The role of eyes, tongue and ears in happy family life

IR-RWOL TA’ GĦAJN, ILSIEN U WIDNA FIL-ĦAJJA TAL-FAMILJA

It-Torċa, 30.06.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li: “Jiena niggarantixxi l-ġenna lil dak li jieħu ħsieb lill-organi privati u l-ilsien tiegħu, u jissalvagwardja mill-ħażen l-organi privati tiegħu u l-ilsien tiegħu.”

Dawn iż-żewġ kelmiet huma sempliċi, iżda, profondi ħafna u mimlija lezzjonijiet tal-ħajja safja u pura. Jekk inħarsu madwarna nsibu li l-biċċa l-kbira tal-ħażen soċjali huwa mwettaq minn dawn iż-żewġ organi umani, l-ilsien u l-partijiet privati.

Dan il-kliem għaqli huwa wkoll pilastru meta nitkellmu dwar il-ħajja tal-familja—il-ħajja miżżewġa. Jekk iż-żewġ imsieħba—raġel u mara, jieħdu ħsieb sew ta’ dawn il-punti, naħseb il-ħajja tagħhom tista’ tkun mill-aqwa. Huma jistgħu jkunu koppja ideali.

It-tilwim tal-familja

Il-Kalif u l-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, darba ta parir lill-koppji miżżewġa, u qal li, jekk il-koppji jużaw għajnejhom, ilsienhom u widnejhom b’mod tajjeb dan se jagħmel ħajjithom ferħana ħafna.

Huwa enfasizza li, fit-tilwim tal-familja jidher li l-ilsien, il-widnejn u l-għajnejn għandhom irwol kbir. Jekk ikunu rġiel, ma jużawhomx sew. Jekk ikun hemm nisa, mhumiex qed jużawhom kif suppost. Jien ta’ spiss ngħid lil dawk il-koppji li jitolbu parir, li, jekk tużaw ilsienkom, widnejkom u għajnejkom sew għal xulxin, allura qatt ma jkollkom problemi. Jekk il-lingwa tintuża bil-mod u bi mħabba, qatt ma jkun hemm problemi.

Bl-istess mod, agħlqu widnejkom għal dak li tisimgħu kontra xulxin, jew affarijiet oħra bħal dawn li jistgħu jikkawżaw xi tip ta’ mrar meta tismagħhom. Xi drabi, jekk persuna jew parti waħda tgħid xi ħaġa ħażina, l-oħra wkoll twieġeb għalih bl-istess mod. Jekk il-widnejn jingħalqu għal żmien qasir biex itemmu l-kunflitt, ħafna problemi jistgħu jiġu midfuna hemmhekk. Mela agħlqu widnejkom, u taslu għall-paċi.

Barra minn hekk, żommu għajnejkom magħluqa biex taraw il-ħażin ta’ xulxin u żommu għajnejkom miftuħin biex taraw it-tajjeb ta’ xulxin. Wara kollox, f’kull persuna, kemm jekk tkun mara jew raġel, hemm affarijiet tajbin u hemm xi nuqqasijiet.

Kliem għaqli għall-ħajja ta’ familja paċifika

M’għandekx tagħmel affarijiet li jweġġgħu l-fiduċja reċiproka, jekk iżżomm il-purità tal-għajnejn, allura ma tweġġax u dawn il-problemi jisparixxu. Tħallix qalbek issir post ta’ affarijiet ħżiena. Żomm f’qalbek il-biża’ ta’ Alla, allura problemi qatt mhu se jinqalgħu. Ix-xitan qatt ma jista’ jidħol fil-qalb mill-bieb u jikkaġuna ħsara fid-djar.

Kemm hu parir sabiħ! Ma jiswa xejn, iżda jħallas lura bil-kbir, b’mod mirakuluż u pjaċevoli. M’għandekx tagħmel xi ħaġa, dak li għandek tagħmel hu li ma tweġibx għal kliem mhux xieraq, tismax dak li joħloq il-firda, u tarax in-nuqqasijiet fil-partner tiegħek imma dejjem fittex it-tjubija fih.

Lingwaġġ artab

Għalhekk, jekk il-koppja tixtieq li l-ħajja miżżewġa tkun paċifika u pjaċevoli, allura għandu jkollhom valuri morali għolja ħafna, qalbhom għandha tkun tad-deheb, għandu jkollhom ilsien mimli bl-għasel, u dejjem joqtor l-għasel minn kliemhom. Il-ħlewwa tal-kliem issaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom fiż-żwieġ.

Huwa minnu li kważi kull persuna, anke t-tfal ta’ età żgħira, tħobb il-ħelu fl-ikel, bl-istess mod, tħobb ukoll il-ħlewwa tal-kliem.

Peress li kull ikla jew festa formali mhix kompluta mingħajr id-deżerta u l-ħelu, bl-istess mod, jekk ma jkunx hemm ħlewwa fi kliem koppja miżżewġa, iż-żwieġ tagħhom ma jistax jissejjaħ ideali, komplut u perfett.

Il-pudur isaħħaħ is-seħer

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, iddeskriva persuna bi lsien ħażin bħala ‘l-agħar’ u qal: “M’hemm ebda karatteristika oħra agħar għall-bniedem minn persuna bi lsien twil.”

Huwa enfasizza fuq it-taħdit u qal li, “Kelma tajba hija karità.” “L-indiċenza tisfigura kollox u l-pudur isaħħaħ is-seħer ta’ kollox.” “Persuna li temmen ma tqarraqx jew tisħet jew tabbuża jew titkellem b’mod indiċenti.”

Huwa kompla jispjega l-karatteristika tal-fidil veru u qal: “Il-fidil veru huwa wieħed li minn ilsienu u minn idejh fidili oħra huma siguri u jinsabu fil-paċi u s-sliem.”

Storja ta’ tifla ċkejkna mimlija għerf

Il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, darba rrakkonta inċident li seħħ tassew fejn kien hemm raġel u mara li kienu qed jiġġieldu. Tifla ċkejkna kienet qed tħares lejhom u kienet sorpriża ħafna. Wara xi żmien it-tnejn indunaw li kienu qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Sabiex iħassru l-mistħija tagħhom, staqsew lit-tifla ċkejkna għaliex qed tkun sorpriża ħafna meta tara hekk: “Ma jiġġildux il-ġenituri tiegħek; ommok u missierek ma jiġġildux jew ma jitkellmux bl-aħrax ma’ xulxin? Jew ma jkunux  irrabjati?”

It-tifla ċkejkna wieġbet fl-innoċenza mirakuluża tagħha u qalet, “Iva xi darba jiġri xi ħaġa, jekk missieri jirrabja, allura ommi tkun siekta u, jekk ommi tirrabja, allura missieri jkun sieket, allura ma jiġġildux.”

Jiġifieri, jekk xi darba jinqala’ xi ħaġa bejniethom, huma ma jweġbux lil xulxin bl-istess mod, jiġifieri, ‘no tit for tat’, għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim ma jittawwalx, u l-ebda ġlieda ma ssir bejniethom. B’dan il-mod il-paċi tad-dar ma tiġix affettwata.

Xi sbuħija! Xi ġmiel!

Xi sbuħija! Xi ġmiel! Prosit! B’pass sempliċi, huma rnexxielhom jagħmlu l-ħajja tal-familja tagħhom adorabbli, paċifika u ideali. Allura, ma nistgħux aħna wkoll nitgħallmu minn din l-istorja sempliċi biex ngħixu ħajja sabiħa, ferħana, kuntenta u paċifika?

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.