Nibnu pontijiet permezz tad-diversità: Il-qawwa ta’ librerija umana interreliġjuża
It-Torċa, 26.04.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Meta nirriflettu fuq il-ħolqien tal-univers u stilel u galassji differenti nsibu li hemm bilanċ u armonija perfetta bejniethom. Kull element jiffunzjona fi ħdan ordni mill-aqwa, u jikkontribwixxi għal ħaġa sħiħa magħquda. Din l-armonija naturali toffri lezzjoni qawwija għall-umanità: li l-koeżistenza, il-kooperazzjoni, u r-rispett reċiproku huma essenzjali għal dinja li qed tiffjorixxi, u li ngħixu bl-istess armonija ma’ sħabna l-bnedmin. L-armonija hija, tabilħaqq, virtù prezzjuża ħafna, li mhux biss tgħinna nkunu fil-paċi iżda ssaħħaħ ir-relazzjonijiet, u ttejjeb il-produttività kollettiva.
Fis-soċjetajiet tal-lum din l-armonija hija meħtieġa f’kull sfera u qasam tal-ħajja umana. Wieħed mill-aktar oqsma sinifikanti fejn dan huwa meħtieġ huwa fir-relazzjonijiet interreliġjużi. Hekk kif il-komunitajiet isiru aktar multikulturali u multireliġjużi, it-trawwim tal-fehim u r-rispett fost nies ta’ twemmin differenti jsir kemm sfida kif ukoll neċessarja ħafna.
Kotba ħajjin
Biex tenfasizza l-importanza tal-armonija interreliġjuża, l-MCAST organizza “Librerija Umana Interreliġjuża” bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Jum tad-Diversità nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ April 2026. Din l-inizjattiva innovattiva ġabret flimkien rappreżentanti minn reliġjonijiet differenti, u ħolqot spazju għad-djalogu, il-fehim, u r-rispett reċiproku.
Il-kunċett ta’ “librerija umana” huwa sempliċi iżda qawwi: minflok ma jissellfu kotba, il-parteċipanti jinvolvu ruħhom f’konversazzjonijiet ma’ nies li jaqsmu l-esperjenzi, it-twemmin u l-perspettivi tagħhom. F’dan l-ambjent, rappreżentanti ta’ reliġjonijiet differenti saru “kotba ħajjin”, li joffru għarfien dwar ir-reliġjonijiet tagħhom filwaqt li jistiednu mistoqsijiet f’ambjent rispettuż u miftuħ.
Il-Librerija Umana Interreliġjuża wriet li hija pjattaforma sinifikanti għaż-żgħażagħ, partikolarment l-istudenti, li kienu ħerqana li jitgħallmu u jinvolvu ruħhom. Permezz ta’ dawn il-konversazzjonijiet, il-parteċipanti setgħu jisfidaw kunċetti bla bażi, ifarrku l-isterjotipi, u jiżviluppaw apprezzament aktar profond għad-diversità ta’ madwarhom.
L-avveniment rawwem sens ta’ kurżità bbażat fuq ir-rispett, li jippermetti lill-individwi jesploraw id-differenzi mingħajr biża’ ta’ ġudizzju. Aktar importanti minn hekk, enfasizza l-valuri kondiviżi li jgħaqqdu lin-nies minn reliġjonijiet differenti—il-kompassjoni, qalb tajba, u xewqa għall-paċi.
Id-diversità hija mis-sinjali ta’ Alla
Il-kunċett tad-diversità bħala sors ta’ saħħa għandu għeruq fondi f’ħafna tradizzjonijiet reliġjużi. Il-Koran Imqaddes, pereżempju, jippreżenta d-diversità bħala wieħed mis-sinjali ta’ Alla: “Fost is-sinjali Tiegħu hemm il-ħolqien tas-smewwiet u l-art, u d-diversità tal-ilsna u l-kuluri tagħkom. F’dan żgur hemm sinjali għal dawk li għandhom l-għarfien.” (30:23)
Dan il-vers jistieden riflessjoni fuq l-għana tad-differenzi umani, u jħeġġeġ lin-nies biex jaraw id-diversità mhux bħala kawża ta’ firda, iżda bħala manifestazzjoni ta’ għerf divin.
Ħarsa lejn l-istorja tal-bniedem issaħħaħ aktar din il-perspettiva. Il-progress u l-avvanz taċ-ċivilizzazzjoni spiss kienu mmexxija mill-interazzjoni ta’ kulturi, lingwi u ideat diversi. Taħt din id-diversità tinsab unità fundamentali, l-għaqda tal-umanità. Hija din ir-rabta li tippermetti l-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni u t-tkabbir. Għalhekk, id-diversità m’għandhiex titqies bħala ostaklu, iżda bħala riżorsa li tarrikkixxi s-soċjetajiet u twessa’ l-orizzonti, u l-fehma u l-għarfien tagħna.
L-għaqda tal-umanità
Il-Koran Imqaddes jenfasizza wkoll l-għaqda tal-umanità, billi jiddeskrivi l-umanità bħala komunità waħda: “Din il-komunità tagħkom hija komunità waħda u Jiena Sidkom.” (23:53)
Il-vers jgħid li l-Messaġġiera kollha ta’ Alla ffurmaw fratellanza waħda, jiġifieri ġew mill-istess Sors Divin u l-għan tal-miġja tagħhom kien wieħed u l-istess u dak l-għan kien li jistabbilixxu fuq l-art is-Saltna ta’ Alla u l-għaqda tal-umanità, u wkoll li jgħallmu lill-bnedmin iħarsu lejn Alla bħala l-uniku Mulej u Protettur tagħhom. Dan il-messaġġ jenfasizza l-iskop tal-umanità, billi jfakkar lin-nies li, minkejja d-differenzi tagħhom, huma parti minn familja umana waħda.
Il-bukkett fjuri
Il-messaġġ bażiku huwa ċar: id-diversità mhijiex maħsuba biex toħloq firda, iżda biex tiċċelebra l-għaqda tan-nies kollha. Huwa permezz tar-rikonoxximent u r-rispett tad-differenzi li n-nies jistgħu verament japprezzaw dak li jaqsmu komuni. Mod effettiv biex nifhmu dan huwa permezz tal-analoġija ta’ bukkett fjuri. Kull fjura hija unika fil-kulur, il-forma u l-fwieħa tagħha, iżda meta jiġu irranġati flimkien, joħolqu xi ħaġa ferm aktar sabiħa minn kwalunkwe fjura waħda waħedha. Bl-istess mod, id-diversità tal-umanità ssaħħaħ l-għana tal-esperjenza kollettiva umana.
Il-Librerija Umana Interreliġjuża fl-MCAST serviet bħala dimostrazzjoni prattika ta’ din il-filosofija. Uriet li meta n-nies jingħaqdu flimkien b’qalb u moħħ miftuħ u b’rispett, id-differenzi jsiru opportunitajiet għat-tagħlim aktar milli sorsi ta’ kunflitt. Is-suċċess ma jinsabx biss fil-kliem iżda biex inkunu lesti li nisimgħu, nifhmu u nsaħħu r-rabta bejnietna.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar ħaġa importanti li wieħed jaħseb dwar din l-inizjattiva hija l-importanza li jikkultiva l-armonija fil-ħajja ta’ kuljum. Kemm jekk id-dar, fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol, jew fis-soċjetà usa’, il-prinċipji tar-rispett, l-empatija, u d-djalogu huma essenzjali. Billi jħaddnu dawn il-valuri, l-individwi jistgħu jikkontribwixxu għall-bini ta’ komunitajiet li mhux biss huma diversi, iżda wkoll magħqudin u reżiljenti.
F’dinja li spiss hija mmarkata minn nuqqas ta’ ftehim u firda, inizjattivi bħall-Librerija Umana Interreliġjuża jfakkruna f’verità sempliċi iżda profonda: minkejja d-differenzi tagħna, naqsmu umanità komuni. U huwa billi nirrikonoxxu u nrawmu din ir-rabta kondiviża li nistgħu noħolqu futur aktar armonjuż u inklużiv.