iStock.com/Stanciuc
Kif Nipproteġu lilna Nfusna mix-Xitan
It-Torċa, 30.08.2026 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Ix-Xitan ilu għadu tal-bniedem mill-bidu nett u dejjem se jibqa’ għadu tiegħu. L-għadwa tax-Xitan mhijiex ġlieda fejn jiġi quddiem il-bniedem u jiġġieled miegħu wiċċ imb wiċċ. Minflok, juża diversi skużi, qerq u inganni, kif ukoll it-tentazzjonijiet tal-ħajja. Huwa jipprova jqajjem ix-xewqat u l-egoiżmu tal-bniedem, u ftit ftit iwasslu biex jitbiegħed mill-għemejjel tajbin u jersaq lejn il-ħażin.
Alla l-Ħanin jiġbed l-attenzzjoni tal-fidili lejn dan u jgħidilhom biex dejjem ikunu attenti mill-attakki tax-Xitan. Alla li Jista’ Kollox jispjega li anke meta persuna taċċetta l-fidi, ix-Xitan ma jħallihiex waħedha. Hu jibqa’ jipprova jqarraq biha u jtellifha mit-triq it-tajba. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes:
“Intom li temmnu, timxux fil-passi tax-Xitan. Min jimxi fil-passi tiegħu għandu jkun jaf li Xitan jwassal lin-nies għal dak li hu faħx, immorali u ċarament ħażin. Kieku ma kienx għall-grazzja u l-ħniena ta’ Alla fuqkom, ħadd minnkom qatt ma kien ikun safi u pur. Iżda Alla jsaffi u jippurifika lil min irid Hu. Alla jisma’ kollox u jaf kollox.” (Il-Koran, 24:22)
Il-bibien tal-ħniena u tal-grazzja ta’ Alla
Ħafna nies jaqgħu fin-nassa tal-inganni tax-Xitan u jisimgħu dak li jgħidilhom, u b’hekk jitbiegħdu mit-triq it-tajba. Għalhekk, il-periklu tax-Xitan huwa periklu kbir ħafna. Hija biss il-grazzja speċjali ta’ Alla li tista’ ssalva lill-bniedem minn dan il-periklu kbir.
Fl-aħħar ta’ dan il-vers, Alla jagħti lill-fidili serħan il-moħħ billi jiddeskrivi lilu nnifsu li, “Alla huwa Dak li jisma’ kollox.” Għalhekk, ħabbtu fuq il-bieb Tiegħu, sejħulu u ibqgħu sejħulu b’persistenza. Ibqgħu umli quddiemu fit-talb.
Għalhekk, dejjem dur lejn Alla meta jkollok bżonn. Dejjem fittex l-għajnuna Tiegħu biex jipproteġik mill-attakki tax-Xitan. Dejjem inżel għarkopptejk quddiem Sidek, u itolbu jipproteġik minn kull ħażen, immoralità u għemil bla ħniena li Satana jħajrek tagħmel.
Kull darba li ssejjaħ lill-Mulej tiegħek, issib il-bibien tal-ħniena u tal-grazzja Tiegħu miftuħin beraħ għalik. Huwa jipproteġik minn Xitan u minn kull ħażen li jipprova jħajrek għalih. Għax Alla jisma’ kollox, Alla huwa Ħanin, u Alla għandu setgħa fuq kollox.
In-nases u l-inganni tax-xitan
Dan huwa minnu għax meta x-Xitan qal lil Alla li, jekk jingħata l-permess, se jattakka lill-bniedem minn kull naħa u jipprova jtellfu t-triq b’kull mezz. Iżda dawk li huma qaddejja veri u sinċieri ta’ Alla se jibqgħu protetti mill-attakki tiegħu. Il-pjanijiet u l-attakki tiegħu ma jkollhomx effett fuqhom. Iżda ħafna nies oħra se jimxu warajh.
Alla ta lix-Xitan il-permess biex jipprova jagħmel dan, iżda fl-istess ħin wissa li dawk li jagħżlu li jimxu wara x-Xitan se jkollhom il-kastig tal-Infern.
Meta Xitan talab il-permess mingħand Alla, Alla qallu b’mod ċar li l-qaddejja veri Tiegħu qatt mhu se jiġu mqarrqa mill-qerq u t-tentazzjonijiet tiegħu. Huma jibqgħu dejjem sodi fil-fidi tagħhom u jimxu fit-triq tas-sewwa. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Verament, li ma għandek ebda setgħa fuq il-qaddejja Tiegħi.” (15:43)
Fl-istess ħin, Alla li Jista’ Kollox bagħat il-profeti Tiegħu biex juru lill-bnedmin it-triq it-tajba. Għallimhom kif jirranġaw lilhom infushom u kif itejbu ħajjithom.
Kif nista’ nsir qaddej veru ta’ Alla?
Fidil veru għandu jistaqsi lilu nnifsu: Kif nista’ nsir wieħed mill-qaddejja sinċieri ta’ Alla?
Biex persuna ssir qaddejja sinċiera ta’ Alla, Alla tana t-triq fil-vers imsemmi hawn fuq: għandna nipproteġu lilna nfusna minn kull ħaġa li hija indeċenti, ħażina, vojta, bla siwi jew li Alla ma jħobbx.
Min jipproteġi lilu nnifsu minn dawn l-affarijiet, il-ħniena ta’ Alla tippurifikah u jsaffih; u min jiġi purifikat minn Alla isir pur, piju u ġust. Meta persuna tasal għal din il-purità, ix-Xitan ma jkunx jista’ jersaq lejha bl-istess mod.
Għandna niftakru wkoll li l-attakk tax-Xitan ma jseħħx f’daqqa. Huwa jattakka ftit ftit. Huwa jista’ jdaħħal xi ħaġa żgħira u ħażina fil-qalb ta’ persuna u jġiegħelha taħseb: X’differenza tagħmel din il-ħaġa żgħira? Mhijiex dnub kbir.
Imbagħad dawn id-dnubiet żgħar jistgħu jsiru l-ewwel pass li jwassal lill-persuna lejn dnubiet akbar.
Mhuwiex biss serq jew qtil li għandhom jitqiesu bħala dnubiet kbar. Kull ħaġa ħażina li teqred il-paċi u s-serħan tal-komunità tista’ ssir ħażen kbir. Bil-mod il-mod, persuna tista’ titlef l-għarfien ta’ kemm dak li qed tagħmel huwa ħażin.
Timxux fil-passi tax-Xitan
Għalhekk, Alla li Jista’ Kollox jgħallimna li jekk irridu nsiru puri u jekk irridu niksbu l-pjaċir ta’ Alla, għandna nistinkaw kontinwament biex nibqgħu ’l bogħod mill-ħażin u ma nimxux wara l-passi tax-Xitan.
Fl-istess ħin, għandna dejjem infittxu l-protezzjoni ta’ Alla, nitolbuh jgħinna u nkomplu nippurifikaw lilna nfusna. Għandna nsejħu lil Alla kontinwament, f’kull ħin, u nitolbuh għall-għajnuna Tiegħu. Mingħajr l-għajnuna ta’ Alla, ma nistgħux nibqgħu siguri mill-attakki tax-Xitan.