Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon 05.08.2023 | amjmalta@gmail.com
Illum id-dinja riesqa b’mod veloċi lejn gwerra globali katastrofika u bil-kunflitt bejn l-Ukranja u r-Russja bla sinjal li jbatti, anzi bil-possibbiltà li jisplodi f’kunflitt akbar, kull soluzzjoni attwali tidher li mhu se twassal lejn imkien. L-idea ta’ gwerra nukleari devastanti qed tissemma spiss bħalissa bħala possibbiltà. Hija meħtieġa soluzzjoni differenti li tbiegħed is-sħab ta’ qerda li qed jinġema’ malajr u tiġi stabbilita l-paċi dejjiema.
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-mexxej tal-Komunità Ahmadiyya li jixtieq jaħdem ħafna sabiex il-paċi tiġi stabbilita fid-dinja kollha, reġa’ ġibed l-attenzjoni tad-dinja għal dan ir-rigal imprezzabbli, li qed jisparixxi malajr mis-soċjetajiet tagħna, li hu msejjaħ “paċi u sliem”.
Huwa enfasizza li huwa importanti li n-nazzjonijiet kollha jingħaqdu flimkien għall-paċi, għax mingħajr għaqda xejn mhu possibbli. L-aħjar ħaġa hija li l-pajjiżi kollha l-ewwel jippruvaw isibu soluzzjoni paċifika għall-kunflitti. Imma, jekk xi pajjiż isir l-aggressur, il-pajjiżi l-oħra għandhom flimkien iwaqqfu l-oppressur. Madanakollu, kif jieqfu l-ħruxijiet, ma jridx ikun hemm retribuzzjoni inġusta jew vendikazzjoni.
Imma sal-akbar possibbiltà, il-gwerra għandha tiġi evitata, għax il-gwerra ma ssolvi xejn, u l-verità hi li l-gwerra ħafna drabi toħloq aktar kunflitt. Għalhekk, huwa estremament importanti li dejjem nippruvaw insibu soluzzjoni lil hinn mill-gwerra.
Id-djalogu u l-komunikazzjoni effettiva huma wkoll pilastri ewlenin fix-xenqa għall-paċi, għalhekk huwa importanti li l-bibien tal-komunikazzjonidejjem jibqgħu miftuħin beraħ, sabiex ir-raġġi tas-sliem u tal-paċi jistgħu jidħlu ġewwa u bil-fwieħa tagħhom jagħmlu l-atmosfera pjaċevoli.
Is-soluzzjoni aħħarija għall-paċi dejjiema hija biss li aħna tassew u b’qalbna nagħrfu lil Alla tagħna, u meta l-bniedem iwarrab il-modi egoistiċi u x-xewqat materjalistiċi u jasal biex jagħraf u jqim lil Alla Wieħed u jħabrek biex jissodisfa d-drittijiet Tiegħu u jaġixxi fuq it-tagħlim Tiegħu.
Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta ppubblikat bil-Malti dan id-diskors tiegħu li fih wera triq ’il quddiem biex il-paċi vera u dejjiema tiġi stabbilita. Il-qarrejja tagħna jistgħu jaqraw dan il-ktieb fuq il-websajt www.ahmadiyya.mt.