Image: Prostock Studio/Shutterstock.com
OMM: SORS TA’ ĦNIENA U KUMPASSJONI VERA
It-Torċa, 10.05.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Omm hija kelma sabiħa u profonda ħafna. Meta l-bniedem ilissen din il-kelma jħoss li qed jindirizza personalità ta’ kobor meraviljuż. Smajt u tkellimt ma’ persuni ta’ etajiet differenti, mit-tfal sax-xjuħ, min-nisa sal-irjiel, mis-subien sal-bniet u dejjem inħoss li meta jitkellmu dwar ommhom isiru emozzjonali ħafna. Dan juri li l-bniedem ta’ kull età dejjem iħoss il-bżonn tal-omm f’ħajtu u xejn ma jieħu post l-omm. Bla dubju ta’ xejn, l-omm hija rigal mill-aqwa għall-bniedem minn Alla, il-Ħanin.
Tassew, l-omm hija personalità kbira li l-imħabba, is-sagrifiċċju u l-ħniena tagħha m’għandhomx limitu. Hija dell mimli ħlewwa li tipprova tipproteġi lil uliedha minn kull tbatija u diffikultà tad-dinja. Sabiex tagħmel il-ħajja ta’ wliedha aktar faċli u ferħana, hi tissagrifika l-kumdità u s-serħan tagħha stess. Ħafna drabi hi tibqa’ bil-ġuħ, iżda titma’ lil uliedha.
Eżempju eċċellenti tas-sagrifiċċji ta’ omm
Aisha, il-mara tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, tirrakkonta li darba waħda, mara ġiet għandha maż-żewġt ibniet tagħha. Hija talbet xi ħaġa x’tiekol, iżda ma setgħet issib xejn x’tagħtiha ħlief tamla waħda. Il-mara qassmitha bejn uliedha u hi ma ħadet xejn minnha, anke li kienet ukoll bil-ġuħ. Imbagħad qamet u telqet.
X’eżempju sabiħ tal-imħabba u s-sagrifiċċji ta’ omm. Ilkoll kemm aħna rajna jew esperjenzajna eżempji simili f’ħajjitna jew fl-ambjent tagħna, fejn l-ommijiet jagħtu prijorità lil uliedhom fuqhom infushom u jissagrifikaw kollox għalihom matul ħajjithom kollha. Tabilħaqq, l-imħabba tal-omm hija bla tarf u bla kundizzjoni.
L-omm hija isem ieħor għall-ħniena
L-omm hija isem ieħor għall-ħniena, is-sinċerità, l-imħabba bla waqfien u s-sagrifiċċju. Hija dik il-kelma pura fid-dinja li, hekk kif naħsbu fiha, iġġib sens ta’ mħabba, freskezza, paċi u serħan. Id-dell tagħha għalina huwa bħal kenn frisk. Fid-dawl jaħraq tax-xemx, idejha mimlija ħlewwa jsiru bħal siġra mimlija dell li tagħti kenn u serħan lil uliedha. Il-ħoġor sħun tagħha ma jħalliniex inħossu l-kesħa. Anke jekk timxi fuq ix-xewk, uliedha dejjem traqqadhom fuq saqqu ta’ fjuri.
Qatt ma nħolqot fid-dinja persuna li tħobb aktar minnha. Kemm jekk jonfoħ riħ qawwi jew jiġi l-maltemp, l-imħabba tagħha qatt ma tonqos. Hija la tfaħħar lilha nnifisha u lanqas titlob xi premju jew tifħir għall-imħabba tagħha; dejjem tagħti bla interess lil uliedha.
Il-kobor tal-omm jista’ jitkejjel mill-fatt li kull reliġjon u kultura fid-dinja jagħtuha post għoli. Il-kliem għaqli u profond tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li “l-ġenna tinsab taħt saqajn ommijietkom”, verament juri l-istatus u l-importanza tagħhom.
L-imħabba safja
L-imħabba tal-omm hija safja u bla interess. Għall-iċken ferħ ta’ wliedha, hija lesta tissagrifika l-akbar xewqat tagħha. Fit-tfulija, hi tqum il-lejl kollu biex tagħti serħan lil uliedha; meta jkunu morda, tinkwieta hi stess, u tieħu ħsieb kull bżonn tagħhom. It-talb tal-omm jagħmel kull diffikultà aktar faċli u għandu rwol importanti fis-suċċess tal-ulied.
L-omm mhux biss trabbi familja, iżda tista’ tifforma nazzjon sħiħ. Hija l-ewwel skola fejn it-tfal jitgħallmu l-morali, l-imħabba u r-rispett. L-ebda nazzjon ma jista’ javvanza daqskemm jista’ javvanza permezz ta’ ommijiet tajbin.
Il-kobor tal-omm ma jistax jiġi deskritt bil-kliem. Għandna napprezzaw lill-ommijiet tagħna, nirrispettawhom u nġibu ferħ f’ħajjithom. It-talb tagħhom jagħmel impatt ferm qawwi fil-ħajja ta’ wliedhom, mhux biss f’din id-dinja, iżda anke fl-oħra.
Mingħajr omm, il-ħajja hija bħal fanal li d-dawl tiegħu jkun qed jintefa. Għalhekk, għandna nqisu kull mument magħhom bħala prezzjuż u nirrikonoxxu l-kobor tagħhom u dejjem inkunu hemm biex naqduhom bl-aħjar mod possibbli. Ma nistgħux nagħtuhom lura dak kollu li rċevejna mingħandhon, iżda, ejjew nuppruvaw mill-aħjar tagħna biex naqdu ’l-ommijiet tagħna.
Marti kitbet poeżija bil-lingwa Urdu; nixtieq nittraduċiha jew ngħidha fi kliemi għall-qarrejja tagħna. Fiha titfa’ dawl fuq il-personalità tal-omm b’mod mill-isbaħ li verament imiss il-qalb. B’dan nixtieq nawgura lill-ommijiet kollha ‘Jum l-Omm’ hieni u mbierek.
Ħanina u mimlija mħabba
Ktibt dinja ta’ mħabba, ktibt xena ta’ fedeltà,
kull meta ktibt il-kelma “omm”, ħassejt lill-Mulej ġentili u qrib tiegħi.
Dejjem rajt fl-omm sinjal ta’ kobor u dinjità,
u ktibtha l-istilla tal-imħabba li dejjem tiddi.
Sibt b’ċertezza dan il-miraklu tat-talb tal-omm,
li fid-destin tiegħi Alla kiteb l-art bħala sema.
Qatt ma tkun irrabjata, anki jekk xi darba ddispjaċiek bija,
wara Alla, lill-omm sejjaħtilha dell ta’ ħniena.
Jalla Alla tiegħi jżomm dejjem id-dell ta’ ommi fuqi,
hija s-sbuħija tad-dar tagħna, il-ġardinar tal-ġnien tagħna.
Inserviha b’qalbi u ruħi, biex Alla jkun kuntent bija,
għax taħt saqajn l-omm, Alla poġġa l-ġenna.
Għall-iżbalji tiegħi dejjem ħafritli f’kull mument,
u l-ponta tal-pinna tiegħi kitbet lill-omm ħanina u mimlija mħabba.