Image credit: Imad Alassiry | Unsplash
Il-gwerra fl-Iran u l-unika soluzzjoni għall-paċi
In-Nazzjon, 22.04.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-gwerra fl-Iran issa daħlet fit-tieni xahar tagħha minn meta faqqgħet fit-28 ta’ Frar 2026. Minn perspettiva newtrali, jista’ jiġi argumentat li din il-gwerra bdiet mingħajr provokazzjoni ċara, mingħajr kawża reali, f’nofs negozjati li kienu għaddejjin, u minn dakinhar eskalat f’kunflitt li jestendi lil hinn mill-fruntieri—li jhedded mhux biss ir-reġjun tal-Golf iżda potenzjalment lid-dinja kollha.
Madankollu, hekk kif id-dinja saret raħal globali u l-interessi tal-pajjiżi huma interkonnessi ma’ xulxin, kwalunkwe inċertezza f’reġjun partikolari ma tibqax ristretta għal dak ir-reġjun partikolari biss, iżda l-konsegwenzi tagħha jinħassu madwar id-dinja. L-attakk fuq l-Iran affettwa d-dinja kollha u d-dinja qed tiffaċċja l-impatt negattiv tiegħu li qed isir sever ma’ kull jum li jgħaddi. Minkejja dan, in-nazzjon Iranjan wera reżiljenza fid-dawl tal-intervent barrani, billi ssaporta theddid, twissijiet u skadenzi kontinwi.
Fis-sitwazzjoni attwali, tqum il-mistoqsija, x’inhi s-soluzzjoni biex tintemm din il-gwerra? Nixtieq inwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl tat-tagħlim Iżlamiku. L-Iżlam, li jfisser “paċi u sottomissjoni għar-rieda ta’ Alla”, jippreżenta soluzzjoni dejjiema u fattibbli għal dan u kwalunkwe kunflitt bħal dan.
Ir-rikonċiljazzjoni u l-ftehim huma l-aħjar
L-Iżlam dejjem isejjaħ għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fi kwalunkwe sitwazzjoni u jsejjaħ lill-umanità: “Alla jsejjaħ lejn id-Dar tal-Paċi.” (Il-Koran, 10:26)
Il-Koran Imqaddes jenfasizza l-importanza tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’kull qasam tal-ħajja, u jibda bin-nukleu fundamentali tas-soċjetà—il-familja. Jappella liż-żewġ partijiet fiż-żwieġ, ir-raġel u l-mara, biex jistinkaw għall-armonija u r-riżoluzzjoni. Jgħid:
“Jekk mara tibża’ mill-imġiba ħażina jew indifferenza min-naħa ta’ żewġha, ma hemm xejn ħażin għalihom li jirrikonċiljaw ma’ xulxin b’mod xieraq u jaslu għal ftehim bejniethom, għax ir-rikonċiljazzjoni u l-ftehim huma l-aħjar. Iżda l-bnedmin imilu lejn ix-xeħħa. Iżda jekk intom benevolenti lejn xulxin u tafu d-dmir tagħkom lejn Alla, Alla tabilħaqq jaf sewwa b’dak li tagħmlu.” (Il-Koran, 4:129)
Dan il-prinċipju tar-rikonċiljazzjoni jestendi lil hinn mill-familja għal-livelli nazzjonali u internazzjonali. Kull meta partijiet jew nazzjonijiet isibu ruħhom f’kunflitt, huma mħeġġa jfittxu l-paċi u l-fehim reċiproku, għax tassew, ir-rikonċiljazzjoni tibqa’ l-aħjar kors ta’ azzjoni.
Il-paċi vera tinsab f’Alla l-Ħanin
L-Iżlam jgħid li l-protezzjoni u l-paċi vera jinsabu f’Alla li Jista’ Kollox. Dan ifakkarni fil-kliem għaqli tar-Raba’ Kalif tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li fil-qosor jgħid:
“Jekk wieħed ma jersaqx lejn Alla wieħed ma jistax jikseb il-paċi u mingħajr dik il-paċi, il-paċi fis-soċjetà ma tistabbilixxix ruħha. L-isforzi kollha umani biex tinħoloq il-paċi minn motivi ulterjuri egoistiċi għandhom ħabta jfallu u jispiċċaw fix-xejn. Jekk m’hemmx Alla, mela m’hemmx paċi. Dak huwa l-għerf aħħari.”
Nemmen tassew li ż-żieda fit-theddid għall-paċi globali u ż-żieda ta’ sħab iswed tat-tielet gwerra dinjija fuq ras l-umanità huma minħabba l-fatt li warrabna lil Sidna l-Mulej; jew joriġinaw mid-distanza dejjem tikber tal-umanità mill-Ħallieq tagħha, l-Aktar Grazzjuż u Dejjem Ħanin, is-sors veru tal-paċi. Għalhekk, nies minn kull nazzjon, razza, reliġjon u sfond politiku għandna kollettivament induru lejn Alla b’qalbna kollha, u nfittxu l-ħniena u l-gwida Tiegħu biex nibnu dinja aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Jekk nonqsu milli nagħmlu dan, l-ebda sforz uman, jidher kemm jista’ sinifikanti, qatt ma jkun produttiv fit-tfittxija tiegħu għall-paċi u l-prosperità. Sforzi bħal dawn, li m’għandhomx bażi spiritwali vera, żgur li se jfallu, għax ikunu nieqsa mill-essenza vera, l-ispirtu u l-konvinzjoni li huma meħtieġa biex jistabbilixxu paċi dejjiema.
Għaliex it-twemmin f’Alla huwa essenzjali?
Xi wħud jistgħu jargumentaw li, għaliex it-twemmin f’Alla huwa daqshekk importanti fit-tfittxija tagħna għall-paċi?
Il-fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana indirizza din il-mistoqsija permezz ta’ raġunament loġiku u eżempji prattiċi. Il-paċi vera u dejjiema, spjega, tista’ tinkiseb biss meta l-individwi jkollhom konvinzjoni soda li Alla jippremja lil dawk li jippromwovu l-paċi u jżomm responsabbli lil dawk li ma jagħtux kas tad-dmirijiet tagħhom lejn il-kors tal-paċi u s-servizzi lill-umanità.
Sakemm ma jkollniex twemmin daqshekk sod f’Sidna u naħdmu għall-paċi, ma nistgħux nissejħu ‘mberkin dawk li jġibu l-paċi’. Għalhekk, irridu niksbu ċertezza dwar Alla, li Hu l-għajn ta’ kull salvazzjoni, paċi u prosperità.
Huwa jgħid: “Hija esperjenza komuni li meta wieħed jemmen fl-effetti fatali ta’ xi ħaġa mela wieħed ma jfittixhiex. Pereżempju, ħadd ma jibla’ l-velenu konxjament. Ħadd ma joqgħod apposta quddiem tigra salvaġġa. Ħadd ma jqiegħed idu konxjament f’ħalq serp. Mela allura għaliex persuna twettaq il-ħażin minn jeddha? Ir-raġuni hija għaliex m’għandhiex ċertezza f’din il-ħaġa bħalma għandha f’affarijiet oħra bħal dawk li semmejna. L-ewwel dmir ta’ persuna, għalhekk, huwa li tikseb ċertezza fir-rigward tal-eżistenza ta’ Alla.”
Għalhekk, tali ċertezza fl-eżistenza u l-qawwiet ta’ Alla hija meħtieġa biex inwettqu l-ħolm tagħna ta’ paċi sostenibbli. Sakemm ma nemmnux b’ċertezza u b’rieda sħiħa f’Alla Ħaj u Perfett u sakemm ma nkunux nafu fiċ-ċert li Alla jeżisti, li jikkastiga lit-trasgressur u jimla lid-devoti b’kuntentizza dejjiema, l-ebda sforz uman għall-paċi ma jista’ jkun produttiv.