iStock.com/SeventyFour
IL-BULLYING U L-IMPORTANZA TAL-IMĠIBA TAL-ĠENITURI
It-Torċa, 01.11.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
“Kull tifel u tifla jitwieldu bin-natura tagħhom safja. Huma l-ġenituri li jagħmluhom atei, jew Lhud jew Insara jew Musulmani, skont it-tagħlim, it-trobbija u t-taħriġ speċifiċi li jgħaddulhom, u billi jipprovdu mudell partikolari bis-saħħa tal-imġiba tagħhom stess.”
Dan huwa l-kliem tal-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, li jitfa’ dawl biżżejjed u jagħti tifsira sħiħa meta nitkellmu dwar l-imġiba tat-tfal fis-soċjetà u partikolarment fl-iskejjel tagħhom. Bla dubju ta’ xejn iż-żerriegħa li niżirgħu f’uliedna meta huma għadhom t’età żgħira, issir pjanta jew siġra matul iż-żmien u jagħtu l-frott skont iż-żerriegħa.
Minn arbuxelli ma joħroġx frawli
Għalhekk, jekk niżirgħu ż-żerriegħa ta’ tolleranza, ħbiberija u rispett, din żgur tagħti frott bnin, iżda, sfortunatament, jekk niżirgħu arbuxelli tax-xewk, mela m’għandniex nistennew il-frawli ħelu.
Tabilħaqq, il-ġenituri huma l-ewwel għalliema u d-dar hija l-ewwel skola tat-tfal, u t-tfal jitgħallmu ħafna mill-ġenituri tagħhom. Huma jikkupjaw ħafna mill-ġenituri tagħhom, għax, it-tfal jarawhom bħala l-mudelli tagħhom. Kulma jagħmlu l-ġenituri jaffettwa lit-tfal, dak li jieklu, dak li jilbsu, kif jittrattaw lil xulxin, kif jindirizzaw lil xulxin, kif jitkellmu mal-ġenituri tagħhom, kif jitkellmu maż-żgħar, mal-fqir, mad-dgħajjef, kif isuqu, kif jimxu fit-triq, jekk ipejpu, jekk jużaw lingwaġġ ħażin, eċċ.
Għaliex ktibt dwar l-importanza tal-imġiba tajba tal-ġenituri? Għax din għandha rwol importanti ħafna fit-tiswir tal-karattru tat-tfal, tal-attitudni tagħhom u tal-mod kif iġibu ruħhom ma’ ħaddieħor. Il-ġenituri huma l-ewwel għalliema ta’ wliedhom u l-ewwel mudelli li t-tfal iħarsu lejhom. Il-valuri li l-ġenituri jgħixu u jipprattikaw fid-dar spiss isiru l-prinċipji li wliedhom iġorru magħhom meta joħorġu fid-dinja ta’ barra.
Il-bullying fl-iskejjel
Dan l-aħħar, fil-Parlament Malti ġie ppreżentat rapport dwar il-bullying fl-iskejjel, li wera żieda fil-każijiet ta’ bullying li ġew irrappurtati matul is-snin ta’ qabel. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal din is-sitwazzjoni inkwetanti.
Fost dawn insibu l-pressjoni minn sħabhom (peer pressure), ix-xewqa li jkunu popolari jew li juru li huma aqwa minn ħaddieħor, in-nuqqas ta’ empatija u ta’ għarfien dwar is-sentimenti tal-oħrajn, l-espożizzjoni għal imġiba aggressiva u l-influwenza tal-midja soċjali, fejn jista’ jsir ukoll bullying fuq l-internet.
F’xi każijiet, it-tfal jistgħu jimitaw l-imġiba li jaraw fid-dar jew fl-ambjent ta’ madwarhom. Meta ma jittiħdux passi xierqa biex jitwaqqaf il-bullying, jew meta t-tfal jibżgħu jitkellmu, din il-problema tista’ tkompli għaddejja mingħajr ma tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Madankollu, nemmen li l-każijiet irrappurtati jistgħu jkunu biss parti żgħira mill-problema vera. Il-bullying spiss ikun problema ħafna aktar profonda. Jista’ jibda bil-mod il-mod, jibqa’ moħbi għal snin sħaħ u, f’ħafna każijiet, iħalli feriti emozzjonali li jdumu għal ħajjithom kollha.
Xi studenti ma jirrappurtawx dak li jkun qed jiġrilhom għax jibżgħu li min qed jibbuljahom jagħmlilhom aktar ħsara, jistħu, jibżgħu li ħadd ma jemminhom jew sempliċement ma jafux għand min għandhom imorru. Oħrajn jippruvaw isolvu din il-problema waħedhom, u xi kultant jirreaġixxu b’mod li jaggravaw is-sitwazzjoni.
Dak li huwa tassew ċert huwa li, wara dawn in-numri u l-istatistiċi hemm tfal veri, sentimenti veri u tbatija vera li qatt m’għandna ninjoraw.
Xi jwassal għall-bullying?
Imma xi jwassal lil xi ħadd biex jibbulja lil persuna oħra? Għaliex xi nies jużaw il-bullying lejn dawk li jqisuhom aktar dgħajfa jew differenti minnhom? Jagħmlu dan biex juru li għandhom is-saħħa, biex jidhru aqwa mill-oħrajn, biex ikunu popolari, biex jimpressjonaw lil sħabhom, jew jidhru cool, jew sempliċement biex jieħdu gost mid-deni ta’ ħaddieħor?
Naħseb li, il-bullying jista’ jieħu ħafna forom. Jista’ jkun hemm diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda, jew minħabba d-differenza tal-prattiki reliġjużi, id-dehra ta’ persuna, l-għażla tal-ħwejjeġ li tilbes bħall-ħiġab li jilbsu tfajliet Musulmani, jew ċajt u insulti dwar il-faqar u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ xi ħadd. Xi tfal jiġu mmirati wkoll għax ma jċedux għall-pressjoni ta’ sħabhom. Xi kultant, tifel jew tifla jiġu bbuljati sempliċement għax huma differenti, għax jesprimu l-opinjoni tagħhom jew għax ma jimxux mal-folla.
Il-konsegwenzi kiefra tal-bullying
Ikunu xi jkunu r-raġunijiet jew il-motivi wara l-bullying, ħaġa waħda hija ċerta: il-konsegwenzi tiegħu jistgħu jkunu kiefra għall-persuna li tkun qed tbati minnu. Min ibbulja lil ħaddieħor jaf ma jifhimx kemm kliemu jew għemilu jista’ jweġġa’, iżda l-persuna li tkun qed tiġi mmirata tista’ tibqa’ tiftakar dawk l-esperjenzi koroh għal ħafna snin. Ċajta li għal persuna tidher bla ħsara tista’ ġġiegħel lil persuna oħra tħossha umiljata, anzjuża, waħedha u bla fiduċja fiha nnifisha.
F’każijiet serji, il-bullying jista’ jkisser l-istima li persuna għandha tagħha nnifisha, jagħmel ħsara lis-saħħa mentali tagħha, jaffettwa r-riżultati tagħha fl-iskola u jibdel sew il-mod kif tara lilha nnifisha u lid-dinja ta’ madwarha.
Għaldaqstant, il-ġenituri għandhom responsabbiltà kbira li jagħtu eżempju tajjeb bl-imġiba tagħhom u jgħallmu lil uliedhom l-aqwa virtujiet u valuri umani, bħall-empatija, ir-rispett, it-tolleranza u l-ħniena lejn l-oħrajn, sabiex jgħinu fil-qerda tal-bullying fl-iskejjel u, tabilħaqq, fis-soċjetà kollha kemm hi.