Image: Leolintang/Shutterstock.com
Nifhmu l-Ispirtu Veru tal-Velu Iżlamiku
It-Torċa, 04.10.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-velu Iżlamiku, f’forom differenti, minn żmien għal żmien jiġi kkritikat u jispiċċa fl-aħbarijiet. Ħafna drabi, l-argumenti kontra l-“velu Iżlamiku” jew il-“ħiġab” jkunu l-istess: is-sigurtà, l-oppressjoni, id-dinjità tan-nisa, l-identità kulturali, u oħrajn.
Riċentement, wara li l-Prim Ministru Taljan tkellmet dwar pjanijiet biex jiġu pprojbiti l-burqa u n-niqab fl-iskejjel Taljani, id-dibattitu reġa’ qam, anke f’Malta. L-eks kandidat għall-Parlament Ewropew Lee Bugeja Bartolo qal ukoll li, “Malta għandha timxi immedjatament fuq il-passi tal-Italja billi tillimita n-numru ta’ barranin fil-klassijiet u tipprojbixxi l-ħiġab u l-burqa tal-bniet fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.”
Nemmen li dan is-suġġett mhux mifhum sew minn xi Musulmani u minn ċerti partijiet tas-soċjetajiet tal-Punent. Xi pajjiżi u soċjetajiet Musulmani marru wisq ’il bogħod fil-mod kif jipprattikaw il-velu, u xi kultant tilfu l-għan u l-għerf veru li hemm wara dan it-tagħlim.
Minn naħa, naraw irġiel Musulmani u gvernijiet li jinsistu li n-nisa għandhom ikunu mgħottija minn rashom sa saqajhom (head-to-toe) akkost ta’ kollox. Dan jista’ joħloq f’moħħ in-nies l-impressjoni li l-velu huwa forma ta’ oppressjoni.
Min-naħa l-oħra, insibu gvernijiet u gruppi Ewropej li jinsistu li n-nisa Musulmani ma jilbsu l-ebda għata u jagħmlu minn kollox biex ineħħulhom il-velu minn rashom jew jipprojbixxu dawn il-ħwejjeġ, anke jekk in-nisa nfushom ikunu jixtiequ jilbsuhom.
Fi kliem sempliċi, li mara tiġi vittimizzata billi tiġi mġiegħla tkun mgħottija minn rasha sa saqajha, jew billi tiġi mġiegħla tneħħi l-velu modest tagħha, mhuwiex skont il-valuri reliġjużi, soċjali u umanitarji. Iż-żewġ approċi jistgħu jsiru forom ta’ estremiżmu meta l-għażla personali tal-mara tiġi injorata.
Il-velu Iżlamiku mhuwiex priġunerija
Il-velu Iżlamiku ma jfissirx li n-nisa għandhom jiġu msakkra jew li għandhom ikunu mgħottija minn rashom sa saqajhom. Pjuttost, l-għan tiegħu huwa li jipproteġi d-dinjità tan-nisa permezz ta’ lbies deċenti u dinjituż, li fl-istess ħin iservi bħala limitu u protezzjoni.
Il-velu, l-għata tar-ras u l-enfasi fuq il-modestja ilhom jeżistu bħala tagħlim jew tradizzjoni f’diversi komunitajiet reliġjużi. Storikament, dawn il-prattiki tqiesu bħala ta’ valur f’ħafna tradizzjonijiet ta’ fidi.
Il-Koran Imqaddes isemmi żewġ nisa minn żmien Mosè li baqgħu fil-ġenb u ma ħadux l-annimali tagħhom jixorbu l-ilma flimkien mal-irġiel. Huma stennew minħabba l-modestja u resqu lejn l-ilma wara li l-irġiel spiċċaw.
In-nisa Nsara wkoll kienu jgħattu rashom fil-passat u kienu jilbsu ħwejjeġ modesti. Anke llum, is-sorijiet Kattoliċi Rumani jgħattu rashom, filwaqt li ħafna nisa tal-Punent jgħattu rashom meta jiltaqgħu mal-Papa. Fil-Pakistan, jien personalment rajt nisa Ħindu jgħattu rashom u għajnejhom waqt li jipprattikaw il-velu.
Insibu wkoll il-libsa tradizzjonali Maltija msejħa ‘l-għonnella’, li hija għata għar-ras u li għal sekli sħaħ kienet tintlibes minn kważi n-nisa Maltin adulti kollha. Aktar importanti minn hekk, il-Verġni Marija tradizzjonalment tiġi murija b’rasha mgħottija.
Għalhekk, kif jista’ l-għoti ta’ għata fuq ir-ras jew il-velu nnifsu jitqies bħala xi ħaġa ħażina?
Il-modestja, il-fidi u l-għażla personali
Il-kastità għandha titqies bħala parti mill-fidi, u m’hemm xejn ħażin fih innifsu f’mara li tagħżel li tgħatti ġisimha. Għażla bħal din mhux bilfors tfisser oppressjoni jew nuqqas ta’ ugwaljanza, u lanqas ma trid tkun mezz biex persuna timponi r-reliġjon tagħha fuq ħaddieħor.
Nemmen li li tgħatti ġismek b’mod deċenti mhuwiex sinjal ta’ inferjorità. Pjuttost, jista’ jkun mod kif persuna turi l-modestja, id-deċenza, id-dinjità u r-rispett tagħha. In-natura u l-għan veru tat-tagħlim Iżlamiku dwar l-ilbies huma marbuta mal-moderazzjoni, id-dinjità u l-protezzjoni.
Il-kmand tal-Koran hu għat-tnejn
Jekk naqraw fil-Koran Imqaddes fejn jissemma dan il-kmand, insibu li t-tagħlim mhuwiex indirizzat biss lejn in-nisa. Qabel ma Alla jagħti l-istruzzjonijiet lin-nisa, huwa jagħti lill-irġiel ukoll struzzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fis-soċjetà: “Għid lill-irġiel li jemmnu biex ibaxxu għajnejhom u jħarsu l-partijiet privati tagħhom.” (24:31)
Imbagħad il-Koran jgħid lin-nisa li jemmnu: “Għid lin-nisa li jemmnu biex ibaxxu għajnejhom u jħarsu l-partijiet privati tagħhom, u biex ma jurux is-sbuħija u t-tiżjin tagħhom ħlief dak li jidher minnu. Għandhom jiġbdu l-għata ta’ rashom fuq sidirhom.” (24:32)
X’inhu l-kunċett tal-ħiġab fl-Iżlam?
Fil-qosor, l-Iżlam jenfasizza r-relazzjoni bejn il-ġisem u l-moħħ. Meta persuna tgħatti ġisimha, hija tkun qed tipprova tipproteġi wkoll qalbha minn affarijiet mhux tajbin. L-irġiel huma mgħallma jikkontrollaw il-ħarsa tagħhom u ma jħarsux lejn in-nisa b’mod mhux xieraq. In-nisa huma mistennija jilbsu ħwejjeġ wesgħin u jkopru rashom u sidirhom.
In-nisa Musulmani jilbsu l-ħiġab u ħwejjeġ wesgħin biex iwettqu dak li huma jifhmu bħala l-kmand ta’ Alla. Dan iħeġġiġhom ikunu modesti u ma jilbsux b’mod li jkun intenzjonat biex jiġbed l-attenzjoni tal-irġiel. F’dan is-sens, il-ħiġab jista’ wkoll jipprovdi protezzjoni minn ħarsiet mhux mixtieqa.
Madankollu, il-velu jew il-ħiġab għandu jiġi osservat b’moderazzjoni. Kif qal il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih: “Il-moderazzjoni hija l-aħjar triq.”
Il-ħiġab għandu jintlibes bl-għan li persuna tikseb il-pjaċir ta’ Alla li Jista’ Kollox u biex jintlaħaq l-għan aħħari tal-velu: il-modestja, id-dinjità u l-ħajja ġusta.