The rights of the roads (2)

Id-drittijiet tat-toroq (2)

Huwa dmir nazzjonali tagħna u wieħed mid-drittijiet tat-toroq, li dejjem inżommu t-toroq nodfa; u wieħed għandu jevita li jarmi l-loqom tas-sigaretti, il-biljetti tal-karozzi tal-linja, irċevuti, ippakkjar tal-ikel u fliexken fit-toroq.

Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon 24.02.2024 |

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Ħadd minnkom ma jemmen, jekk ma jixtieqx lil ħuh dak li jixtieq lilu nnifsu.”

Huwa kompla qal: “Kun ġust, u tkun l-aħjar fost dawk li jqimu. Kun kuntent b’li għandek, u b’hekk tkun l-aħjar fost dawk li jiżżu ħajr. Ara li tixtieq għal ħaddieħor dak li tixtieq għalik innifsek, u b’hekk tkun tassew temmen. Ġib ruħek tajjeb ma’ ġarek, u b’hekk tkun tassew fidil. Naqqas id-daħq, għaliex ħafna daħq joqtol lill-qalb.”

Qed niddiskutu d-drittijiet tat-toroq, għalhekk għandna dejjem inġibu ruħna tajjeb ma’ kulħadd meta nkunu fit-triq; dejjem nibqgħu konxji dwar dak li ngħidu u nagħmlu; u nixtiequ lil ħutna dak li nixtiequ għalina nfusna, jiġifieri, paċi, sliem, sigurtà u serħan.

L-Indafa tat-toroq

Huwa dmir nazzjonali tagħna u wieħed mid-drittijiet tat-toroq, li dejjem inżommu t-toroq nodfa; u wieħed għandu jevita li jarmi l-loqom tas-sigaretti, il-biljetti tal-karozzi tal-linja, irċevuti, ippakkjar tal-ikel u fliexken fit-toroq. Iż-żibel m’għandux jintrema fuq il-bankini jew fit-toroq; iżda għandu jitqiegħed barra fil-jiem preskritti bil-mod ġentili biex jiġi evitat kwalunkwe inkonvenjent għal ħaddieħor.

It-tfigħ ta’ oġġetti fuq il-bankini jew fit-toroq li jistgħu joħolqu l-periklu bħal ġebel, qxur, xewk, għadam jew injam, għandu jiġi evitat kompletament, u minflok, jekk naraw xi ħaġa ta’ ostaklu fit-triq, għandha titneħħa mill-ewwel, u ma nistennewx lil ħaddieħor. Għax dan huwa wkoll id-dritt tat-triq li tiġbor affarijiet perikolużi mit-toroq jew bankini.

Jekk tara xi ħaġa bħal qxur tal-banana, ġebel, stikek, friegħi jew xi ħaġa li tista’ tikkawża ħsara, tistenniex li n-nies li huma fid-dmir ineħħuha, imma għandha titneħħa immedjatament, u qatt ma narmu dawn l-affarijiet fit-toroq. Irridu nifhmu li jekk hu importanti li titneħħa xi ħaġa perikoluża mit-toroq allura li żżomm lura mit-tfigħ ta’ xi ħaġa bħal din huwa saħansitra ta’ importanza akbar.

Tindif wara l-klieb

Tindif wara l-klieb huwa wkoll importanti ħafna. Xi nies ma jnaddfux wara l-klieb tagħhom u wkoll iħallu lill-klieb tagħhom jagħmlu l-urina quddiem djar, bibien, daħliet, ħwienet, eċċ. li joħolqu riħa tinten ħafna u inkonvenjent għar-residenti.

Biex dan jiġi evitat ħafna nies iħallu fliexken mimlijin bl-ilma b’kuluri differenti fuq il-bankini u quddiem djarhom, b’għan li l-klieb jevitaw dak il-post; dawn il-fliexken ukoll joħolqu inkonvenjenza. Għalhekk, huwa dritt tat-triq li n-nies għandhom inaddfu wara l-klieb tagħhom u jeħduhom għal mixja u biex jagħmlu l-urina f’żoni tal-ġenb u mhux quddiem ħwienet jew djar.

Tikkawżax periklu għal ħaddieħor

Matul l-istaġun tax-xita jidher b’mod regolari li n-nies isuqu b’tali mod li jitfgħu l-ilma fuq il-bankini u fuq dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi, fuq nies li jkunu qed jistennew ix-xarabank fuq l-istejġ fosthom tfal, studenti u anzjani; u fuq vetturi oħra u xi kultant isuqu b’tant veloċità li l-ilma jintefa’ fuq il-windscreens ta’ karozzi oħra li joħloq periklu kbir għalihom. Għalhekk, huwa dritt tat-triq li, meta tkun ix-xita, il-vetturi għandhom jinsaqu b’tali mod li ma jikkawżaw ebda periklu, ħsara jew inkonvenjent lil xufiera oħra u lil min ikun miexi fuq il-bankini.

Is-sewqan bir-reqqa, l-attenzjoni u bir-rispett huwa wieħed mid-drittijiet importanti tat-toroq b’mod ġenerali u partikolarment waqt l-istaġun tax-xita filwaqt li nkunu konxji għal min ikun miexi fuq il-bankini, jew dawk li jaqsmu t-triq.

Għalhekk, għandna dejjem insuqu b’mod ġentili, u dejjem inżommu f’moħħna li huwa aħjar li tasal tard milli qatt, kif jgħidu bl-Ingliż “better late than never”. Għax ħafna drabi bniedem għandu għaġla imma huwa wkoll importanti li jieħu ħsieb lilu nnifsu u lil ħaddieħor.

Better safe than sorry!

Irrid insemmi wkoll li, binti dejjem tgħid espressjoni Ingliża li hija qasira iżda sinifikanti ħafna u tagħmel ħafna sens meta niddiskutu s-suġġett tas-sewqan, li “better safe than sorry”. Jiġifieri, huwa aktar għaqli li tkun kawt u attent milli tkun mgħaġġel u traskurat, u għalhekk tagħmel xi ħaġa li wara jiddispjaċik li tkun għamiltha. Imma ma tistax taqleb l-arloġġ, għax kull mument li jgħaddi jsir storja.

Kull sena naraw kampanja ta’ prevenzjoni kontra x-xorb u s-sewqan “Jekk se tixrob, issuqx” mill-Korp tal-Pulizija biex jipprevjenu kemm jista’ jkun inċidenti serji. Nafu li x-xorb jagħmel ħafna ħsara lis-saħħa tal-bniedem, imma, dan isir agħar meta wieħed huwa xurban u qed isuq.

Id-dmir nazzjonali

Għalhekk, nerġa’ ngħid li, bħala dmir nazzjonali, kulħadd għandu jieħu ħsieb meta jsuq. Meta wieħed huwa fit-triq, hu ma jkunx waħdu, għalhekk għandna nżommu f’moħħna dawk li huma madwarna.

Irridu nkunu konxji ħafna li nagħtu lit-toroq id-drittijiet dovuti tagħhom biex inżommu lilna nfusna u lill-oħrajn siguri u ngawdu ambjent ferm nadif, sigur u rispettuż. Meta nagħmlu dan bħala dmirna, dan isir att tajjeb, att ta’ tjubija u servizz lil ħutna l-bnedmin li jkun ippremjat bil-kbir minn Alla. Barra minn hekk, huwa mezz biex ir-ruħ tiġi salvata min-nar tal-Infern.

L-ewwel parti ta’ din il-kitba dehret f’In-Nazzjon tas-Sibt, 3 ta’ Frar 2024. https://ahmadiyyamalta.org/2024/02/04/the-rights-of-the-roads-1/

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, Laiq Ahmed Atif, Quran and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.