
Is-sawm: Mezz mill-aqwa lejn it-tjubija
In-Nazzjon,is-Sibt, 23 ta’ Marzu, 2024 |Imam Laiq Ahmed Atif |President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta – amjmalta@gmail.com
L-evalwazzjoni, it-trasformazzjoni, ir-riforma u t-tiġdid huma parti integrali tan-natura umana u simbolu tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, dak li ma jinbidilx jistaġna u jipproduċi impurità u xejn iktar. Li tkun f’ waqfien kontinwu u statiku hija n-negazzjoni tal-ħajja.
Il-ħajja hija proċess ta’ bidla kontinwa u taqbida, tkabbir, titjib u tiġdid. Dan it-tiġdid huwa importanti kemm fiżiku kif ukoll spiritwali. Hekk kif niżviluppaw esternament u fiżikament, il-fakultajiet u l-abbiltajiet tar-ruħ, tal-qalb u tal-moħħ tagħna wkoll jgħaddu u jridu jkomplu jgħaddu minn stadji ta’ tkabbir u tiġdid.
Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nadottaw ħafna mezzi u modi differenti għat-tkabbir u t-tiġdid fiżiku tagħna; hemm mezzi u modi li jffurmawna wkoll b’mod ġenwin spiritwalment, fosthom ‘is-sawm’.
Tidwil il-qlub
Is-sawm Iżlamiku għandu sinifikat speċjali ħafna għax huwa wieħed mill-ħames kolonni tar-reliġjon. Ir-Ramadan joħloq ambjent uniku fejn wieħed ikun jista’ jiffoka fuq l-ispiritwalità, il-morali u t-talb tiegħu ħafna aktar minn xhur oħra matul is-sena.
Ir-Ramadanhuwa xahar ideali għat-tidwil tal-qlub. It-talb isaffi r-ruħ u s-sawm idawwal il-qalb. Ir-Ramadan huwa żmien ta’ purifikazzjoni tal-ġisem, tal-moħħ u tar-ruħ umana. Jipprovdi opportunità lin-nies biex jerġgħu jirrelataw ma’ Alla u biex din ir-relazzjoni tissaħħaħ u ttul. Huwa xahar li fih issir komunjoni ma’ Alla u aktar ġenerożità u ħanina mal-umanità.
It-tiċħid tal-ħażen
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, “Meta xi ħadd minnkom iqum filgħodu fl-istat tas-sawm, m’għandux juża kliem oxxen, jew iwettaq xi att ta’ injoranza. U jekk xi ħadd iċanfarkom jew jiġġieled magħkom, għandkom twieġbu, ‘Qed insum, qed insum.’”
Jiġifieri, is-sawm mhux biss li wieħed jastjeni mill-ikel u x-xorb, imma li wieħed jikber fil-karattru tiegħu, u jippruva jtejjeb il-personalità tiegħu.
Għalhekk, kompla jgħid li, “Kull min ma jwaqqafx il-kliem falz u l-għemejjel ħżiena, Alla ma għandux bżonn it-tiċħid tal-ikel u x-xorb tiegħu (i.e. Alla ma jaċċettax is-sawm tiegħu).”
Il-filosofija profonda tas-sawm
Meta wieħed jipprova jifhem il-filosofija profonda tas-sawm, huwa jaqbel mija fil-mija li dan huwa mod mill-aqwa lejn it-tjubija umana; għax is-sawm huwa forma kompluta ta’ trasformazzjoni u tiġdid. Is-sawm huwa forma mill-aqwa tal-adorazzjoni u tal-qima għall-Mulej, il-Ħanin, il-Kreatur tal-ħolqien kollu, kif ukoll huwa esperjenza mill-isbaħ biex nifhmu r-realtajiet u l-isfidi tal-ħajja.
Meta bniedem isum, huwa jifhem u japprezza iktar il-barkiet u l-grazzji ta’ Alla fuqna; dan jagħtina opportunità biex nirriflettu fuq dawn il-grazzji sabiex inkunu iktar grati lejn Alla u nsiru aktar umli.
Barra minn hekk, huwa wkoll importanti li nifhmu t-tbatiji ta’ ħutna l-bnedmin li m’għandhomx biżżejjed ikel u qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi. Dan il-fehim imbagħad jgħin biex jiġi kkultivat u żviluppat is-sens ta’ karità u li wieħed jgħin lil min hu fil-bżonn; jippromwovi l-valuri ta’ ġenerożità, simpatija u empatija.
Biex insiru tassew umani
Għalhekk, il-Koran Imqaddes jispjega għaliex is-sawm ġie obbligatorju. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Intom li temmnu, is-sawm huwa obbligatorju għalikom, bħalma kien għal dawk ta’ qabilkom, ħalli tkunu tistgħu ssiru devoti, ġusti u onesti.” (2:184)
Il-kelma li ġiet użata f’dan il-vers hija Taqwa u din il-kelma għandha tifsira wiesgħa ħafna. Din il-kelma tinkludi l-virtujiet kollha; u tiddomina l-valuri, il-virtujiet u l-morali kollha; jiġifieri, l-imġiba tajba u l-għemejjel tajbin kollha tal-bniedem.
Fil-qosor, bl-istqarrija ta’ din il-kelma waħda, Alla li Jaf Kollox iddikjara li l-iskop tas-sawm huwa li jagħmel tassew bniedem ġenwin, reali u mill-isbaħ li l-ġewwieni tiegħu huwa pur, safi u ċar bħall-kristall; bniedem li hu s-sid ta’ kwalitajiet enormi u għandu ħafna virtujiet mill-isbaħ.
Fil-fatt, is-sawm jgħallimna l-filosofija tal-ħajja u jiggwidana lejn il-vjaġġ it-tajjeb u t-triq is-sewwa biex insiru tassew umani.