Women and the attainment of education

In-nisa u l-ksib tal-edukazzjoni

L-Iżlam jħeġġeġ lin-nisa biex ifittxu l-għarfien u l-edukazzjoni, għax, l-għarfien huwa setgħa.  Imma sfortunatament hemm għadd kbir tas-skulari reliġjużi li ma ridux li l-għarfien jitwassal jew jinxtered. Bi ksur tat-tagħlim Iżlamiku, huma xtaqu lin-nisa li jibqgħu magħluqa bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom u għaldaqstant ma ppermettewlhomx li jiksbu edukazzjoni.

It-Torċa 24.03.2024 | Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya, amjmalta@gmail.com

Kull sena t-8 ta’ Marzu jiġi ċċelebrat bħala Jum il-Mara biex tiġi enfasizzata l-importanza tad-drittijiet u d-dinjità tan-nisa. Iżda, sfortunatament, anke llum f’dawn iż-żminijiet moderni nsibu tant inċidenti fejn in-nisa jsiru suġġett ta’ vjolenza; u qed jiġu mċaħħda wkoll mid-drittijiet bażiċi tagħhom fosthom l-edukazzjoni.

Dawn l-inċidenti kontra n-nisa jidhru kullimkien, iżda sfortunatament ħafna, jidhru aktar spiss fil-pajjiżi Musulmani, fejn in-nisa mhux biss huma mċaħħda mid-dritt bażiku tagħhom għall-edukazzjoni, anzi, huma mġiegħla joqogħdu ’l bogħod minn inizjattivi bħal dawn li jfittxu l-għarfien u l-edukazzjoni.

Wieħed minn tali eżempji huwa l-Afganistan fejn in-nisa lanqas biss jitħallew ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-universitajiet. Din is-sitwazzjoni marret għall-agħar mindu t-Talibani reġgħu ħadu l-pajjiż f’idejhom.

Il-perspettiva Iżlamika

L-għarfien huwa setgħa. L-Iżlam bħala reliġjon universali tenfasizza li l-edukazzjoni għall-irġiel u għan-nisa qiegħda fuq l-istess livell ta’ importanza, u l-Qaddis Profeta Muħammad iwassal l-idea li l-edukazzjoni hija obbligatorja għat-tnejn, u qal: “Huwa l-obbligu ta’ kull raġel Musulman u ta’ kull mara Musulmana li jiksbu l-għarfien u l-edukazzjoni.”

Madanakollu, maż-żmien, din l-istruzzjoni tal-Qaddis Profeta Muħammad ġiet aktar injorata mill-Musulmani u għalhekk in-nisa Musulmani baqgħu ħafna inqas edukati mill-irġiel. Imma bħala prinċipju, in-nisa għandhom dritt ta’ edukazzjoni simili bħall-irġiel mingħajr ebda diskriminazzjoni. Għalhekk it-tiċħid mill-edukazzjoni tagħhom imur mhux biss kontra t-tagħlim Iżlamiku iżda wkoll huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Id-Dikjarazzjoni Universali

L-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti jgħid b’mod ċar li: “Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni.”

Allura, il-Musulmani m’għandhom ebda dritt, ikun xi jkun, li jċaħħdu lill-bniet u lin-nisa mill-edukazzjoni. Meta naqraw il-Koran Imqaddes insibu xi attributi ta’ Alla li huma marbuta mal-għarfien, bħal li Huwa dak li “Jaf Kollox”, “Jisma’ Kollox”, “Kollox Konxju”, “l-Għorrief” u “l-Għaref”.

Jiġifieri, Alla għandu l-għarfien ta’ kollox, Hu jaf kollox. Dan juri wkoll li l-għarfien u l-edukazzjoni huma barkiet u mhux saħta. L-għarfien huwa setgħa u mhux dgħufija. L-għarfien huwa karatteristika pożittiva u distintiva u mhux aspett negattiv. L-edukazzjoni hija dawl li jġiegħel lil moħħna jiddi u jiffjorixxi.

Żewġ persuni denji li ngħiru għalihom

Għalhekk il-Qaddis Profeta Muħammad stqarr li: Żewġ persuni biss huma denji li ngħiru għalihom; persuna li Alla jagħniha bir-rikkezzi u jagħtiha s-setgħa li tonfoq ġidha għal kawżi ġusti; u persuna li Alla jimlieha bl-għerf biex din tkun tista’ tiġġudika, tgħallem u jxerred l-għarfien u l-edukazzjoni.

Barra minn hekk, huwa enfasizza li qatt ma tittraskura xi kliem ta’ għerf u għarfien imma kun l-ewwel li titgħallem u tifhem dan. Huwa qal: Il-kelma tal-għerf hija l-proprjetà mitlufa tal-fidil, ħalli, kull meta jsibha, għandu jeħodha, għaliex huwa l-aktar li intitolat għaliha.

Wieħed jista’ jifhem l-importanza ta’ dan is-suġġett mill-fatt li l-ewwel kelma rivelata lill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kienet ‘Iqra’ li tfisser ‘Aqra’; “Aqra, f’Isem il-Mulej tiegħek li ħalaq.” (96:2)

L-għarfien huwa l-grazzja kbira

F’parti oħra tal-Koran Imqaddes l-għarfien ġie deskritt bħala “il-grazzja kbira ta’ Alla”; din tgħid: “Huwa jagħti l-għerf lil min jixtieq Hu, u kull min jingħata l-għerf ikun tassew ġie ppremjat b’ħafna tjubija; u ħadd ma jagħti kas ħlief dawk mogħnija bil-fehim.” (2:270)

Hemm talba sabiħa li, “O Sidi, kabbarni fl-għarfien” (20:115).

L-Iżlam ħeġġeġ lin-nisa biex ifittxu l-għarfien u l-edukazzjoni, imma sfortunatament is-skulari reliġjużi ma ridux li l-għarfien jitwassal jew jinxtered, la bejn l-irġiel, imma aktar u aktar fost in-nisa. Bi ksur tat-tagħlim Iżlamiku, huma xtaqu lin-nisa li jibqgħu magħluqa bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom u għaldaqstant ma ppermettewlhomx li jiksbu edukazzjoni bażika.

Irrilevanza fid-dinja tal-lum

Dan huwa assolutament inaċċettabbli. M’hemm l-ebda spazju għall-injoranza. Dawn l-attitudnijiet għamlu u qed jagħmlu ħsara estensiva lill-progress fil-pajjiżi Musulmani, għaliex b’hekk mhuwiex possibbli għan-nisa Musulmani biex iħarrġu moralment u edukattivament lil uliedhom meta huma stess ma jkollhomx għarfien u l-edukazzjoni meħtieġa.

Meta n-nisa ma jkunux imħarrġa bis-sħiħ, allura kif jistgħu jħarrġu tajjeb lil uliedhom? Meta huma stess ma jkunux edukati biżżejjed, allura kif jistgħu jedukaw lill-ġenerazzjoni futura tagħhom? F’dan il-kuntest, kif jiġi garantit jew żgurat futur sabiħ ta’ pajjiż?

Għalhekk, din l-attitudni egoistika immens għandha tinbidel kemm jista’ jkun malajr; illum qabel għada, qabel ma jkun tard wisq. Inkella, in-nisa Musulmani b’mod partikolari u l-pajjiżi Musulmani b’mod ġenerali fejn in-nisa huma mċaħħda mill-edukazzjoni tagħhom, se jitħallew lura ħafna f’din it-tellieqa tal-progress, anzi se jsiru assolutament irrilevanti fid-dinja tal-lum.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Education, Women, Women's Rights and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.