Health, Artificial Intelligence (AI) and the Importance of the Human Element

Image: Kentoh/Shutterstock.com

Is-Saħħa, l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u l-importanza tal-element uman

It-Torċa, 07.06.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Qed ngħixu fi żmien ta’ bidliet teknoloġiċi mgħaġġla ħafna, fejn kważi kuljum joħorġu għodod u invenzjonijiet ġodda. Il-bidliet qed iseħħu tant malajr li qabel ma nifhmu jew nidraw sistema waħda, diġà tkun ħarġet oħra flokha.

Din il-bidla kontinwa ħafna drabi tħalli lin-nies konfużi u diffiċli biex ilaħħqu magħha, mingħajr ma jkunu jafu x’inhu verament importanti u x’jista’ jitħalla barra. Min ma jkunx jifhem sew it-teknoloġija malajr jiġi msejjaħ “backward”, “outdated”, jew “old-fashioned”, u dan joħloq aktar pressjoni biex wieħed jadatta mingħajr ma jaħseb sew.

Eżempju ċar ta’ dan huwa l-użu dejjem jikber tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) kważi f’kull qasam tal-ħajja, inkluż is-saħħa. Illum ħafna nies qed jużawha biex ifittxu pariri dwar saħħithom u l-mediċina. Hemm nies li meta jkollhom bżonn isiru jafu xi ħaġa dwar saħħithom, jew iridu xi mediċina, mill-ewwel jaħsbu dwar l-AI u jieħdu parir minnha.

Iżda l-mistoqsija hi, dan l-użu tal-AI huwa tajjeb għal saħħitna, meta aħna m’aħniex esperti fil-qasam tas-saħħa? Għax, jekk m’għandniex għarfien biżżejjed dwar il-qasam tas-saħħa, ma nistgħux nifhmu jekk it-tweġiba tal-AI hija verament tajjeb għalina.

L-Intelliġenza Artifiċjali fil-kura tas-saħħa

Reċentement, tabib fl-Istati Uniti talab gwida mingħand il-Kap Spiritwali tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana dwar din il-kwistjoni. Dan it-tabib, li jispeċjalizza fil-mard infettiv, qal li ħafna pazjenti qed jużaw l-AI biex jiksbu informazzjoni u mbagħad jibdew jiddubitaw id-dijanjożi jew il-mediċini li jagħtihom it-tabib tagħhom; xi kultant anke jistaqsu jekk antibijotiku huwiex verament meħtieġ.

Il-Qdusija Tiegħu spjega li l-Intelliġenza Artifiċjali titgħallem mill-informazzjoni li jagħtuha l-bnedmin, inklużi tobba u speċjalisti, u għalhekk ma għandhiex għerf indipendenti tagħha stess. Huwa qal ukoll li anke bejn it-tobba stess jista’ jkun hemm opinjonijiet differenti dwar kif għandha tiġi kkurata l-istess marda. Għalhekk, in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa li teżisti biss fl-AI, iżda hija parti naturali mill-esperjenza u l-għarfien uman.

Madankollu, it-tobba għandhom jispjegaw lill-pazjenti li l-AI ma tkunx taf l-istampa kollha tal-kundizzjoni tal-pazjent. L-AI ma teżaminax lill-pazjent u mhux dejjem ikollha aċċess għat-testijiet, scans jew investigazzjonijiet mediċi kollha li fuqhom tkun ibbażata d-dijanjożi. Għalhekk, it-tabib jagħti l-parir tiegħu wara eżami mediku veru u testijiet konkreti, filwaqt li l-AI tista’ tagħti tweġibiet mingħajr ma jkollha l-fatti kollha.

L-importanza tal-kuntatt personali bejn it-tabib u l-pazjent

Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-kuntatt personali bejn it-tabib u l-pazjent. Meta tabib jisma’ lill-pazjent b’attenzjoni u jeżaminah b’kura, dan waħdu jista’ jagħti sens ta’ serħan il-moħħ. Ħafna mill-ansjetà tal-pazjent tonqos sempliċement għax iħossu mismugħ u mifhum. L-AI ma tistax tagħti dan it-tip ta’ faraġ jew empatija. Għalhekk, m’għandhiex titqies bħala awtorità assoluta fuq il-ġudizzju ta’ tabib attent u responsabbli.

Fil-qosor, l-AI ma għandhiex għerf tagħha stess iżda tiddependi fuq informazzjoni li tkun disponibbli online u maħluqa mill-bnedmin. Madankollu hemm differenza importanti: it-tobba jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq eżami dirett tal-pazjent, l-istorja medika tiegħu u diversi testijiet, waqt li l-AI ma tistax tagħmel dawn l-affarijiet.

Għalhekk, il-konklużjonijiet tagħha jistgħu jkunu mhux kompluti jew saħansitra żbaljati. Barra minn hekk, l-element uman tal-kura u l-interazzjoni personali ma jistax jiġi sostitwit mill-AI.

Riċerka riċenti dwar l-użu tal-AI fil-kura

Riċerka riċenti kompliet turi dawn il-limitazzjonijiet. Studju ppubblikat fil-BMJ Journal sab li kważi nofs it-tweġibiet mediċi mogħtija mill-AI kienu problematiċi, minkejja li ġew ippreżentati b’kunfidenza kbira.

Ir-riċerkaturi ttestjaw ħames chatbots popolari ħafna billi staqsewhom 50 mistoqsija dwar temi bħall-kanċer, il-vaċċini, in-nutrizzjoni u l-prestazzjoni sportiva. Minn 250 tweġiba, 49.6% ġew ikkunsidrati problematiċi, 30% kemxejn problematiċi u 19.6% serjament problematiċi. Minkejja dan, ħafna mit-tweġibiet ingħataw b’ċertezza kbira, u ftit ħafna mistoqsijiet baqgħu mingħajr risposta.

Dawn ir-riżultati juru problema importanti: l-AI tista’ tidher konvinċenti anke meta tkun żbaljata. Dan huwa perikoluż speċjalment fejn tidħol is-saħħa, għax informazzjoni ħażina tista’ twassal għal konsegwenzi serji.

Barra minn hekk, mhux kulħadd għandu l-kapaċità li jivverifika jekk l-informazzjoni mogħtija mill-AI hijiex korretta. Ħafna nies jafdaw dak li jaqraw, speċjalment meta jiġi ppreżentat b’kunfidenza.

Konklużjoni

Bħala konklużjoni, għalkemm l-AI hija għodda qawwija b’potenzjal kbir, ma tistax tieħu post l-intelliġenza umana, il-ġudizzju u l-kuntatt personali, speċjalment fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Il-konsultazzjoni personali, l-esperjenza medika u l-konnessjoni emozzjonali jibqgħu essenzjali.

L-AI għandha tintuża bħala għodda ta’ għajnuna u mhux bħala sostitut għall-parir professjonali mediku. Il-bniedem mhux biss għandu moħħ razzjonali, iżda wkoll emozzjonijiet, u kura vera teħtieġ kemm għarfien, esperjenza kif ukoll kompassjoni.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.