Image: XanderSt/Shutterstock.com
IL-VJAĠĠ TAL-BNIEDEM LEJN IL-PERFEZZJONI SPIRITWALI
It-Torċa, 11.10.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Alla l-Ħanin ħalaq lill-bniedem għall-qima Tiegħu. Il-qima ma tfissirx biss qima esterna u formali; iżda tfisser li l-bniedem għandu jagħmel ħiltu biex isir qaddej veru ta’ Alla l-Ħanin, jagħmel ħiltu biex jadotta l-attributi ta’ Alla l-Qaddis, u jagħmel ħiltu biex isir riflessjoni tal-kwalitajiet tal-Mulej.
Alla huwa Grazzjuż, Ħanin, Ġeneruż, Nobbli, Dak li Jagħti, Qaddis, Sors tal-Paċi, Dak li Jaħfer, Dak li Jipprovdi, Dak li juri kompassjoni, u ħafna iktar. Alla l-Ħanin jixtieq li l-bniedem ukoll jagħmel dawn il-kwalitajiet parti minn ħajtu u jsir qaddej li jagħmel ħiltu biex ikun eżempju perfett tal-attributi ta’ Alla l-Ħanin fuq l-art.
Imma persuna tilħaq f’daqqa u f’mument wieħed dan l-istat tal-qaddej veru, jew dan jeħtieġ sforz kontinwu u dixxiplina spiritwali għal żmien twil? Bla dubju, bħalma kull xogħol jeħtieġ iż-żmien tiegħu b’mod naturali, bl-istess mod, iż-żmien, l-isforz, it-taqbida, it-talb u l-perseveranza huma wkoll meħtieġa biex wieħed jgħaddi mill-istadji spiritwali.
Pereżempju, tifel jitwieled f’ġurnata waħda? Le. Għall-kuntrarju, disa’ xhur wara l-konċepiment, wara li jgħaddi minn diversi stadji u jgħaddi minn fażijiet differenti ta’ żvilupp, jiġi fid-dinja bħala tifel. It-twelid fiżiku tiegħu jibda minn qatra ta’ fluwidu. Il-Koran Imqaddes jiddeskrivi dan is-suġġett b’dan il-mod:
“Aħna tabilħaqq ħlaqna lill-bniedem minn sustanza tat-tajn, imbagħad poġġejnieh bħala qatra ta’ sperma f’post sigur (il-ġuf), imbagħad iffurmajna l-isperma demm magħqud, u mid-demm magħqud għamilna biċċa laħam, mill-biċċa laħam għamilna għadam, u ksejna l-għadam b’laħam, imbagħad żviluppajnieh f’ħolqien ieħor. Ikun imbierek Alla, l-aqwa fost il-ħallieqa.” (Il-Koran, 23:13-15)
Bniedem ma jsirx qaddis f’lejl wieħed
Dawn il-versi juru li t-twelid fiżiku tal-bniedem jitlesta wara li jgħaddi minn diversi stadji ta’ żvilupp. L-istess jgħodd għall-ħajja spiritwali tal-bniedem. Bniedem ma jsirx qaddis f’lejl wieħed, iżda, wara li jgħaddi minn vjaġġ twil u javvanza mill-istadji tal-iżvilupp spiritwali, jasal għall-istadji ogħla tat-tjieba u tal-pjetà.
Il-Koran Imqaddes iddeskriva l-istati fiżiċi, morali u spiritwali tal-bniedem bħala tliet kundizzjonijiet differenti. Għal dawn it-tliet kundizzjonijiet, il-Koran Imqaddes stabbilixxa tliet oriġini, jew sorsi, separati minn fejn joħorġu dawn il-kundizzjonijiet rispettivi.
It-tliet sorsi jew għejun:
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan is-suġġett b’mod profond u importanti ħafna, u spjega t-tliet sorsi jew għejun.
(1) Ir-ruħ li titħeġġeġ għall-ħażen
L-ewwel għajn, li hija s-sors tal-istati naturali kollha, hija msejħa mill-Koran Imqaddes Nafse Ammarah, li tfisser il-jien li jħeġġeġ għall-ħażen, kif jgħid: “Ir-ruħ tassew tħeġġeġ (lill-bniedem) għall-ħażen.” (12:54)
Dan ifisser li hija karatteristika tal-bniedem li jitħeġġeġ għall-ħażen u jkun kontra li jilħaq il-perfezzjoni u stat morali tajjeb, u jitħeġġeġ lejn modi mhux mixtieqa u ħżiena. Għalhekk, l-inklinazzjoni lejn il-ħażen u l-eċċess hija stat uman li jiddomina l-moħħ ta’ persuna qabel ma tidħol fl-istat morali.
(2) Ir-ruħ li tikkritika u ċċanfar
It-tieni sors, li huwa s-sors tal-istat morali tal-bniedem, huwa msejjaħ mill-Koran Imqaddes Nafse Lawwamah, kif jingħad: “Tabilħaqq naħlef bir-ruħ li ċċanfar (lilha nnifisha u tindem).” (75:3)
Jiġifieri, il-bniedem jasal sal-punt fejn jevalwa, iċanfar u jikkritika l-vizzji u l-eċċessi, u jħeġġeġ lilu nnifsu biex jikkontrolla x-xewqat u l-emozzjonijiet tiegħu permezz tar-raġuni. B’hekk, il-bniedem jitbiegħed mill-imġiba tal-annimali, jgħix b’mod morali u jsir denju ta’ ġieħ quddiem Alla.
Iżda, xorta waħda mhuwiex kompletament effettiv fil-prattika tal-virtù u xi kultant jiġi ddominat mill-emozzjonijiet naturali, meta jitfixkel u jaqa’. Huwa bħal tifel dgħajjef li ma jixtieqx jitfixkel u jaqa’, iżda jagħmel hekk minħabba d-dgħufija tiegħu, u mbagħad iħoss rimors minħabba d-dgħufija tiegħu. Fil-qosor, dan huwa l-istat morali tal-bniedem meta jfittex li jinkludi fih kwalitajiet morali għoljin u jħoss stmerrija lejn id-diżubbidjenza, iżda ma jistax jikseb suċċess sħiħ.
(3) Ir-ruħ li tinsab fil-paċi u fis-sliem
It-tielet sors, li għandu jiġi deskritt bħala l-bidu tal-istat spiritwali tal-bniedem, jissejjaħ mill-Koran Imqaddes Nafse Mutmainnah, jiġifieri, ir-ruħ li tinsab fil-paċi u l-mistrieħ, kif jingħad: “O ruħ li tinsab fil-paċi u fis-sliem, li sibt il-kumdità f’Alla, erġa’ lura lejn Sidek, int kuntenta bih u Hu kuntent bik. Idħol fost il-qaddejja magħżula Tiegħi, u idħol fil-Ġenna Tiegħi.” (89:28-31)
Dan huwa l-istadju meta r-ruħ ta’ persuna, wara li tinħeles mid-dgħufijiet kollha, timtela b’qawwiet spiritwali u tistabbilixxi relazzjoni ma’ Alla l-Ħanin, li mingħajr l-għajnuna Tiegħu ma tistax teżisti. Bħalma l-ilma li jinżel mill-għoli, minħabba l-ammont tiegħu u n-nuqqas ta’ ostakli, jiġri b’qawwa kbira, bl-istess mod ir-ruħ li tinsab fil-paċi u fis-sliem timxi lejn Alla b’xewqa, bi mħabba u b’qawwa kbira.
F’dan l-istat, ir-ruħ tinsab f’tali pożizzjoni li l-imħabba tagħha għal Alla ssir in-nutriment tagħha, u tixrob minn din l-għajn tal-ħajja u b’hekk tinħeles mill-mewt, u tikseb ħajja eterna, u l-perfezzjoni spiritwali.