A Good Book is the Best Friend

KTIEB TAJJEB HUWA L-AQWA ĦABIB

It-Torċa, 15.11.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

Ktieb huwa sieħeb tal-bniedem fis-solitudni, għajn ta’ għarfien u għerf, u mezz effettiv għall-bini tal-personalità u l-karattru tal-bniedem. Ktieb tajjeb mhux biss iwessa’ l-ħsieb tal-bniedem, iżda jgħinu wkoll jifhem it-tlugħ u l-inżul tal-ħajja, jagħraf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, u jagħżel triq ta’ ħajja li għandha skop u tifsira. Għalhekk, ktieb tajjeb huwa meqjus bħala l-aqwa ħabib.

Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, “Il-bniedem jimxi fuq ir-reliġjon ta’ ħabib tiegħu. Għalhekk, kull wieħed minnkom għandu joqgħod attent għal min jagħżel bħala ħabib.”

F’dan id-diskors nobbli, il-bniedem jingħata parir importanti ħafna dwar l-għażla ta’ kumpanija tajba. Jekk nirriflettu fuq dan il-kliem, nifhmu li mhux biss għandna nagħżlu lil sħabna u lil dawk li nqattgħu ħin magħhom b’attenzjoni, iżda għandna wkoll neżaminaw il-kotba li naqraw. Dan għaliex ktieb jista’ wkoll jitqies bħala ħabib u sieħeb.

Bħalma jeżistu nies tajbin u ħżiena, hekk ukoll jeżistu kotba tajbin li jistgħu jgħinuna nibnu l-personalità u l-karattru tajjeb tagħna, u bl-istess mod hemm kotba ħżiena li jistgħu jinfluwenzawna b’mod ħażin u negattiv. Għalhekk, huwa importanti li nagħżlu kotba li jkollhom influwenza pożittiva fuq il-personalità, il-karattru, il-ħsieb u l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026

Dan l-aħħar kellna l-opportunità li nattendu l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026, fejn stajna naraw għażla wiesgħa ta’ kotba f’lingwi differenti, b’mod partikolari bl-Ingliż u bil-Malti. Kienet opportunità mill-isbaħ biex inrawmu fina l-imħabba għall-qari u niskopru kotba interessanti u ta’ valur li jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp personali tagħna, għall-formazzjoni tal-karattru u għat-tkabbir tagħna fil-futur.

Il-qari tal-kotba huwa drawwa mill-aktar siewja li għandna nħeġġu u nrawmu. Meta nivvjaġġaw lejn pajjiżi Ewropej oħra, spiss ninnotaw nies jaqraw kotba waqt li jkunu qed jivvjaġġaw bil-ferrovija jew bil-karozza tal-linja. Minflok iqattgħu l-ħin tal-vjaġġ sempliċement iħarsu madwarhom jew ifittxu distrazzjonijiet oħra, huma jagħmlu użu tajjeb minn dawk il-mumenti billi jaqraw u jwessgħu l-għarfien tagħhom.

Sfortunatament, bl-użu dejjem jikber tal-mowbajls u tal-apparat elettroniku, jidher li d-drawwa tal-qari tal-kotba stampati qiegħda tonqos. Minkejja dan, għad hawn ħafna nies li japprezzaw u jieħdu gost bil-pjaċir li joffri l-qari.

Għandna nagħmlu ħilitna biex nippromwovu u niżviluppaw kultura tal-qari aktar b’saħħitha f’pajjiżna. Il-qari ta’ kotba tajbin mhux biss iwessa’ l-għarfien tagħna, iżda jgħinna nifhmu aħjar il-ħajja, isaħħaħ il-karattru tagħna u jgħinna nsiru individwi aktar infurmati u maturi fil-ħsieb.

Kif għandna nagħżlu l-kumpanija tagħna?

Ktieb ukoll jista’ jkun sieħeb u kumpann tagħna. Darba, waqt li kont qed naqra dwar l-għażla ta’ kumpanija tajba, sibt li għandna nagħżlu s-sħubija ta’ bniedem li għandu ħames kwalitajiet importanti:

  • Għandu jkun intelliġenti għaqli.
  • Għandu jkollu karattru tajjeb, ħanin u qalb tajba.
  • Bniedem li mhux trasgressur, jew li jaġixxi kontra t-tagħlim reliġjuż.
  • Bniedem li dejjem jagħżel it-triq it-tajba, u għandu attitudni pożittiva.
  • Bniedem li mhux rgħib żżejjed dwar id-dinja u għall-ġid u l-pjaċiri tad-dinja.

Għalkemm dawn il-prinċipji ġew stabbiliti għall-għażla tal-kumpanija fost in-nies, nistgħu nużawhom ukoll bħala gwida biex nagħżlu l-kotba li naqraw. Għandna naqraw kotba li jkunu sors ta’ għarfien, li jgħallmuna morali tajba, ħsieb pożittiv u gwida korretta, li verament jgħinuna tul-ħajja kollha.

Min huwa ħabib tajjeb?

Qatt ħsibt min hu tassew ħabib tajjeb? Huwa dak li jiġbidlek l-attenzjoni għall-iżbalji tiegħek, u mhux dak li dejjem ifaħħrek u jgħidlek kemm inti perfett, pulit u cool. Jgħinek tagħraf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin u, meta tiżbalja, minflok jinkoraġġik tkompli fl-iżball, jiggwidak lejn it-triq it-tajba.

Ħabib tajjeb huwa dak li jwaqqfek milli tagħmel affarijiet ħżiena, jifraħ bis-suċċessi tiegħek u jkun maġenbek fi żminijiet diffiċli.

Il-kejl veru tal-ħbiberija mhuwiex kemm persuna tqatta’ ħin miegħek, iżda x’tip ta’ influwenza jkollha fuq ħajtek.

Għalhekk, agħtu ħarsa lejn il-ħbieb tagħkom u araw min qed jgħinkom ittejjbu l-personalità tagħkom u min qed jipprova jmexxikom lejn it-triq il-ħażina.

Ħabib li qatt ma jittradik!

Nafu li anki l-aqwa ħbieb kultant jistgħu jitnikktu jew jirrabjaw magħna? Xi drabi jkunu wisq impenjati biex jagħtuna l-ħin tagħhom. Iżda jeżisti ħabib ieħor li jsir l-aqwa kumpann tagħna meta nkunu weħidna.

Dan il-ħabib iżommilna kumpanija fil-mumenti ta’ dwejjaq u ta’ solitudni. Nistgħu neħduh magħna kull fejn immorru. Ma jkunx ta’ piż għalina, ma jitlobna xejn u qatt ma jirrabja magħna jew jitlaqna. Issa żgur li fhimtu min hu dan il-ħabib!

Iva! L-aqwa ħabib huwa ktieb tajjeb. Ejja napprezzaw din il-ħbiberija u nibbenefikaw minnha bl-aħjar mod li nistgħu.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article, Book Festival and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.