Health — A True Wealth

RIKKEZZA TA’ VERA

It-Torċa, 07.07.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Is-saħħa tajba hija rigal prezzjuż, grazzja kbira u barka mill-aqwa mingħand Alla l-Ħanin u l-Grazzjuż. Jgħidu li, jekk hemm is-saħħa, hemm id-dinja kollha; jekk m’hemmx is-saħħa, m’hemm xejn. Il-frażi popolari ‘is-saħħa hija għana’ turi biċ-ċar il-fatt li bħala individwi aħna għandna tendenza li nqisu s-saħħa bħala waħda mill-aktar affarijiet importanti u prezzjużi. Huwa minnu li s-saħħa hija rikkezza ta’ vera.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien stqarr li hemm żewġ barkiet mingħand Alla li l-bniedem ma tantx jagħti kashom. L-ewwel hija s-saħħa u t-tieni hija l-ħin ħieles. Huwa qal: “Ħafna nies jitfgħu fuqhom it-telfien ta’ żewġ għotjiet divini: is-saħħa sana u l-ħin ħieles.

Is-saħħa hija għana

Dan il-kliem għaqli jiġbdilna l-attenzjoni li rridu nkunu konxji mis-saħħa u l-ħin tagħna. Il-għaliex, minħabba li għandna ġisem wieħed u ħajja waħda, aktar għandna nieħdu ħsiebhom sewwa u ngħożżuhom daqs l-aqwa ħwejjeġ favoriti tagħna. Uħud mill-aktar fatturi importanti biex nibqgħu b’saħħitna jiddependu ħafna minn dak kollu li nieklu, l-istil ta’ ħajja tagħna u li nkunu attivi.

Ħafna drabi ma nagħtux kas lil saħħitna u ‘we take it for granted’, iżda l-valur tas-saħħa joħroġ fid-dieher l-aktar meta wieħed jimrad. Meta wieħed jimrad, anke jekk għandu d-deni biss, imbagħad iħoss kemm is-saħħa hija importanti u li mingħajrha ma nistgħu nagħmlu xejn; ma nistgħux niċċaqalqu u nimxu faċilment, ma nistgħux induqu l-ikel kif suppost, ma nistgħux nieklu jew ingawdu saħansitra l-aktar ikel delizzjuż.

Fidil b’saħħtu huwa aħjar

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qal: “Fidil b’saħħtu huwa aħjar minn fidil dgħajjef (fiżikament).Dan ifisser li l-fidil b’saħħtu jista’ jagħmel ħafna ġid għalih innifsu, għal familtu u għas-soċjetà. Meta għandu s-saħħa huwa jista’ jagħmel ħafna xogħol ta’ karità, jista’ jgħin lil dawk li huma fil-bżonn, jista’ jservi lill-umanità bl-abbiltajiet u l-kapaċitajiet kollha tiegħu. Fuq kollox jista’ jqum quddiem Alla regolarment mingħajr ebda diffikultà. Għalhekk, huwa dejjem enfasizza li l-fidili għandhom jieħdu ħsieb ta’ saħħithom.

Għalhekk huwa importanti li dejjem ngħożżu saħħitna u dejjem nibżgħu għaliha. Nagħmlu ħilitna kollha, u rridu nagħtu kuljum ftit ħin għalina nfusna biex inżommu ruħna tajbin u b’saħħitna.

Kif wieħed iħossu b’saħħtu?

L-intellettwali sejsu xi prinċipji biex wieħed iħossu b’saħħtu. L-indafa, il-prevenzjoni, il-moderazzjoni, l-eżerċizzju, id-dixxiplina u l-attenzjoni kollha jistgħu jtejbu s-saħħa umana.

Is-saħħa tal-intelliġenza, tal-kariżma, tal-grazzja u tad-dehen ukoll tiddependi fuq is-saħħa fiżika tal-ġisem. Biex wieħed jaffaċċja l-isfidi ta’ xogħol iebes, ta’ riżultati sodisfaċenti u ta’ responsabbiltajiet ta’ obbligazzjonijiet reliġjużi, hemm bżonn bażi soda ta’ saħħa fiżika tajba.

Moħħ b’saħħtu f’ġisem b’saħħtu

Barra minn hekk, is-saħħa mentali hija wkoll marbuta mill-qrib mas-saħħa fiżika. Bħalma qawl Għarbi jgħid b’mod sabiħ: “Ġisem b’saħħtu fih moħħ b’saħħtu.” Għalhekk, huwa r-responsabbiltà tagħna li nipprijoritizzaw il-ħajja b’saħħitha u l-parteċipazzjoni fl-isports u l-eżerċizzju regolari. Il-fitness fiżika tiffaċilita l-funzjoni aħjar tal-moħħ u tal-abbiltajiet kollha tal-bniedem, u ttejjeb il-kapaċità li wieħed iwettaq ir-responsabbiltajiet b’mod effettiv, seren u bl-aħjar mod.

Nafu b’mod tajjeb wisq u din hija r-realtà li l-obeżità tiżdied b’rata mgħaġġla ħafna f’pajjiżna u anke madwar id-dinja. B’mod allarmanti l-obeżità mhix biss fl-adulti iżda wkoll fit-tfal. It-tfal ta’ età żgħira huma wkoll jimirdu minn din l-epidemija allarmanti li hija verament xokkanti ħafna.

Kawżi tal-obeżità

It-tobba jgħidu li piż żejjed, obeżità, u inattività fiżika huma l-akbar kawżi fost oħrajn li jwasslu għad-dijabete li teqred is-saħħa u, jekk ma tiġix ikkontrollata jew jilqgħulha minn qabel, tħalli effetti fit-tul u tikkawża d-danni lill-ħajja umana. Biex insemmu xi ftit, din toħloq problemi fl-għajnejn, tagħmel ħsara lill-vini u l-arterji u l-kliewi, u ġġib problemi fil-qalb. Fil-qosor, l-obeżità twassal għal dijabete, u d-dijabete mbagħad teqred kollox fit-termini tas-saħħa umana.

Suġġeriment mill-qalb

Għalhekk, huwa ħafna importanti li wieħed jibqa’ attiv u jgħix ħajja aktar sana. F’Malta, aħna mberkin b’temp li ħafna drabi jkun sabiħ. Għaldaqstant irridu nkunu grati lejn Alla għal din il-barka meraviljuża, u nagħmlu l-aħjar użu minnha għall-ġid ta’ saħħitna.      

Biex inkunu b’saħħitna, huwa rrakkomandat li kuljum isiru mill-anqas 30 sa 45 minuta attivitajiet fiżiċi. Biex joktru l-benefiċċji għas-saħħa dan il-ħin jista’ jiżdied. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li wieħed inaqqas il-ħin li joqgħod bilqiegħda.  

Kampanja bħala dmir nazzjonali

Għalhekk, nappella lil kulħadd inkluż lili nnifsi li, ejjew nibdew kampanja rivoluzzjonarja fuq skala nazzjonali biex nippromwovu l-fatt li ngħixu ħajja b’saħħitha u li nieħdu ħsieb saħħitna. Kollha missna nagħmlu sforz biex inħeġġu lil xulxin ħalli nieklu, naħsbu u ngħixu sew!

Ejjew nagħmlu dan bħala dmir nazzjonali, għax, meta nkunu b’saħħitna dan se jnaqqas il-piż żejjed fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna jiġifieri fuq l-isptar u l-polyclinics. Dan ikun ifisser ukoll li, ikun hemm inqas nefqa fuq is-saħħa, li jirriżulta li l-pajjiż ikollu aktar riżorsi biex jieħu ħsieb ħafna proġetti oħra soċjali u nazzjonali għall-benesseri tan-nazzjon.

Let’s do it!

Nemmen bis-sħiħ li dan huwa dmir nazzjonali li ngħożżu saħħitna, nibqgħu attivi, u nieħdu ħsieb lilna nfusna b’mod tajjeb, għalina, għal uliedna, għall-familji tagħna, għall-ġid komuni u għall-benesseri ta’ pajjiżna kollu. Let’s do it!

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Islam and tagged , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.