The rights of the roads (1)

Photo: Zsolt Istvan | Unsplash

Id-drittijiet tat-toroq (1)

Il-bankini għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd billi jiġi evitat kull imblukkar, ġbir fuq il-bankini u mixi fi gruppi. Hija prattika tajba li nimxu fuq naħa waħda tal-bankina u, jekk nimxu mal-ħbieb u l-familja, allura minflok nimxu ħdejn xulxin għandna nimxu wara xulxin.

Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon

Ilni naħseb biex nikteb fuq dan is-suġġett għal żmien mhux ħażin; madankollu, matul dawn il-ġranet tax-xita kont imqanqal ħafna biex nikteb fuq dan is-suġġett importanti ħafna, li jista’ jinstema’ stramb għal xi wħud. Madankollu, meta naħsbu fuq dan is-suġġett insibu li huwa suġġett validu ħafna u wisq importanti; huwa suġġett soċjali li jirrifletti l-attitudni, l-etikett, l-etika u l-valuri tagħna.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta gwida profonda dwar dan is-suġġett u biex jikkultiva attitudni deċenti u ta’ manjiera tajba. Hu qal:

“Oqogħdu attenti! Evitaw li toqogħdu bilqiegħda fit-toroq.” In-nies qalu, “O Profeta ta’ Alla! Ma nistgħux nevitaw li noqogħdu hemm għax għandna niddiskutu l-affarijiet tagħna hemmhekk.” Il-Profeta qal, “Jekk tinsistu li toqogħdu hemm, imbagħad agħtu lit-toroq id-drittijiet tagħhom.” In-nies staqsew, “X’inhuma d-drittijiet tat-triq?” Qal, “Tbaxxi l-ħarsa tiegħek, toqgħod lura milli tagħmel ħsara lil ħaddieħor, tirreċiproka t-tislima, u tordna dak li hu tajjeb u tipprojbixxi dak li hu ħażin.”

Virtù kbira

Din hija tabilħaqq il-gwida prinċipali fir-rigward tad-drittijiet tat-toroq, u hi tassew virtù kbira li tipprovdi faċilità u tkun konxju tal-kumdità ta’ ħaddieħor. Huwa kompla enfasizza fuq dan is-suġġett billi qal li, “Agħmlu affarijiet faċli għall-oħrajn, ipprovdu kumdità lil ħaddieħor u la tagħmlux affarijiet diffiċli jew toħolqu inkonvenjent għan-nies. Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien. U min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. Min jgħatti d-dgħufija ta’ ħaddieħor, Alla jgħatti d-dgħufija tiegħu f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lill-qaddej li jgħin lil ħuh.”

Agħtu lit-toroq id-drittijiet tagħhom

Meta naħsbu fid-dettall dwar dan is-suġġett u nħarsu madwarna nsibu li hemm drittijiet tat-toroq li xi kultant ma nagħtux kashom. Pereżempju, li mhux biss huwa ħażin li noqogħdu fit-toroq fi gruppi, iżda wkoll li nidħqu bil-goff meta nkunu fi gruppi, nagħmlu storbju jew noħolqu inkonvenjent lil ħaddieħor.

Mhuwiex etiku li noqogħdu f’ċirku fin-nofs tat-triq jew fuq il-bankini, u dan għandu jiġi evitat. Id-dritt tat-toroq huwa li n-nies m’għandhomx jinġabru fi gruppi u jitkellmu b’leħen għoli fiż-żoni pubbliċi.

Għalhekk, jekk ikollna nimxu fi gruppi, għandna nimxu bil-kwiet, nitkellmu bil-mod, qatt ma ngħollu leħinna u qatt ma nweġġgħu s-sentimenti ta’ ħadd, anke jekk intenzjonalment jew mhux intenzjonalment.

L-etikett tal-mixi

Il-bankini għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd billi jiġi evitat kull imblukkar, ġbir fuq il-bankini u mixi fi gruppi. Hija prattika tajba li nimxu fuq naħa waħda tal-bankina u, jekk nimxu mal-ħbieb u l-familja, allura minflok nimxu ħdejn xulxin għandna nimxu wara xulxin, wieħed wara l-ieħor.

Il-bankini m’għandhomx jiġu mblukkati iżda rridu nkunu konxji li nies oħra għandhom bżonn ukoll jużaw il-bankini u għalhekk li nieqfu fi gruppi u ma nħallux lil ħaddieħor jgħaddi hija mġiba ħażina ħafna.

Eżempju eċċellenti

Għandna biex nitgħallmu mit-tfal tal-iskejjel li meta jkollhom il-ħarġiet dejjem jimxu wara xulxin f’ringiela u jsegwu l-għalliema tagħhom li qed tmexxihom. Dan huwa eżempju eċċellenti għall-kbar.

Importanti wkoll li dejjem nimxu fuq il-bankini u mhux fit-toroq, u wieħed għandu joqgħod attent u jkun paċenzjuż waqt li jaqsam it-triq. Ħafna drabi jidher li n-nies jipperikolaw lilhom infushom u lil ħaddieħor billi jimxu fit-toroq u jaqsmu t-triq bil-għaġla mingħajr lanqas biss jagħmlu kuntatt mal-għajnejn tax-xufier. Fit-triq, jekk xi ħadd ikollu bżonn għajnuna fl-irkib, għandu jiġi megħjun. Tajjeb ukoll li nuru t-triq lil dawk li jitolbu direzzjonijiet.

L-etikett tal-ikel

Tiekol jew tixrob waqt li timxi fuq il-bankina, fis-suq jew waqt is-sewqan jista’ wkoll isir perikoluż, għalhekk għandu jiġi evitat u wieħed għandu joqgħod bilqiegħda sew qabel jiekol u jixrob.

Ix-xorb alkoħoliku u t-tipjip f’żoni pubbliċi li jintużaw mit-tfal, anzjani u familji, għandhom jiġu evitati kompletament u minflok jintgħażlu tali postijiet li ma joħolqu l-ebda problema għal ħaddieħor; u sabiex inżommu t-tfal tagħna ’l bogħod minn alkoħol u tipjip, anke d-duħħan tat-tipjip jagħmel ħsara. Fl-Iżlam, l-alkoħol mhuwiex permissibbli, u t-tipjip mhuwiex mixtieq; u hemm ħafna raġunijiet validi għal dan.

Jekk tara xi mġiba mhix f’waqtha f’dawk li jkunu għaddejjin, iġbed l-attenzjoni tagħhom bi mħabba u qalb tajba. Għax li tgħid it-tajjeb u tipprojbixxi l-ħażen hija t-triq ta’ min jemmen. In-nies bilqiegħda fil-ġenb tat-triq m’għandhomx jgħidu kliem oxxen fl-assemblea tagħhom imma għandhom jitkellmu b’tali mod li jiġbdu l-qalb għall-għemejjel tajbin.

Tbaxxi l-ħarsa tiegħek!

Wieħed mid-drittijiet tat-toroq huwa li nżommu ħarsiet baxxi u wieħed m’għandux jiċċassa lejn min jgħaddi, partikolarment lejn in-nisa. Imġiba tajba bħal din se tipprovdi kumdità u sigurtà lin-nisa u tkun ukoll mezz biex tinżamm is-safa tal-qlub għall-irġiel.

Hija wkoll etikett tajjeb meta nsellmu lil xulxin u nxerrdu l-fwieħa tal-paċi, l-imħabba, ir-rispett u l-fratellanza fis-soċjetà. Għalhekk, għandna nsellmu lil xulxin fit-triq għax it-tislijiet huma talb tajjeb u huma kliem imbierek u safi minn Alla li jista’ kollox. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal ‘xerrdu t-tislijiet ta’ paċi fostkom’, u tana kliem vera sabiħ li meta nsellmu lil xulxin ngħidu, ‘Asslamo-Alejkum – Il-paċi u s-sliem magħkom’.

In-Nazzjon, is-Sibt 3 ta’ Frar 2024 | Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim JamaatMalta – amjmalta@gmail.com

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

1 Response to The rights of the roads (1)

  1. Pingback: The rights of the roads (2) | Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.