The Journey from Spiritual Death to Spiritual Life

Image: Solarseven/Shutterstock.com

IL-MIXJA MILL-MEWT SPIRITWALI GĦALL-ĦAJJA SPIRITWALI

It-Torċa, 02.08.2026 | Imam Laiq Ahmed Atifamjmalta@gmail.com

Ħafna drabi nisimgħu nies jitkellmu dwar il-mewt fiżika, li sseħħ meta persuna tmut u r-ruħ tagħha titlaq mill-ġisem fiżiku. Din il-mewt hija ċerta u kull bniedem se jgħaddi minnha kif jgħid Alla li Jista’ Kollox fil-Koran Imqaddes (29:58): “Kull ruħ idduq il-mewt, imbagħad lejna titreġġgħu lura.”

Madankollu, il-Koran Imqaddes isemmi wkoll tip ieħor ta’ mewt u jgħid li l-Profeti ta’ Alla jagħtu l-ħajja lil dawk il-mejtin. X’inhi din il-mewt? X’jgħid Alla dwarha?

Il-Koran jgħid: “Intom li temmnu, wieġbu lil Alla u lill-Messaġġier Tiegħu meta jsejħilkom għal dak li jagħtikom il-ħajja.” (Il-Koran, 8:25)

Jekk naħsbu sew fuq dan il-vers, naraw li Alla mhux qed jitkellem dwar il-mewt fiżika, għax qed jindirizza lil dawk li diġà huma ħajjin u jemmnu. Allura, liema mewt hi din li minnha Alla jrid li l-fidili biex jiġu għand il-messaġġiera sabiex jagħtihom il-ħajja?

Li tkun ħaj mill-ġdid

Il-kliem “jagħtikom il-ħajja” għandu tifsira kbira. Il-Profeti ta’ Alla dejjem isejjaħu lin-nies biex jagħtuhom ħajja ġdida. Imma din mhix ħajja fiżika. Hija ħajja spiritwali.

Alla, fil-ħniena Tiegħu, bagħat Profeti u Messaġġiera tul l-istorja umana biex jiggwidaw u jtejbu lill-umanità. Il-Profeti jiġu  fid-dinja meta n-nies ikunu tbiegħdu minn Alla u l-ispiritwalità, il-moralità u t-tjubija jkunu naqsu ħafna; meta l-mewt spiritwali tkun qed tipprevali fuq l-ispiritwalità u l-moralità.

Alla jibgħat il-gwida divina biex jagħti l-ħajja lil nies li kienu mejta spiritwalment sabiex jerġgħu jsiru ħajjin spiritwalment, moralment, soċjalment, etikament, reliġjożament. U s-soċjetà terġa’ ssir ħadra u produttiva bil-ħdura u l-frott spiritwali, u terġa’ timtela bit-tjubija u l-barkiet.

Il-fidi hija biss il-bidu tal-vjaġġ spiritwali

Blad dubju, il-mewt fiżika sseħħ darba biss. Imma jekk persuna tkun mejta spiritwalment, moralment u etikament, tkun qisha qed tmut kull jum. Jekk il-qalb ta’ persuna tkun vojta minn kull tjubija, ħniena, mogħdrija u mħabba, dik il-qalb tkun spiritwalment mejta, u tassew, din hija l-mewt vera tal-bniedem: li jkun tilef kull umanità.

Xi ħadd jista’ jistaqsi: F’dan il-vers Alla qed jitkellem mal-fidili, li diġà emmnu u sabu ħajja ġdida. Għaliex qed jgħidilhom biex jieħdu l-ħajja?

Irridu nifhmu li l-fidi hija biss il-bidu tal-vjaġġ spiritwali, mhux it-tmiem tiegħu. Pereżempju, meta tifel jibda l-iskola jsir student, iżda dan ma jfissirx li laħaq l-ogħla livell ta’ tagħlim. Bl-istess mod, min jemmen huwa mistieden ikompli javvanza sakemm jilħaq l-ogħla livell ta’ qrubija lejn Alla.

Meta persuna taċċetta l-fidi, tkun tista’ twieġeb għas-sejħa ta’ Alla. Imma xorta jista’ jkun li qalbha tkun marbuta wisq mal-affarijiet tad-dinja. L-imħabba tagħha lejn id-dinja tkun għadha qawwija, u r-relazzjoni tagħha ma’ Alla tkun għadha mhux soda biżżejjed.

Hekk kif min jemmen jikber spiritwalment, gradwalment isir aktar devot lejn Alla. Iktar ma jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla, jobdu l-kmandi Tiegħu u jaħdmu biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom Miegħu, iktar jimxu minn stat ta’ mewt spiritwali għall-ħajja spiritwali.

Il-qofol tal-ħajja vera

Meta l-fidi u l-għemejjel tajbin jilħqu l-ogħla livell tagħhom, dik hija l-ħajja vera li Alla qed isejjaħ għaliha f’dan il-vers. Li tgħaddi mill-mewt għall-ħajja jfisser li tħalli warajk stat spiritwali dgħajjef u tidħol f’wieħed aħjar. Dan mhux faċli. Iktar ma persuna tkun mejta spiritwalment, iktar ikollha bżonn tagħmel sforz biex terġa’ lura lejn ħajja spiritwali.

Jekk l-imħabba tagħna lejn id-dnub u l-affarijiet ħżiena qed tikber, inkunu qed nitbiegħdu minn Alla. Kull persuna taf x’inhuma d-dgħufijiet tagħha u x’inhu d-dlam li hemm ġewwa fiha. Dan huwa d-dlam tad-dnub u l-ħażen. Meta persuna tħalli dan id-dlam warajha u tibda timxi lejn Alla, tibda tara l-preżenza Tiegħu kullimkien, għax Alla huwa d-Dawl.

Naqqas ir-rabta tiegħek mad-dinja

Darba raġel mar għand il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, u qallu: “O Messaġġier ta’ Alla, urini għemil li jekk nagħmlu, Alla jħobbni u n-nies ukoll iħobbuni.” Il-Profeta wieġbu: “Naqqas l-irbit tiegħek mad-dinja, u Alla jħobbok; u tixtieqx dak li għandhom in-nies, u n-nies iħobbuk.”

F’dan id-diskors, il-Profeta wera t-tifsira vera ta’ “ma tkunx marbut mad-dinja”. Dan ma jfissirx li persuna għandha tirrifjuta l-affarijiet tajbin u l-barkiet li Alla ta lill-bniedem, jew li tarmi jew tittraskura l-ġid tagħha.

It-tifsira vera hija li l-fiduċja u t-tama tal-bniedem għandhom ikunu f’Alla u fil-wegħdiet Tiegħu ta’ maħfra u premju, mhux fil-flus jew fil-affarijiet tad-dinja. Persuna tista’ tkun sinjura, iżda l-ġid tagħha m’għandux ikun is-sors tas-sigurtà tagħha jew l-aktar ħaġa importanti f’qalbha.

Min jemmen għandu jafda f’Alla, għax il-barkiet, il-ħniena u l-premju Tiegħu huma ħafna akbar minn kull ħaġa li tista’ toffri din id-dinja.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.