Smiling is a charity

It-tbissima: Karità b’xejn imma prezzjuża

Ibqgħu tbissmu dejjem; dan iżommkom attivi. Ipprovaw agħmlu n-nies ta’ madwarkom kuntenti, ferrieħa, komdi, pjaċevoli, u ferħanin bit-tbissima tagħkom. Kunu ġenerużu u xerrdu l-karità tat-tbissima. Dejjem żommu t-tbissima fuq xufftejkom, għax din hija karità li tmiss il-qlub u l-erwieħ.

Smiling: free but precious charity| It-Torca 10.03.2024 | Laiq Ahmed Atif – President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta – amjmalta@gmail.com

Illum, iktar ma jkollna konvenjenzi u faċilitajiet fil-ħajja tagħna, aktar nies qed isofru minn problemi u stress minn qatt qabel. Xi wħud minn dawn il-problemi u sofferenzi huma maħluqa mill-bnedmin stess, u xi wħud huma parti normali tal-ħajja. Il-ħajja hija mimlija nżul u tlajja’, jiġifieri xi drabi l-ħajja hija mdawla bid-dawl tax-xemx u xi drabi tiġi taħt xi dell. Xi drabi l-bniedem huwa b’saħħtu u xi drabi jkun ma jiflaħx, u xi drabi jħossu kuntent u xi drabi mdejjaq. Dawn il-bidliet huma parti mill-ħajja.

Imma, minkejja l-impenji kollha tal-ġurnata, għandna nippruvaw inkunu grati lejn Alla f’kull mument, imma partikolarment fil-mumenti taʼ ferħ. Għandna nitkellmu ma’ Sidna kontinwament f’qalbna, nirringrazzjawH għall-barkiet kollha li jtina u nesprimu l-imħabba tagħna lejn Sidna. Għax meta l-bniedem jiftakar f’Alla fil-mumenti ta’ ferħ, Alla jgħinu wkoll fil-mumenti diffiċli.

Jiġri x’jiġri, irridu nibqgħu nkunu kuntenti, għax meta l-bniedem jibqa’ kuntent Alla jgħinu. Dawk li dejjem jibqgħu jitbissmu fil-mumenti ta’ ferħ, u t-tbissima ssir parti integrali tal-karattru tagħhom, emmnuni, anke fi żminijiet diffiċli, se jżommu t-tbissima fuq xufftejhom.

Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza u qal: “Hija karità li tiltaqa’ ma’ ħuk bi tbissima.” Jiġifieri, meta bniedem jiltaqa’ ma’ bniedem ieħor bi tbissima dan ma jkun xejn inqas minn karità; fi kliem ieħor, it-tbissima hija wkoll forma ta’ karità u ġenerożità, għax din ukoll iġġib riżultat pożittiv fil-ħajja tal-persuna li tkun.

Il-karattru ferrieħi u ta’ tbissima

Ħafna drabi aħna ninkwetaw ħafna anke dwar affarijiet żgħar u nħossuna mdejqa; naħseb dan mhux tajjeb, imma għandna nadattaw karattru ferrieħi u ta’ tbissima, għax dan jagħmel l-ambjent iktar paċifiku u pjaċevoli. Huwa minnu li l-bniedem ma jistax jibqa’ ferħan il-ħin kollu, imma huwa wkoll importanti li ma nibqgħux imdejqa għal ħin twil, għax dan ma jsolvi xejn imma jżid il-problemi.

Għandna biex nitgħallmu mit-tfal. It-tfal jifirħu b’affarijiet żgħar u anke jekk jirrabjaw dwar xi ħaġa, jinsewha malajr u jibdew jidħku fil-mument ta’ wara. Ħafna drabi meta n-nies jikbru fl-età, jibdew jaħsbu iktar u anke jibdew jiddejqu fuq l-iżgħar affarijiet, u ma jħalluhomx joħorġu minn moħħhom. Meta dawn il-ħsibijiet jirkbu fuq moħħhom, huma jibqgħu mdejqa u siekta l-ġurnata kollha, u xi nies jidraw ikunu mdejqin u irritabbli.

Id-daħk huwa l-aqwa mediċina

Jekk neħduha drawwa li nitbissmu matul il-ġurnata waqt li nagħmlu xogħolna, anki jekk xi drabi nkunu waħidna jew anke jekk nitbissmu magħna nfusna, dan mhux biss ikun ta’ benefiċċju għalina imma wkoll inġibu tbissima f’wiċċ dawk li jarawna bi tbissima. Li nkunu kuntenti huwa wkoll tajjeb għal saħħitna, għax kif jgħidu, “laughter is the best medicine”, jiġifieri, id-daħk u t-tbissim huma l-aqwa mediċina.

Għalhekk, naħseb li għandna nużaw din il-mediċina li hija b’xejn u għandha effetti u valuri għolja ħafna; u mhux nużawha biss imma naqsmuha wkoll mal-oħrajn sabiex is-soċjetajiet tagħna jsiru kuntenti, paċifiċi u ferrieħa.

Kelmtejn bi mħabba

Huwa wkoll tajjeb wisq li jekk naraw xi ħabib jew xi qraba inkwetati madwarna, jekk ma nistgħux nagħtu xi ħaġa, xi kultant it-tislima ta’ ġurnata, jew nistaqsu kif sejrin u kelmtejn bi mħabba jkunu wisq għalihom u jistgħu jtaffu l-ansjetà tagħhom u jġibu t-tbissima u l-ferħ fuq wiċċhom.

Ġieli seta’ ġralek li, waqt il-mixja ta’ filgħodu, jekk tara koppja anzjana jew mara anzjana li jiġu quddiemek, jitbissmu lura u jgħidulek l-għodwa t-tajba ħafna drabi. Jekk naħsbu dwarha, hija ħaġa vera normali u żgħira, iżda kemm hi utli u għalhekk importanti li tipprattikaha, u għaliex le.

Ħafna drabi aħna ninjoraw affarijiet żgħar imma fil-verità huma għandhom effetti profondi u isbaħ fuq in-nies u s-soċjetà. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza fuq dan il-punt li kull att tajjeb huwa importanti; agħtu importanza għal kull tjubija anke jekk tkun żgħira, u qal li, “Ma tinjora u tiddisprezza xejn fit-tjubija, anke jekk tiltaqa’ ma’ ħuk fidil b’wiċċ jitbissem.”

It-tbissima żżommkom attivi

Il-Mexxej Spiritwali Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, li huwa persuna li jaħdem għal sigħat twal sebat ijiem fil-ġimgħa mingħajr ebda vaganza, darba ġie mistoqsi minn tifel kif isib il-ħin biex jistrieħ u jagħmel affarijiet oħra waqt li jimmaniġġa l-iskeda bieżla ħafna tiegħu.

Il-Qdusija Tiegħu stqarr, “Jiena naħdem fl-uffiċċju tiegħi u nlaħħaq ma’ xogħol ieħor ukoll, bħal nisma’ l-aħbarijiet. Kollox jinsab fil-moħħ; jekk raġel jitgħażżen u jgħid li ma jorqodx biżżejjed, mela xejn ma jitwettaq. Tridu tkunu sodi u tgħidu lilkom infuskom li tridu tagħmlu dan u dak ix-xogħol.” Hu kompla jgħid: “Ibqgħu tbissmu dejjem; dan iżommkom attivi.”

Dejjem ibqa’ tbissem!

Huwa l-fatt li anke jekk nitbissmu b’mod mhux naturali dan ukoll jaffettwana b’mod tajjeb. Skont ir-riċerka, jekk saħansitra nilbħu tbissima falza fuq wiċċna u nidħku b’daħka falza, moħħna jiġi mqarraq li aħna kuntenti. Imbagħad naturalment jonqsu l-istress u l-ansjetà tagħna billi l-moħħ jipproduċi ormoni li jgħinuna nibqgħu kuntenti.

It-tbissima tagħmel il-personalità tagħna attraenti. Nies b’personalità attraenti jistgħu jattiraw lejhom lil kulħadd bil-qawwa tat-tbissima tagħhom. Mela pprova ma tħallix il-ħsieb negattiv jiddominak għal żmien twil kull meta tkun imdejjaq. Dejjem ipprova agħmel in-nies ta’ madwarek kuntenti, ferrieħa, komdi, pjaċevoli, u ferħanin bit-tbissima tiegħek. Kun ġeneruż u xerred il-karità tat-tbissima. Dejjem ibqa’ tbissem! Dejjem żommu t-tbissima fuq xufftejkom, għax din hija karità meraviljuża u bla limiti.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.