Image: StunningArt/Shutterstock.com
IL-ĠUĦ LI JWASSAL GĦALL-ĦAJJA
It-Torċa, 19.07.2026 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
F’din id-dinja mimlija ġiri u fejn ħafna nies jaħsbu biss fl-affarijiet tad-dinja u l-ġid materjali, il-bniedem għandu ħafna barkiet Divini, u Alla ma ħalliex lill-bnedmin mingħajr il-kura u l-barkiet Tiegħu.
Kif Alla tana ħafna barkiet materjali, tana wkoll dak kollu li għandna bżonn biex nieħdu ħsieb ir-ruħ tagħna u nikbru spiritwalment. It-tagħlim tar-reliġjon huwa gwida għal ħajjitna li tmexxina f’kull aspett tal-ħajja. Jgħinna nagħrfu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u jmexxina biex ngħixu ħajja b’għan, b’imħabba lejn l-oħrajn, u nagħmlu dak li hu sewwa.
Imma biex nieħdu l-benefiċċju minnu, irridu naqrawh, naħsbu sew fuq it-tagħlim u t-tifsira tiegħu, u ngħixu skont dak li jgħallimna. Jekk ma naqrawhx , ma nifhmux il-messaġġ tiegħu u ma napplikawhx fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, ma nistgħux nibbenefikaw minn dan is-sors kbir ta’ gwida u salvazzjoni.
Storja tassew edukattiva u profonda
Hemm storja dwar raġel li kien marad ħafna. Missieru u t-tabib tiegħu tawh parir biex imur jgħix f’pajjiż fejn it-temp ikun sħun, għax dan kien jgħinu jfiq. Dak il-post kien sabiħ ħafna, b’ħdura, ġonna mimlijin frott u ħaxix frisk, u xmajjar u għejun tal-ilma. Kien post kwiet fejn seta’ jistrieħ u jiekol ikel frisk u tajjeb biex jerġa’ jieħu saħħtu.
Meta mar hemm, beda jikteb ittri lill-ħbieb u l-familja tiegħu. Kien jgħid kemm kien sabiħ it-temp u kemm kienet sabiħa n-natura. Kiteb dwar ix-xmajjar u l-għejun, l-għasafar li kienu jkantaw fis-siġar, u l-ħafna frott u ħaxix frisk li kien hemm. Semma ħafna tipi ta’ frott, imma mbagħad żied li ma kellux aptit u ma kienx iħoss il-ġuħ.
Għalkemm kien imdawwar b’dak kollu li seta’ jgħinu jfiq — ambjent sabiħ, ikel bnin u tajjeb għas-saħħa, u post ideali għall-mistrieħ — ma setax jibbenefika minn xejn għax ma kellux aptit biex jiekol. Allura, wara ftit taż-żmien miet. Il-mewt tiegħu ma kinitx għax kien nieqes mill-ikel jew mill-opportunitajiet, iżda għax ma kellux aptit u għalhekk ma setax jieħu l-benefiċċju mill-barkiet li kienu madwaru.
Din l-istorja tfakkarna li mhux biżżejjed li jkollna l-barkiet. Irridu wkoll ikollna x-xewqa u r-rieda biex nieħdu l-benefiċċju minnhom.
Aptit għall-ikel spiritwali
Din l-istorja tixbah lil ħafna minna. Ngħixu mdawrin bil-gwida spiritwali u f’ambjent li jista’ jgħinna nikbru fil-fidi, iżda ma jkollniex aptit għal dan l-ikel spiritwali; u ħafna drabi ma nħossux ix-xewqa li nieħdu minnha.
Alla tana “ikel spiritwali” mis-sema għall-erwieħ tagħna, iżda ħafna minna m’għandniex ġuħ għalih jew ma jkollniex aptit għalih. Dawk li għandhom dan il-ġuħ spiritwali huma tassew ixxurtjati għax huma dawk li tassew jibbenefikaw. Huma jieħdu dak li tana Alla, u dan jgħinhom mhux biss f’din il-ħajja, iżda wkoll fil-ħajja li ġejja.
Alla tana liġijiet u tagħlim spiritwali biex imexxina u jsostni r-ruħ tagħna, iżda ħafna nies ma jfittxux dan l-ikel spiritwali. Jekk din mhijiex telfa kbira fil-ħajja, allura x’inhi?
Wegħda vera: Il-qalb li tfittex, issib
Il-Koran Imqaddes jgħid li l-aktar nies onorati quddiem Alla huma dawk li jibżgħu minnu u jobduh. Jgħid ukoll li dawk li jfittxu t-tjubija b’sinċerità jsibu sodisfazzjon.
Dan hu wegħda vera ta’ Alla li kull min ifittxu b’qalb sinċiera u b’intenzjoni tajba, Alla jiftaħlu t-triq tal-gwida u tal-għarfien. Kif jgħid fil-Koran: “Fir-rigward ta’ dawk li jħabirku għalina, żgur li aħna niggwidawhom fit-toroq tagħna. Alla tabilħaqq huwa ma’ dawk li jagħmlu t-tajjeb.” (Il-Koran, 29:70)
Dan ifisser li dawk li jfittxu lil Alla b’sinċerità, b’qalb safja u b’intenzjoni tajba, Alla jurihom it-triq it-tajba. Imma jekk xi ħadd jipprova biss biex jiċċajta, biex jidħaq jew biex jittestja lil Alla mingħajr sinċerità, hu ma jsibx il-gwida.
Għalhekk, jekk inti tfittex lil Alla b’qalb vera, tagħmel l-almu tiegħek u tibqa’ titlob, Alla, li Hu l-Aħfer u l-Ħanin, se jgħinek. Imma min ma jagħtix kas ta’ Alla, Alla m’għandu bżonn lil ħadd u jibqa’ kompletament indipendenti.
Il-ġuħ u l-għatx għat-tjieba
Fil-Bibbja naqraw ukoll: “Henjin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja u t-tjieba, għax huma jkunu mxebbgħin.” (Mattew 5:6)
Persuna li trid tissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħha tagħmel sforz kontinwu biex tikseb u tgawdi dan l-ikel spiritwali. Timla moħħha b’ħsibijiet tajbin u dejjem taħdem biex ittejjeb il-karattru tagħha, bħallikieku dan huwa l-ewwel dmir tagħha. Dan isir l-akbar għan ta’ ħajjitha. Hija tibqa’ dejjem tfittex li titla’ għal livell spiritwali ogħla u tagħmel ħajjitha dejjem aħjar. Tibqa’ dejjem tipprova ssir persuna aħjar. Taf li dan jeħtieġ attenzjoni, sforz, sagrifiċċju, dedikazzjoni u talb.