Image: Sufi/Shutterstock.com
IL-PERSEVERANZA U S-SODIZZA
It-Torċa, 31.05.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-perseveranza, jew is-sodizza, tfisser li persuna tibqa’ soda u impenjata lejn xi ħaġa, xi għan partikolari jew fil-fidi, twemmin f’Alla u fil-kmandamenti Tiegħu. Tfisser li wieħed jibqa’ determinat, konsistenti u ma jaqtax qalbu.
Il-perseveranza għandha qawwa kbira fiha nnifisha. Hija kwalità li tista’ ttella’ persuna ordinarja għal livell għoli ħafna. Hemm qawl antik li jgħid li jekk l-ilma jibqa’ nieżel fuq ġebla għal żmien twil, fl-aħħar jagħmel toqba fiha. Dan jurina l-qawwa tal-perseveranza — tista’ tħalli effett anke fuq xi ħaġa iebsa bħal ġebla.
Ħafna nies jaqtgħu qalbhom qabel jaslu għas-suċċess għax ma jkollhomx il-qawwa tal-perseveranza. Issa ejjew naraw fil-qosor l-importanza tagħha.
Motivazzjoni għal aktar xogħol iebes
Ix-xogħol iebes jitqies bħala ċ-ċavetta tas-suċċess, iżda jekk max-xogħol iebes ma jkunx hemm perseveranza, hemm riskju li l-isforz jintilef. Pereżempju, jekk persuna tiddeċiedi li tagħmel biċċa xogħol u taħdem fuqha bis-serjetà għal ftit jiem, imma mbagħad tħalliha f’nofsha, x’benefiċċju se tieħu minn dak l-isforz jekk ma tasalx għar-riżultat mixtieq? Għalhekk, flimkien max-xogħol iebes, il-perseveranza hija wkoll importanti biex wieħed jikseb suċċess.
Meta nibdew xi xogħol għall-ewwel darba, ħafna drabi jkun jeħtieġ ħafna sforz. Jekk ix-xogħol ikun diffiċli, nistgħu nħalluh nofs triq. Imma jekk nibqgħu naħdmu bil-perseveranza, fl-aħħar ix-xogħol jitlesta. Meta nirrepetu l-istess xogħol ħafna drabi, niksbu aktar ħila u esperjenza.
Żewġ eżempji biex tifhem is-suġġett
Pereżempju, jekk bidwi jipprepara l-art b’ħafna xogħol u dedikazzjoni, imbagħad jiżra’ ż-żrieragħ u jsaqqi l-art għal ġimgħat u xhur, iżda jabbanduna qabel ma ż-żara’ tkun lesta, hu mhux se jikseb ir-riżultati mixtieqa.
Bl-istess mod, jekk persuna tibda tellieqa maratona iżda tieqaf ftit metri jew kilometri qabel il-linja finali, tista’ tissejjaħ rebbieħa jew persuna li lestiet it-tellieqa?
Dawn l-eżempji sempliċi jgħinuna nifhmu li biex niksbu l-frott tal-isforzi tagħna, irridu nibqgħu sodi u konsistenti, anke jekk l-isforzi tagħna jidhru żgħar jew insinifikanti. Persuna perseveranti mhux bilfors tkun intelliġenti ħafna, iżda billi tkompli taħdem b’determinazzjoni, eventwalment tikseb suċċess. Dan is-suċċess imbagħad iħeġġiġha biex taħdem aktar. Il-fermezza u l-perseveranza jwasslu għas-suċċess, u għalhekk huma valuri importanti li għandna nżommu f’kulma nagħmlu.
Is-sodizza hija akbar mill-wiri ta’ miraklu
Bla dubju ta’ xejn, is-sodizza hija valur u kwalità tant kbira li ntqal: “Is-sodizza hija akbar mill-wiri ta’ miraklu.”
Kienet din l-istess sodizza li wera l-Profeta Abraham, il-paċi tkun fuqu. Meta fil-ħolma ġie ordnat jissagrifika lil ibnu, minkejja li l-ħolma setgħet tinftiehem b’mod simboliku, huwa kien lest iwettaq dan il-kmand hekk kif irċevieh mingħand Alla li Jista’ Kollox. Il-fidi tiegħu f’Alla kienet tant qawwija, u qalbu kienet mimlija determinazzjoni u sinċerità, li kien lest jissagrifika anke lil ibnu l-maħbub għall-fini ta’ Alla.
Il-Profeta Abraham kien raġel lest jissagrifika dak li kien l-aktar għażiż għalih għall-imħabba ta’ Alla, u poġġa l-imħabba lejn Alla qabel l-imħabba għal ibnu, u kien lest jissagrifikah b’idejh stess. Nies bħal dawn Alla qatt ma jabbandunahom. Alla jberikhom, jaċċetta t-talb tagħhom, u jagħmilhom eżempju għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Image: Azat1976/Shutterstock.com
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Eid al-Adha
Reċentement, il-Musulmani madwar id-dinja ċċelebraw Eid al-Adha — il-Festa tas-Sagrifiċċju, li hija marbuta direttament mas-sagrifiċċju tal-Profeta Abraham. Kull sena l-Musulmani jiċċelebraw din il-festa mbierka u joffru sagrifiċċju ta’ annimali għall-fini ta’ Alla li Jista’ Kollox, u biex ifakkru dak l-att ta’ devozzjoni, perseveranza u fermezza.
L-annimali li jkunu se jiġu maqtula jinxtraw ħafna qabel il-jum tal-Festa minn dawk li kapaċi jħallsu, iżda dawk li ma jiffordjawx jixtru xi annimal dan mhux obbligatorju għalihom. Dawn l-annimali ma jridx ikollhom difetti fiżiċi u jridu jkunu kibru sew.
Skont it-tagħlim Iżlamiku, il-laħam tal-annimal sagrifikat jinqasam fi tliet partijiet: parti tingħata lill-foqra u lill-bżonjużi, parti tinqasam mal-qraba, ħbieb u ġirien, u parti tinżamm għall-persuna li toffri s-sagrifiċċju u għal familtu. Miljuni ta’ annimali jinqatlu għal din l-okkażjoni madwar id-dinja kollha. Il-ġlud tal-annimali maqtula jinbiegħu u l-flus jingħataw lil diversi għaqdiet ta’ karità biex jintefqu fuq il-benesseri tal-umanità.
Għaldaqstant il-Festa tas-Sagrifiċċji tħeġġeġ lill-Musulmani kollha biex isegwu l-eżempji ta’ Abraham u juru sottomissjoni sħiħa lejn il-kmandamenti ta’ Alla.
X’barkiet kbar ġabet is-sodizza!
X’barkiet kbar ġabet is-sodizza tal-Profeta Abraham! L-eżempju tiegħu għadu jispira lin-nies sal-lum. Alla kkmanda lill-fidili biex jiftakru fl-ubbidjenza u d-determinazzjoni tal-qaddej Tiegħu Abraham, għax kien lest jissagrifika l-iktar ħaġa għażiża tiegħu għall-fini ta’ Sidu, għax kien jemmen b’mod sħiħ fil-Mulej u kien bniedem tal-fermezza u l-perseveranza.