The World, Our Only Home

Image: Yanaka_009/Shutterstock.com

ID-DINJA, L-UNIKA DAR TAGĦNA

Il-Mument, 08.11.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

Id-dinja tagħna hija l-unika dar għall-umanità kollha. L-għerf, l-għaqal u r-razzjonalità jitolbu minna lkoll li nieħdu ħsieb darna u nużaw ir-riżorsi kollha tagħha b’tali mod li ħadd ma jibqa’ lura u, li dawn ir-riżorsi ma jinħlewx, sabiex in-nies tal-lum u t-tfal ta’ għada jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.

Il-ħsieb u l-kura tal-pjaneta mhijiex dmir ta’ xi nazzjon jew kontinent partikolari; pjuttost, hija r-responsabbiltà tal-umanità kollha, għaliex din hija d-dar komuni tagħna kollha kemm aħna.

Ir-reliġjonijiet kollha, kemm il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Iżlam, jiggwidawna biex nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna, id-dinja. L-Iżlam huwa reliġjon li tgħallem lill-bniedem jgħix b’bilanċ, gratitudni, responsabbiltà u moderazzjoni. Prinċipju importanti fl-Iżlam huwa li wieħed jevita l-ħela.

Alla bierek lill-umanità bl-ikel, bl-ilma, bil-ġid, bir-riżorsi naturali u b’ħafna forom oħra ta’ provvisti. Dawn il-barkiet mhumiex maħsuba biex jinħlew jew jintużaw ħażin. Minflok, il-bnedmin huma mħeġġa jużawhom b’mod responsabbli u jkunu grati lejn Alla għal dak li rċevew.

Nibżgħu għall-ilma

L-Iżlam jgħallem li nużaw l-ilma b’mod responsabbli. L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja u huwa waħda mill-barkiet kbar ta’ Alla. Anki meta l-ilma jkun disponibbli f’abbundanza, il-bniedem m’għandux jużah bi traskuraġni. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Kulu u ixorbu, imma tkunux immoderati; taqbżux il-limiti. Tassew, Alla ma jħobbx lil dawk li jaqbżu l-limiti, u lill-immoderati.” (7:32)

Dan il-prinċipju Koraniku tal-moderazzjoni japplika b’mod wiesa’ għall-konsum: il-bnedmin għandhom igawdu mill-barkiet ta’ Alla mingħajr esaġerazzjoni u ħela.

Dan ifisser li azzjonijiet sempliċi, bħal li nagħlqu l-vit waqt li naħslu snienna, nieħdu shower b’mod raġonevoli, insewwu vitien li għandhom xi ħsarat u nevitaw konsum bla bżonn tal-ilma, jistgħu jirriflettu l-valuri Iżlamiċi fil-ħajja ta’ kuljum.

Barra minn hekk, fl-Iżlam nitolbu ħames darbiet kuljum u huwa meħtieġ li nagħmlu l-abluzzjoni jiġifieri naħslu l-idejn, l-uċuħ, id-dirgħajn u s-saqajn qabel kull talba, sakemm il-persuna ma tkunx marret fit-toilet. Madankollu, il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, għallem li l-ilma m’għandux jinħela, iżda għandu jintuża bl-akbar attenzjoni. Kemm hu importanti li anke meta hemm xi ħaġa obbligatorja l-Musulmani mhux permessi li jaħlu l-ilma, iżda jkunu kawti u jibżgħu għall-ilma.

Nevitaw il-ħela tal-ikel

L-ikel huwa wieħed mill-aktar eżempji ċari ta’ xi ħaġa li m’għandhiex tinħela. Il-bnedmin huma mgħallma japprezzaw l-ikel għaliex huwa barka minn Alla. Li nippreparaw jew nieħdu aktar ikel milli neħtieġu u mbagħad narmuh imur kontra din l-attitudni ta’ gratitudni.

Il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, ħeġġeġ lin-nies japprezzaw anki ammonti żgħar ta’ ikel. Huwa ta struzzjonijiet lill-Musulmani biex ma jħallux biċċa ikel bla bżonn u għallimhom jużaw l-ikel li jibqa’ fuq il-platti tagħhom u jevitaw li jarmu porzjonijiet li għadhom tajbin għall-ikel bla bżonn, għaliex ma jkunux jafu fejn setgħet tinsab il-barka tal-ikel tagħhom.

Il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, wera gratitudni u rispett lejn l-ikel permezz tal-għemil tiegħu. Hu qatt ma kien jikkritika l-ikel: jekk kien jogħġbu, kien jieklu, u jekk ma kienx jogħġbu, sempliċement kien iħallih.

Xi passi sempliċi iżda importanti

Dan jgħallimna lezzjoni importanti dwar kif nevitaw il-ħela. Li ma jogħġobniex xi ikel partikolari ma jfissirx li għandu jiġi ttrattat bħala bla valur. Xi ħadd ieħor jista’ japprezzah, u l-ikel jibqa’ barka minn Alla.

Dan it-tagħlim iħeġġeġ lill-bnedmin kollha jiżviluppaw attitudni ta’ apprezzament minflok ma jittrattaw l-ikel bħala xi ħaġa li tintrema. Għalhekk, nistgħu nnaqqsu l-ħela tal-ikel billi:

  • Nieħdu biss kemm nistgħu nieklu.
  • Inżommu l-fdalijiet li jkunu għadhom tajbin għal ikla oħra.
  • Naqsmu l-ikel żejjed mal-familja, mal-ġirien jew ma’ nies fil-bżonn.
  • Nippjanaw l-ikliet qabel immorru nixtru.
  • Nevitaw li nixtru ikel bla bżonn sempliċement għax ikun għall-bejgħ.
  • Napprezzaw l-ikel minflok ma noqogħdu nilmentaw kontinwament dwaru.

L-ambjent

Għalkemm il-problemi ambjentali moderni spiss jiġu diskussi f’termini ta’ tniġġis, tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, il-prinċipju Iżlamiku li nevitaw il-ħela jipprovdi bażi etika importanti għal konsum responsabbli.

Azzjonijiet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira f’dan ir-rigward, bħat-tħawwil ta’ siġar u pjanti, l-evitar tal-użu bla bżonn tal-fjuwils, l-għażla li nimxu jew naqbdu r-rota, u t-tnaqqis tal-iskart. Dawn kollha huma passi ta’ għajnuna.

Ngħixu ħajja bilanċjata

L-Iżlam jgħallem stil ta’ ħajja bilanċjata. Ma jipprojbixxix lin-nies milli jgawdu mill-barkiet ta’ Alla; pjuttost, jgħallimhom igawdu minn dawn il-barkiet b’mod responsabbli u mingħajr esaġerazzjoni.

Għalhekk, li nevitaw il-ħela hija aktar minn responsabbiltà ambjentali jew finanzjarja, hija tista’ tkun ukoll att ta’ ubbidjenza u gratitudni lejn Alla. Billi nnaqqsu l-ħela tal-ikel, nikkonservaw l-ilma, nonfqu b’mod responsabbli, naqsmu ma’ oħrajn u nevitaw konsum bla bżonn, il-bnedmin jistgħu jpoġġu dan it-tagħlim Iżlamiku fil-prattika, u b’hekk nistgħu nieħdu ħsieb tajjeb lid-dinja, l-unika dar tagħna.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.