Religion Teaches Mercy, Not Terrorism

Image: Gustavo Frazao/Shutterstock.com

IR-RELIĠJON TGĦALLEM IL-ĦNIENA, MHUX IT-TERRORIŻMU

It-Torċa, 29.11.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

L-arrest reċenti ta’ tmien persuni b’rabta ma’ terroriżmu ispirat mill-ISIS reġa’ qajjem dan is-suġġett fid-diskussjoni pubblika. Xi nies jaħsbu li r-reliġjon b’mod ġenerali, u l-Iżlam b’mod partikolari, jippromwovu jew jaċċettaw l-estremiżmu u t-terroriżmu. Huma jsemmu l-eżempji tal-ISIS u t-Talibani, li jużaw l-isem tal-Iżlam biex jiġġustifikaw il-mod kif huma jifhmu u jipprattikaw l-Iżlam.

M’għandu jkun hemm l-ebda dubju li reliġjon jew fehma reliġjuża li teħtieġ il-forza biex twassal u xxerred il-messaġġ, l-għanijiet, l-għerf u l-filosofija tagħha, ma tistax titqies bħala reliġjon vera. Bħala student tar-reliġjon, ma nistax naċċetta li t-tagħlim reliġjuż mhuwiex b’saħħtu, attraenti, influwenti jew effettiv biżżejjed waħdu, u għalhekk ikollu bżonn il-koerċizzjoni u l-użu tal-forza biex jitwettaq. Ma nistax naċċetta dan, u qatt mhu se naċċettah.

Fil-fatt, ir-reliġjon hija għodda għal riforma u bidla pożittiva, effettiva u kontinwa.

Sfortunatament, insibu ċerti gruppi vjolenti li jemmnu f’ideoloġiji bħal dawn, iżda dan ma jfissirx li t-twemmin tagħhom jirrappreżenta t-tagħlim reliġjuż. Dan qisu pazjent li jinjora r-riċetta tat-tabib; it-tort ikun tat-tabib? Żgur li le! Bl-istess mod, tiġġudikawx l-Iżlam mill-azzjonijiet ta’ dawn il-Musulmani, iżda ġġudikawh mill-Koran u mill-Profeta Muħammad. Il-Koran Imqaddes u l-Profeta Muħammad qatt ma aċċettaw jew għallmu t-terroriżmu u l-estremiżmu.

L-għan veru tar-reliġjon

It-tagħlim tal-fundamentaliżmu, l-estremiżmu, il-vjolenza, l-aggressjoni jew it-terroriżmu qatt ma kien, u qatt mhu se jkun, l-għan tar-reliġjon. Fil-qofol tagħha, ir-reliġjon għandha l-għan li tagħti lill-bniedem l-għarfien u l-fehim dwar il-Ħallieq, kif ukoll prinċipji u regoli dwar l-imġiba morali u etika. B’hekk, tgħin biex ittejjeb il-moralità u l-ispiritwalità tal-bniedem.

Barra minn hekk, għan ieħor tar-reliġjon huwa li toffri soluzzjonijiet għall-problemi soċjali li tiffaċċja l-umanità. Il-bniedem, min-natura tiegħu, huwa esseri soċjali u għalhekk għandu bżonn prinċipji bażiċi li jiggwidaw l-imġiba tiegħu fis-soċjetà. Ir-reliġjon tistabbilixxi dawn il-prinċipji sabiex ikun hemm il-paċi u l-ordni. B’hekk, in-nies ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi u f’armonija, igawdu d-drittijiet tagħhom u jaqdu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

Dawk li jitbiegħdu minn dan l-għan u jipproponu għanijiet oħra għar-reliġjon, bħall-estremiżmu, il-fundamentaliżmu jew it-terroriżmu, huma tassew ’il bogħod mir-realtà. Il-fehma tagħhom ma tistax tkun aktar ’il bogħod mill-verità.

Ftit għarfien jista’ jkun perikoluż

Meta jkollna bżonn parir mediku, dejjem immorru għand tabib espert u li għandu l-għarfien meħtieġ. Għaliex, mela, niżbaljaw meta niġu biex insibu għalliem spiritwali u reliġjuż li jkun persuna moderata, infurmata u umana? Qatt m’għandna ninsew li “ftit għarfien jista’ jkun perikoluż”.

Għalhekk dejjem infittxu parir minn xi ħadd li għandu għarfien profond u karattru sod. Nappella liż-żgħażagħ li kull meta tiltaqgħu ma’ xi ideoloġija estremista moħbija wara kliem u slogans reliġjużi, qatt tafdawha u tħalluha qatt tbegħidkom mill-għan veru tar-reliġjon: ir-riforma u l-bidla pożittiva, u li nsiru nies aktar qrib ta’ Alla u aktar umani.

It-turija tal-ħniena

Il-Ħallieq tagħna huwa l-Aktar Grazzjuż u l-Aktar Ħanin, u “Huwa kiteb ghalih innifsu li juri ħniena”, kif jissemma fil-Koran Imqaddes. Alla jiddikjara wkoll: “Il-ħniena Tiegħi tinkludi kollox.”

Barra minn hekk, Alla li Jista’ Kollox jgħid lill-Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kif jissemma fil-Koran Imqaddes, li huwa ntbagħat “biss bħala ħniena għad-dinja kollha”.

Għalhekk, kif jista’ Alla tant twajjeb u ħanin jgħallem lill-bniedem il-vjolenza u l-estremiżmu? U kif jista’ Hu jiggwida lill-Profeta Tiegħu biex imexxi lin-nies lejn il-vjolenza u l-aggressjoni?

Il-Profeta Muħammad kellu qalb ratba ħafna u kien bniedem mimli mogħdrija u tjubija lejn in-nies. Dan ikkonfermah wieħed mill-kumpanni tiegħu, li servieh għal għaxar snin. Huwa qal li l-Profeta qatt ma ċanfru, lanqas darba waħda. “Meta kont nagħmel xi ħaġa, qatt ma kien jistaqsini għaliex għamiltha b’dak il-mod; u meta ma kontx nagħmel xi ħaġa, qatt ma kien jistaqsini għaliex ma għamilthiex. Kien l-aktar bniedem ta’ karattru tajjeb li qatt kien hemm.”

F’kull aspett ta’ ħajtu, u lejn il-ħolqien kollu ta’ Alla, huwa kien ġentili u twajjeb. Darba qal: “Alla jħobb il-ġentilezza meta tittratta ma’ kwalunkwe sitwazzjoni.” F’okkażjoni oħra, huwa tkellem man-nies tiegħu u qal: Triduni ngħidilkom min hu l-bniedem li jinżamm ’il bogħod mill-Infern, u li l-Infern jinżamm ’il bogħod minnu? Huwa spjega li dan huwa l-bniedem li hu ġentili u twajjeb, li n-nies jistgħu jiġu għandu mingħajr ebda diffikultà u li huwa faċli biex wieħed jgħix u jittratta miegħu.

Ma jibqa’ xejn fina ħlief żewġ imħabbiet

Din hija l-vera espressjoni tat-tagħlim Iżlamiku, li m’għandu x’jaqsam xejn mal-estremiżmu u t-terroriżmu. Dawn huma l-prinċipji li għandhom jiggwidawna biex nibnu soċjetajiet magħquda u nrawmu l-imħabba reċiproka, il-paċi u l-ġustizzja bejn in-nies.

Għalhekk, ejjew nifhmu l-għan veru tar-reliġjon u nagħmlu bidla sħiħa f’ħajjitna. Ejjew nirranġaw lilna nfusna tant li ma jibqa’ xejn fina ħlief l-imħabba lejn il-Ħallieq u l-ġentilezza u l-ħniena lejn il-bnedmin kollha.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.