Photo: Office of the President/Francis Debono
MALTA HIJA D-DAR TA’ NIES BI TWEMMIN DIFFERENTI
It-Torċa, 24.05.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Jekk naraw l-aħbarijiet, mill-ewwel nintebħu li l-mibegħda kontra l-Iżlam u r-razziżmu żdiedu ħafna f’dawn l-aħħar snin. Ħafna drabi, dawn l-inċidenti jseħħu minħabba biżgħat infondati u foloz dwar il-komunità Musulmana. Reċentement, rajna dawn il-kummenti razzisti wkoll f’Malta minħabba Omar Rababah, kandidat Musulman għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Aspett inkwetanti ta’ dawn il-kummenti fid-dinja kollha huwa li r-reliġjon tispiċċa kkundannata sabiex wieħed jiġġustifika l-opinjonijiet jew l-esperjenzi tiegħu, kemm tajbin kif ukoll ħżiena. Bħala student tar-reliġjon, jiena nemmen tassew li l-ebda fidi, tista’ tkun il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu jew l-Iżlam, ma tipprietka l-mibegħda, il-vjolenza, jew id-diskriminazzjoni kontra xi individwu.
Intom aħwa subien u bniet
L-Iżlam ma jilqa’ l-ebda kategorija jew klassi ta’ bnedmin, hekk kif iddikjara b’mod ċar il-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu: “Intom aħwa subien u bniet. Intom kollha ugwali. Ma jimpurtax minn liema nazzjon jew tribù tiġu, u lanqas jimporta xi grad ikollkom, għaliex intom kollha ugwali. Hekk kif is-swaba’ ta’ kull id huma l-istess, hekk ħadd ma jista’ jiddikjara li għandu xi dritt jew pożizzjoni distinta fuq l-oħrajn.”
Il-Koran Imqaddes ifisser li d-diversità fir-razza umana mhijiex mezz ta’ diskriminazzjoni, iżda pjuttost mezz ta’ rikonoxximent u tagħlim. Huwa jafferma li mhumiex ir-reliġjon, il-kulur jew ir-razza li jagħmlu persuna distinta jew aħjar, iżda d-devozzjoni, l-onestà u l-għemejjel tajba ta’ persuna li jagħmluha speċjali quddiem Alla Omnipotenti. (Il-Koran, 49:14)
Madanakollu, jekk ninzertaw nixhdu xi att ta’ mibegħda jew vjolenza jitwettaq minn persuna ta’ twemmin jew reliġjon partikolari, m’għandniex norbtuh mat-tagħlim innifsu ta’ dak it-twemmin. M’għandniex niġġudikaw ir-reliġjon bl-għemejjel tan-nies; pjuttost, l-azzjonijiet tan-nies għandhom jiġu ġġudikati skont it-tagħlim tar-reliġjon, hekk kif offiża għandha tiġi ġġudikata skont il-liġi tal-pajjiż u mhux viċiversa.
Aħna kontra huma
Għaldaqstant, ma nistgħux niġġudikaw nies li jistgħu jkollhom opinjonijiet, ideoloġiji, affiljazzjonijiet politiċi, jew twemmin reliġjuż differenti. Alla jaf l-aħjar min huwa aċċettabbli fis-Saltna Tiegħu, bħalma jistqarr il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana: Tħarsux lejn ħutkom b’disprezz. Meta lkoll tixorbu mill-istess nixxiegħa, min jaf min minnkom hu ddestinat li jixrob aktar mill-ieħor. Definizzjonijiet tad-dinja ma jistgħux jagħtu lill-persuna unur u kobor. Quddiem Alla li Jista’ Kollox, kbir hu dak li hu ġust.
Il-Musulmani fil-Punent illum jaffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni. Ħafna drabi jaqgħu fil-mira minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom, l-isfond kulturali tagħhom u r-reliġjon. In-nisa Musulmani, b’mod partikulari, jesperjenzaw aktar diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru tagħhom u l-ilbis tal-hijab. Din il-forma ta’ preġudizzju tissejjaħ biża’ mill-Iżlam jew razziżmu kontra l-Musulmani.
F’ħafna każijiet, individwi u saħansitra gruppi sħaħ jiġu jttimbrati bħala “differenti”, “mhux magħna”, u b’hekk inħolqot mentalità ta’ “aħna kontra huma” li toħloq ħafna tensjoni u firda soċjali.
Kif nistgħu nikkumbattu r-razziżmu ta’ kuljum?
L-ewwel u qabel kollox, l-edukazzjoni, l-għarfien, u eżempji prattiċi huma essenzjali biex noħolqu diskors pubbliku pożittiv fuq din it-tema. L-organizzar ta’ avvenimenti interreliġjużi u kulturali, kif ukoll ġranet fejn in-nies jitħallew iżuru l-komunitajiet u l-laqgħat ta’ xulxin, flimkien ma’ konferenzi dwar il-paċi, jgħin biex in-nies jersqu lejn xulxin u jitwarrbu l-ideat żbaljati fuq xulxin.
Bis-saħħa tad-djalogu, l-edukazzjoni, u l-għarfien tad-dinja Musulmana, is-sentiment qawwi li hawn kontra l-Musulmani jista’ jonqos. Huwa permezz ta’ dawn l-isforzi li nkunu nistgħu nnaqqsu l-biża’ mill-“oħrajn” u nevitaw kwalunkwe spjaċevoli li jseħħu fil-futur.
Avveniment interreliġjuż fil-Palazz ta’ San Anton
Ftit tal-jiem ilu, f’avveniment interreliġjuż fil-Palazz ta’ San Anton, l-Eċċellenza Tagħha Miriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, għamlet enfasi dwar l-importanza tal-armonija u l-paċi bejn il-komunitajiet li jħaddnu twemmin differenti fis-soċjetà tagħna, u stqarret:
Qed niltaqgħu llejla f’mument meta d-dinja ta’ madwarna hija mimlija b’inċertezzi. Il-kunflitti qed jippersistu, u fi żminijiet bħal dawn, anzi nazzarda ngħid fiż-żminijiet kollha, ir-reliġjonijiet differenti għandhom għalenija jservu ta’ għodda għall-paċi u l-armonija, u mhux sors ieħor ta’ firda.
Ir-reliġjonijiet il-kbar iħaddnu l-istess prinċipji fundamentali; għandhom diversi prinċipji etiċi li huma simili u kunċetti li jitħaddtu dwar il-paċi, l-inklussività, u d-dinjità inerenti ta’ kull ħlejqa umana.
Illum, Malta hija d-dar ta’ nies bi twemmin differenti, kif ukoll ta’ oħrajn li ma jappartjenu ma’ ħadd. Din id-diversità ma nħolqotx b’koinċidenza; hija parti mill-iżvilupp fis-soċjetà tagħna maħluqa minn għadd ta’ fatturi. U titfa’ obbligu fuqna biex nassiguraw li kull individwu jħossu aċċettat, rispettat u stmat.
Il-laqgħa tal-lejla għandha għan ċar u sinifikattiv. Kull vuċi, ugwali fid-dinjità u l-espressjoni, tikkontribwixxi għal messaġġ wieħed: impenn għad-djalogu, għall-paċi, u biex ġenwinament ngħożżu “lill-oħrajn”.