Where there is a will, there is always a way

MIN IRID, ISIB IT-TRIQ

In-Nazzjon, 26.08.2026 | Imam Laiq Ahmed Atifamjmalta@gmail.com

Fid-dinja nsibu u nirċievu ħafna rigali ta’ valur, imma għall-ġenituri l-isbaħ rigal huwa wliedhom, u b’mod speċjali għall-ommijiet, uliedhom huma l-aqwa rigal li qatt setgħu jirċievu. Darba qrajt qawl sabiħ li jgħid li, “Omm hija l-ewwel imħabba vera ta’ binha. Iżda għall-omm, iben huwa l-aħħar imħabba ta’ ommu.”

Kemm hu sabiħ. Bla dubju ta’ xejn kull omm tħobb lil uliedha bla għadd, tabilħaqq, aktar minnha nfisha. Għalhekk, il-kelma “l-aħħar” fil-qawl ta’ hawn fuq jista’ jinftiehem ukoll bħala l-akbar imħabba ħelwa u vera tagħha. U għaliex ma jkunx hekk? Għax uliedhom huma demmhom stess; huma parti minn ġisimhom u minn ruħhom, u l-ġenituri jħobbu lil uliedhom għax huma “biċċa waħda” minnhom.

Kif it-tfal huma l-akbar sors ta’ ferħ għall-ġenituri tagħhom, hekk ukoll it-tbatija u n-niket tagħhom huma l-akbar sors ta’ uġigħ għall-ġenituri. Din it-tbatija ssir saħansitra akbar meta l-ġenituri jsiru jafu li binhom jew binthom qed jużaw id-droga jew is-sustanza. Dan ifisser li wliedhom tilfu t-triq it-tajba u bdew jimxu fit-triq il-ħażina.

Il-vizzju tad-droga huwa bħal ħakk

It-triq tad-droga hija triq mudlama u mimlija tbatija, fejn f’kull pass l-uġigħ ikompli jiżdied. Fit-tfittxija għall-paċi, il-persuna tibqa’ ddur bla kwiet, imma l-paċi vera tibqa’ ħafna ’l bogħod. Il-persuna timxi f’mina mudlama biex issib id-dawl, iżda ssib li l-mina qatt ma tispiċċa.

Dawk li jużaw id-droga ħafna drabi jaħsbu li qed isibu serħan u mistrieħ, imma dan is-serħan temporanju fl-aħħar iwassal għal tbatija li tibqa’. Huwa bħal persuna li jkollha ħakk; meta tobrox il-post, tħoss serħan għal ftit ħin, imma wara ftit jibda joħroġ id-demm, u l-ħakk li kien jidher li qed jagħti serħan jinbidel f’ferita.

Iċ-ċerimonja annwali tal-Caritas

F’Ġunju kelli l-opportunità nattend iċ-ċerimonja annwali tal-gradwazzjoni ta’ Caritas Malta. Din iċ-ċerimonja annwali ssir biex tagħti rikonoxximent u kuraġġ lil dawk li, bil-kuraġġ, bid-dedikazzjoni, bit-talb u bil-għajnuna ta’ nies professjonisti, irnexxielhom jegħlbu d-dipendenza tagħhom fuq id-droga. Fl-istess ħin, twassal messaġġ lis-soċjetà li d-droga hija biss triq ta’ telf. Ma ġġib xejn ħlief qerda; mill-bidu sal-aħħar, toffri biss ħsara.

Storja ta’ omm ta’ uġigħ u qsim il-qalb

Matul iċ-ċerimonja smajna wkoll l-istorja ta’ omm li d-dinja tagħha nbidlet kompletament ta’ taħt fuq meta saret taf li binha kien qed juża d-droga. Kollox madwarha deher imfarrak. Kien mument ta’ xokk u konfużjoni għaliha. Imbagħad bdew ġejjin mistoqsijiet bla tmiem: Kif wasal sa hawn? Kien hemm xi nuqqas fit-trobbija tiegħi? Fejn żbaljajt? Kif ma ndunajtx qabel? Xi stajt għamilt aħjar? Għaliex ibni spiċċa priġunier ta’ dan il-vizzju? X’kien se jiġri minnu? Il-lista ta’ mistoqsijiet dehret li qatt ma kienet se tispiċċa.

Din l-omm irrakkontat li, “Minn hemm bdiet mixja iebsa, u twila… Għaddejna minn ħafna tbatija. Il-vizzju ma jolqotx biss lill-persuna li tkun qed tbati minnu — jolqot lill-familja kollha. Jisraq il-paċi tad-dar, iġib tensjoni kontinwa. Ibni sar bniedem ma nafuhx, u kellna nitgħallmu naċċettaw ir-realtà kif kienet, u ma nħarsux biss lejn id-dlam li ġabet magħha din il-problema, imma nfittxu dik ix-xrara żgħira ta’ tama.”

Qalet li, “kien hemm ġranet fejn kont inqum b’toqol kbir u norqod b’qalbi miksura. Kull darba li kien joħroġ mid-dar kont nistenna li nerġa’ narah lura. Kull telefonata kienet iġġib magħha mument ta’ paniku. Kont ngħix b’ansjetà kontinwa u biża’ ta’ x’kien ser jigri minn mument għall-ieħor.”

Iżda meta nduna li qabad it-triq il-ħażina, hu ħa pawża, ħaseb, evalwa, u ddeċieda li jibdel it-triq mid-droga lejn in-normalità. Min irid, isib it-triq. Sab il-bibien ta’ Caritas miftuħa u minn hemmhekk beda l-vjaġġ pożittiv u wasal fejn riedu.

Lezzjonijiet importanti minn din l-istorja vera u ħajja

Dan u ħafna stejjer oħrajn simili jiġbdu l-attenzjoni tagħna lejn xi lezzjonijiet importanti ħafna li rridu nitgħallmu.

L-ewwel nett, għandna nibnu relazzjoni b’saħħitha bejn il-ġenituri u wliedna, u nħeġġu djalogu regolari u miftuħ dwar l-isfidi u r-realtajiet ta’ madwarna. It-tfal għandhom jiġu mgħallma dwar il-ħsara u l-perikli tad-droga, kif ukoll dwar vizzji u problemi soċjali oħra.

It-tieni nett, it-tfal għandhom dejjem ikunu sensittivi għas-sentimenti tal-ġenituri tagħhom. Qatt m’għandhom jieħdu l-imħabba u s-sagrifiċċji tal-ġenituri tagħhom for granted. Minflok, għandhom jikbru bħala persuni responsabbli li jiddiskutu d-deċiżjonijiet importanti mal-ġenituri tagħhom, għax il-ġenituri huma l-aqwa gwida tagħhom u dawk li jixtiqulhom l-aħjar fil-ħajja.

It-tielet nett, it-tfal għandhom dejjem iżommu f’moħħhom li l-iżbalji u l-għażliet ħżiena tagħhom jistgħu jġibu uġigħ u tbatija kbira lill-ġenituri tagħhom. Għalhekk, għandhom jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom u qatt ma jsiru kawża ta’ niket jew tbatija għalihom. Minflok, għandhom dejjem jagħmlu ħilithom biex jonoraw, jirrispettaw u jaqdu lill-ġenituri tagħhom bl-aħjar mod li jistgħu.

Jalla Alla li Jista’ Kollox ibierek lil uliedna kollha b’suċċess u kisbiet sbieħ f’kull stadju ta’ ħajjithom, u jħarishom taħt il-protezzjoni u l-ħniena Tiegħu minn kull ħażen u kull vizzju soċjali. Jalla jagħti wkoll lill-ġenituri l-ferħ li jaraw lil uliedhom jikbru bħala persuni twajba, responsabbli u ta’ suċċess. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.