People before Profit: Why Public Health Must Come First

Image: Phovoir/Shutterstock.com

In-Nies qabel il-Profitt: Għaliex is-Saħħa Pubblika trid tiġi l-ewwel

It-Torċa, 17.05.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Aktar minn 7 miljun ruħ imutu kull sena madwar id-dinja minħabba l-użu tat-tabakk, u fl-Ingilterra biss it-tipjip jieħu madwar 75,000 ħajja kull sena. Bi tweġiba għal dan l-impatt devastanti, l-Ingilterra ħadet pass kuraġġuż u storiku billi introduċiet projbizzjoni tul il-ħajja fuq it-tipjip għal kull min twieled wara l-2008. Il-miżura ġiet approvata miż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit u se ssir liġi ladarba tirċievi l-kunsens irjali.

Din hija deċiżjoni notevoli u kuraġġuża—waħda li nazzjonijiet oħra, inkluża l-gżira għażiża tagħna ta’ Malta, għandhom jikkunsidraw bis-serjetà li jsegwu.

Din l-inizjattiva tagħti prijorità b’mod ċar lis-saħħa pubblika fuq il-qligħ ekonomiku. Tpoġġi lin-nies ’il fuq mill-profitt u tenfasizza li l-iskop veru tal-ekonomija huwa li taqdi liċ-ċittadini tagħha, u mhux bil-kontra. Tibgħat messaġġ qawwi: il-benesseri ta’ nazzjon għandu dejjem jieħu preċedenza fuq l-interessi materjali.

X’jipprevjeni azzjoni deċiżiva kontra t-tipjip?

Ftit snin ilu, kont qed niddiskuti t-tipjip u l-effetti tal-ħsara tiegħu ma’ ħabib tiegħi. Staqsejt għaliex il-gvernijiet joqogħdu lura milli jipprojbixxu t-tipjip għalkollox meta l-perikli tiegħu huma magħrufa sew u meta jpoġġi piż daqshekk kbir fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa. Jekk it-tipjip jikkawża daqstant imwiet kull sena, x’jipprevjeni azzjoni deċiżiva?

Il-ħabib tiegħi indika l-interessi ekonomiċi sinifikanti marbuta mal-industrija tat-tabakk. Hekk ukoll l-impjiegi tan-nies ukoll marbuta ma’ din l-industrija, u dan jiġġenera dħul sostanzjali, u b’hekk jagħmel projbizzjoni sħiħa kumplessa u diffiċli biex tiġi implimentata.

Filwaqt li dan l-argument għandu xi mertu, fil-opinjoni tiegħi din il-perspettiva tinjora punt kruċjali: l-ekonomija hija maħsuba biex taqdi lin-nies, mhux tiddominahom, kif ngħidu fil-Malti li, “Il-flus huma qaddejja tajbin iżda sidien ħżiena.” L-ekonomija qiegħda hemm biex tgħin lin-nies, mhux in-nies għandhom jaqdu lill-ekonomija.

Għandna nżommu f’moħħna wkoll li, filwaqt li l-industrija tat-tabakk tikkontribwixxi finanzjarjament, timponi fl-istess ħin spejjeż enormi fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa. Il-gvernijiet jonfqu riżorsi sinifikanti biex jikkuraw mard relatat mat-tipjip.

Fil-fatt, dak li jinkiseb ekonomikament ħafna drabi jintilef fin-nefqa tas-saħħa pubblika. Huwa ċiklu ta’ għoti b’id waħda u teħid bl-oħra, li jqajjem il-mistoqsija dwar jekk hemmx xi benefiċċju reali tat-tipjip u l-vizzju marbut miegħu.

It-tipjip u l-imġiba soċjali

Lil hinn mill-ekonomija, it-tipjip jinfluwenza wkoll l-imġiba soċjali u l-ambjenti pubbliċi. Wieħed jeħtieġ biss josserva kemm malajr l-individwi jfittxu s-sigaretti waqt il-pawsi f’konferenzi jew immedjatament wara t-titjiriet. Din l-urġenza ħafna drabi twassal għal skumdità għal oħrajn, hekk kif l-ispazji kondiviżi jimtlew bid-duħħan u bi rwejjaħ spjaċevoli.

Soċjetà konċernata għandha timmira li ma tikkawżax skumdità għal ħaddieħor. Għandna naħdmu biex noħolqu ambjenti li jippromwovu l-faċilità, ir-rispett u l-benesseri għal kulħadd. Dan jappoġġja l-prinċipju etiku li jiġu evitati l-ħsara u l-inkonvenjenza għal oħrajn. It-tagħlim tal-Iżlam jenfasizza dan b’mod ċar.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta parir: “Agħmlu l-affarijiet faċli għall-oħrajn, ipprovdu kumdità lil ħaddieħor u la tagħmlux l-affarijiet diffiċli jew toħolqu inkonvenjent għan-nies. Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien.” Din il-gwida tfakkarna biex naġixxu b’attenzjoni u b’responsabbiltà sħiħa lejn ħaddieħor, filwaqt li niżguraw li kull individwu jħossu rispettat, inkluż u apprezzat.

Malta wkoll għandha l-opportunità li tieħu rwol ewlieni f’dan. Billi tadotta policies aktar b’saħħithom kontra t-tipjip, tista’ twitti t-triq biex issir nazzjon ħieles mit-tipjip, wieħed li jqiegħed is-saħħa tal-poplu fuq kollox. Hija viżjoni li ta’ min jistinka għaliha: soċjetà aktar nadifa, aktar b’saħħitha u aktar ħanina.

Fl-aħħar mill-aħħar, kull ħaġa li tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew taffettwa b’mod negattiv lill-individwi u lill-komunitajiet għandha tiġi skoraġġuta. It-triq ’il quddiem tinsab fit-teħid ta’ għażliet li jipproteġu l-ħajjiet u jaffermaw verità sempliċi: in-nies għandhom dejjem jiġu qabel il-profitt.

Toqtlux lilkom infuskom

L-Iżlam bħala reliġjon jiggwidana f’dan. L-Iżlam jagħmel enfasi kbira fuq is-saħħa, l-indafa u l-ħarsien tal-ħajja. Illum kulħadd jaf li t-tipjip jagħmel ħafna ħsara kemm lil min ipejjep u kemm lil dawk li jkunu fil-qrib ta’ min ipejjep. Is-sigaretti fihom għadd ta’ sustanzi valenużi u perikolużi bħan-nikotina, l-ossidu tal-karbonju u l-arseniku. Dawn is-sustanzi jħallu effetti negattivi, ippruvati xjentifikament, fuq il-ġisem u anki fuq l-ambjent.

L-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna jenfasizzaw ukoll din il-kwistjoni, li wieħed jista’ jsib informazzjoni utli dwarha online. Il-website tas-saħħa ambjentali tindika li t-tabakk joqtol madwar nofs in-nies li jpejpu. Madwar 360 persuna jmutu kull sena f’Malta minn mard attribwit għat-tabakk. Id-duħħan tat-tabakk fih aktar minn 7,000 kimika, li 69 minnhom huma magħrufa li jikkawżaw il-kanċer. Fi kliem ieħor, “It-tipjip joqtol.”

F’dan ir-rigward, l-Iżlam jgħallem: “Toqtlux jew tagħmlux deni lilkom infuskom” (Il-Koran, 4:30). Filwaqt li t-tipjip ma jikkawżax il-mewt mill-ewwel, iżda, huwa fatt li maż-żmien isir qattiel. Għalhekk, dak li jagħmel ħsara għada, aħjar li noqogħdu ’l bogħod minnu anke llum.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.