Image: By-Studio/Shutterstock.com
INĦARSU L-KLIMA TAGĦNA, INĦARSU L-FUTUR TAGĦNA
It-Torċa, 09.08.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
L-Ewropa bħalissa qed tgħaddi minn waħda mill-ikbar mewġiet ta’ sħana li qatt ġew irreġistrati, u Malta hija wkoll milquta. Fit-18 ta’ Lulju, l-ogħla temperatura rreġistrata f’Malta matul is-sena 2026 kienet ta’ 43.3°C, rekord ġdid għax-xahar ta’ Lulju f’Malta. Barra minn hekk, f’Malta u madwar l-Ewropa ġew irrappurtati ħafna nirien li mhux biss ġiegħlu lin-nies jitilqu minn djarhom, iżda wkoll għamlu ħsara kbira lill-ambjent u lill-proprjetà.
Dak li qed jiġri quddiem għajnejna huwa biss riflessjoni ta’ dak li qed jiġri madwar il-kontinent Ewropew kollu u, b’estensjoni, madwar id-dinja kollha. L-Ewropa hija l-aktar kontinent fid-dinja li qed jisħon malajr. Skont is-Servizz Ewropew Copernicus dwar it-Tibdil fil-Klima, mit-tmeninijiet ’l hawn it-temperaturi żdiedu darbtejn aktar malajr mill-medja globali.
Fl-aħħar erba’ snin, aktar minn 200,000 persuna madwar l-Ewropa mietu minħabba kawżi marbuta mas-sħana, u l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-imwiet setgħu ġew evitati, qalet dan l-Uffiċċju Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Sitwazzjoni serja ħafna
Dan juri b’mod ċar l-impatt tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Din hija sitwazzjoni serja ħafna li teħtieġ l-attenzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-umanità kollha. Aħna lkoll għandna nagħmlu l-parti tagħna biex id-dinja tagħna tkun aktar sostenibbli u timxi ’l quddiem b’rispett lejn l-ambjent.
Ix-xjenzati ilhom iwissu li t-tibdil fil-klima qed iżid kemm il-frekwenza kif ukoll l-intensità tas-sħana u n-nixfa. Dan il-global warming huwa ta’ tħassib kbir, speċjalment meta nqisu n-nirien u l-mewġa ta’ sħana li rajna fl-aħħar ġimgħat.
Riċentement, il-Kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana ġie mistoqsi dwar ir-raġunijiet tat-tibdil fil-klima, minbarra dawk magħrufa sew. Huwa wieġeb: “Wieħed mill-fatturi ta’ dan it-tibdil fil-klima huwa ż-żieda fil-popolazzjoni. Il-popolazzjoni tad-dinja qed tkompli tikber, il-qtugħ tas-siġar qed ikompli u dejjem qed jinqatgħu aktar siġar, filwaqt li l-użu tal-karozzi qed ikompli jiżdied ħafna.”
Imbagħad il-Qdusija Tiegħu ta eżempju billi qal li llum il-ġurnata, anke jekk wieħed ikollu jmur post qrib, xorta waħda jagħżel li jsuq il-karozza minflok jimxi. Huwa qal li t-tibdil fil-klima huwa proċess naturali li jiġri waħdu, iżda l-azzjonijiet tal-bniedem ħadmu bħal fann li qed iħaffef dan il-proċess.
Ġustizzja ambjentali
Iddiskutejna ħafna u nafu x’inhu qed jikkawża t-tisħin globali u x’inhuma l-affarijiet li qed ibiddlu l-klima tagħna. Issa wasal iż-żmien li nżidu l-isforzi tagħna biex mhux biss nikkontrollaw il-ħsara, iżda wkoll nibdlu l-prijoritajiet tagħna fir-rigward tal-klima u ambjent sostenibbli.
Kelma waħda importanti li tiġi f’moħħi hija “ġustizzja”, jiġifieri li rridu nagħmlu ġustizzja mal-ambjent tagħna jekk irriduh ikun sostenibbli, b’saħħtu u prosperu. Il-ġustizzja ambjentali hija pass importanti biex nibnu dinja b’ambjent aktar b’saħħtu. Irridu noqogħdu attenti ħafna kif nużaw ir-riżorsi naturali li għandna, b’mod ġust u sostenibbli, biex ma noħolqux żbilanċ fil-klima. Irridu nagħżlu metodi sostenibbli biex inżommu dan il-bilanċ.
X’inhi t-triq ’il quddiem?
Kif jgħid il-qawl, ‘prevention is better than cure.’ Għalhekk, id-dinja trid tinvesti aktar fil-prevenzjoni ta’ aktar ħsara lit-tibdil fil-klima u lit-tisħin globali, mhux biss fil-ġlieda kontrihom. Irridu nieħdu passi konkreti biex ma nħallux is-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Għandna nagħmlu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa malajr kemm jista’ jkun, intejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u nużaw metodi naturali u li jirrispettaw l-ambjent. Irridu wkoll nibdlu s-sistemi tat-trasport u noħolqu kultura li tgħin lill-ambjent. Għandna nnaqqsu l-użu tal-karozzi privati, inżidu l-użu tat-trasport pubbliku u nagħżlu mezzi aktar naturali bħall-mixi u r-rota.
M’għandniex naħlu ikel jew enerġija, u dejjem irridu nużawhom b’għaqal. Minflok nużaw diversi fannijiet u air conditioners fid-dar, il-familja kollha għandha tinġabar f’kamra waħda biex tevita l-użu ta’ ħafna fannijiet u air conditioners. Għandna nitfu d-dwal kollha li mhumiex meħtieġa u ma naħlux ilma.
Inħawlu aktar siġar
Irridu nipproteġu u nirrestawraw in-natura, inħawlu aktar siġar u nwaqqfu l-qtugħ tas-siġar. Għandu jkun hemm politika fil-livell tal-gvern li għal kull siġra li tinqata’, jitħawlu għaxar siġar oħra. Għandhom jiġu introdotti skemi nazzjonali li jħeġġu t-tħawwil tas-siġar, u n-nies għandhom jiġu mħeġġa jħawlu siġar fl-ambjent ta’ madwarhom.
In-negozji u l-kumpaniji tal-kostruzzjoni għandhom ukoll ikunu obbligati jevitaw kull ħsara lill-ambjent. Minflok, għandhom jinvestu fit-tħawwil tas-siġar u fil-ħolqien ta’ ambjent b’saħħtu madwar il-proġetti tan-negozju u tal-kostruzzjoni.
Din hija responsabbiltà ta’ kulħadd. Kull wieħed u waħda minna għandu jagħti sehemu biex mhux biss jipprevjeni aktar ħsara, iżda wkoll jirrestawra dak li diġà ġarrab il-ħsara, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu s-sbuħija tan-natura minflok iwaħħlu fina għall-ħsara li għamilna lill-klima.