkun tal-ilma tiegħu kien ukoll vojt! Beda jħares madwaru bit-tama li tfeġġ xi għajn tal-ilma, iżda naturalment ma seħħ xejn minn dan.
Għalhekk baqa’ sejjer iżda ma għaddiex wisq ħin li beda jħossu sturdut u kien kważi ċert li se jħossu ħażin. F’daqqa waħda deher quddiemu nomadu fqir, ħafi u liebes imċerċer. In-negozjant petpet għajnejh bil-qatgħa u waqqaf malajr il-ġemel, għaliex kien ċert li ma kien hemm ħadd qabel madwaru. Beda jaħseb li qed jimmaġina iżda mbagħad aċċerta ruħu li n-nomadu kien ta’ veru għax dan beda jitkellem: “Għaxar minuti fil-Majjistral t’hawn hemm għajn ta’ ilma safi. Mur hemm u aqta’ l-għatx tiegħek.” Imbagħad sparixxa.
In-negozjant mibluh għamel kif qallu n-nomadu, anki jekk ma kienx fi triqtu, u hemmhekk sab l-aktar ilma tajjeb li qatt xorob. Waqt li kien qed jixrob, qatagħha li n-nomadu li ltaqa’ miegħu kien anġlu, u għalhekk irringrazzja ’l Alla.
Ġimgħat wara, in-negozjant irritorna lejn daru u kien qed iħossu komdu, u mal-kumdità ġiet l-arroganza. Darba minnhom wieħed tallab ħabbat il-bieb tiegħu f’lejla bix-xita. Huwa talab biex jistkenn mill-maltemp. Iżda n-negozjant, li kien sar arroganti, keċċa lit-tallab bi kliem iebes u b’mod aħrax.
F’dak il-mument, it-tallab żvela li kien l-istess nomadu li kien salva l-ħajja tan-negozjant. Spjega li din kienet prova minn Alla—u li n-negozjant kien falla. Imbagħad sparixxa.
Imħawwad, in-negozjant induna bl-iżball tiegħu. Nidem sinċerament u rriforma ruħu. Minn dakinhar ’il quddiem, sar ġeneruż, ħanin, u dejjem attent għal dawk fil-bżonn, jagħti karità u jestendi l-qalb tajba lil kulħadd.
Tfakkira qawwija
Din l-istorja sservi bħala tfakkira qawwija: il-fidi vera ma titkejjilx biss f’mumenti ta’ kriżi, iżda f’kif inġibu ruħna meta l-ħajja tkun faċli. Li niftakru f’Alla fi żminijiet ta’ paċi, li nuru kompassjoni, u li ngħixu b’mod ġust huma l-kwalitajiet li jwasslu għal suċċess dejjiemi—kemm f’din id-dinja kif ukoll f’dik ta’ wara.