The Maltese Language: A Vital Part of Our Identity

Photo: iStock.com/Rarrarorro

Il-Lingwa Maltija: Parti Importanti mill-Identità Tagħna

It-Torċa, 12.07.2026 | Imam Laiq Ahmed Atifamjmalta@gmail.com

Nixtieq naqsam il-fehma tiegħi dwar id-diskussjoni li saret xi xhur ilu dwar il-preferenza tal-lingwa, jekk l-Ingliż għandux jingħata prijorità fuq il-Malti, jew viċiversa. Din id-diskussjoni qajmet dibattitu fost il-Maltin, speċjalment meta nqisu l-iżviluppi u l-effetti globali, ekonomiċi u teknoloġiċi.

Mingħajr dubju, qed ngħixu f’dinja li qed tiżviluppa u tinbidel malajr, fejn it-teknoloġija saret forza ewlenija li tifforma l-perspettiva tad-dinja, u l-Ingliż sar għodda komuni ta’ komunikazzjoni u lingwa dominanti fuq livell globali. Fil-kuntest lokali tagħna, l-Ingliż għandu rwol importanti ħafna fl-iżvilupp ekonomiku, fit-turiżmu u fil-konnessjoni mad-dinja. L-importanza tiegħu ma tistax tiġi injorata, u li wieħed ikun jaf l-Ingliż sew iwassal għal ħafna opportunitajiet u jista’ jkun triq għal karriera ta’ suċċess.

Il-lingwa Ingliża għad-detriment tal-lingwa Maltija?

Madankollu, l-enfasi fuq il-lingwa Ingliża m’għandhiex issir għad-detriment tal-lingwa Maltija tagħna. Irridu nifhmu li l-Malti mhuwiex biss mezz ta’ komunikazzjoni; huwa parti essenzjali mill-identità nazzjonali ta’ Malta. Huwa jirrifletti l-istorja tagħna, it-tradizzjonijiet tagħna, u l-influwenzi kulturali uniċi li sawru l-Gżejjer Maltin matul iż-żmien. Għalhekk, li nippreferu l-Ingliż fuq il-Malti jkun ifisser li nitilfu parti importanti mill-identità nazzjonali tagħna.

Xi drabi n-nies iħossuhom inferjuri meta jitkellmu bil-lingwa tagħhom iżda xorta ma jagħtux prijorità lill-Ingliż, li huwa mezz globali ta’ komunikazzjoni. Jiena nemmen li għandna nkunu kburin bil-lingwa tagħna. Fl-istess ħin, dan is-sens ta’ kburija u appartenenza ma jnaqqasx l-importanza li nitgħallmu lingwi oħra.

Għall-kuntrarju, il-multilingwiżmu huwa wieħed mill-akbar karatteristiċi ta’ saħħa ta’ Malta, u li wieħed ikun jaf diversi lingwi jsaħħaħ kemm lill-individwu kif ukoll lis-soċjetà kollha. Fil-fatt, id-diversità tal-lingwi hija għodda b’saħħitha biex intejbu l-kapaċitajiet tagħna u niftħu bibien għal ħafna opportunitajiet.

Esperjenza personali

Fuq livell personali, nista’ nikkonferma l-valur tat-tagħlim tal-Malti mill-esperjenza tiegħi stess. Meta ġejt Malta għall-ewwel darba, kont kapaċi nikkomunika tajjeb bl-Ingliż. Madankollu, kien biss wara li tgħallimt il-Malti li bdejt nifhem tassew il-kultura, it-tradizzjonijiet u n-nies. Kienet il-lingwa Maltija li fetħitli l-bibien għal fehim aktar profond u għall-bini ta’ relazzjonijiet u konnessjonijiet; barra minn hekk, għenitni nintegra aħjar fis-soċjetà lokali u għamlet din l-esperjenza aktar faċli u sinifikanti.

Kif nafu lkoll, hija verità universali li n-nies iħossuhom aktar komdi jesprimu ruħhom bil-lingwa tagħhom. Dan għaliex il-lingwa mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni, iżda ġġorr magħha emozzjonijiet u sens ta’ appartenenza li diffiċli ssibhom f’lingwa oħra għajr il-lingwa nattiva, il-lingwa materna.

Niżviluppaw ħiliet fil-Malti u fl-Ingliż

Fl-opinjoni tiegħi, meta nqisu dawn il-perspettivi kollha, huwa importanti ħafna li l-ġenerazzjonijiet futuri jkomplu jiżviluppaw ħiliet b’saħħithom kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliż. Din m’għandhiex tkun għażla għat-tfal tagħna bejn iż-żewġ lingwi, iżda għandhom jiġu mħeġġa jiżviluppaw it-tnejn, biex jibbenefikaw mill-vantaġġi globali tal-Ingliż filwaqt li jibqgħu marbuta sew mal-għeruq Maltin tagħhom.

Għalhekk, personalment nagħti importanza kbira lit-tagħlim u t-tisħiħ tal-lingwa Maltija, kemm għalija nnifsi kif ukoll għal uliedna. It-tfal tagħna żviluppaw għarfien tajjeb tal-Malti u ħafna drabi jippreferu jikkomunikaw bil-Malti mal-ħbieb Maltin tagħhom. Xi kultant jiena wkoll nitkellem ma’ wliedi bil-Malti, u bħala ġenituri nagħmlu l-almu tagħna biex ikomplu jtejbu l-lingwa tagħhom u jużawha b’kunfidenza bħala mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni mal-ħbieb u sħabhom tal-iskola.

Għadni niftakar li meta ibni kien fl-iskola primarja, ħafna mill-ħbieb tiegħu kienu jippreferu jitkellmu bl-Ingliż bejniethom. F’okkażjoni partikolari, tkellimt magħhom u ħeġġiġthom jippruvaw jitkellmu bil-Malti bejniethom, speċjalment meta jkunu qed jitkellmu ma’ ibni. Huma kienu kuntenti ħafna b’dan is-suġġeriment u aċċettawh bil-qalb. Maż-żmien bdew jikkomunikaw bil-Malti, li mhux biss għenhom isaħħu l-imħabba tagħhom u s-sens ta’ appartenenza lejn il-lingwa Maltija, iżda wkoll għen ħafna lil ibni jtejjeb il-ħiliet tiegħu, l-għarfien tiegħu u l-fehim tiegħu tal-lingwa Maltija.

Il-lingwa Maltija hija unika

Barra minn hekk, għandna napprezzaw kemm il-lingwa Maltija hija unika. Il-Malti huwa lingwa Semitika, iżda jispikka bħala l-unika lingwa Semitika li tinkiteb bl-alfabett Latin u tinqara u tinkiteb mix-xellug għal-lemin. Din il-karatteristika tagħmilha tassew speċjali fuq il-mappa lingwistika tad-dinja.

Minbarra l-uniċità tagħha, il-Malti huwa wkoll lingwa bi profondità u espressività kbira. F’ħafna każijiet, kelma waħda bil-Malti tista’ tesprimi sentiment, sitwazzjoni jew kunċett li f’lingwa oħra tkun teħtieġ sentenza sħiħa.

Bħala persuna involuta fit-traduzzjoni, ħafna drabi napprezza din il-karatteristika tal-lingwa Maltija li twassal il-messaġġ u t-tifsira tagħha b’mod notevoli u eċċezzjonali. Għalhekk, m’hemm xejn li għandu jġegħelna nħossuna inferjuri; għall-kuntrarju, dan il-ġid lingwistiku għandu jkun apprezzat, ippreservat u jkun ukoll sors ta’ kburija.

Il-Malti jibqa’ r-ruħ tan-nazzjon

Bħala konklużjoni, id-diskussjoni m’għandhiex tkun dwar l-għażla ta’ lingwa fuq oħra, iżda dwar approċ bilingwali li jwessa’ l-orizzonti tagħna fl-edukazzjoni u fil-bini ta’ karriera. Filwaqt li l-Ingliż huwa importanti għall-preżenza u t-tkabbir ta’ Malta f’dinja globalizzata, il-Malti jibqa’ r-ruħ tan-nazzjon.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.