Let’s get away from the edge before it’s too late

NERSQU ’L BOGĦOD MIX-XIFER QABEL MA JKUN TARD WISQ

It-Torċa, 16.08.2026 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Qatt rajt lil xi ħadd li huwa sinjur ħafna u għandu kull kumdità tad-dinja, iżda fl-istess ħin qed ibati minn marda serja? Tista’ persuna bħal din tassew tgawdi jew tibbenefika minn dawk il-barkiet? L-istess prinċipju japplika għad-dinja. Nazzjon jista’ jkollu ġid kbir, negozji li sejrin tajjeb, u tkabbir ekonomiku qawwi, iżda mingħajr paċi u sigurtà, dawn il-kisbiet jitilfu ħafna mill-valur tagħhom. Meta ma jkunx hemm paċi, il-prosperità materjali titlef it-tifsira tagħha. Fil-qosor, il-paċi hija l-pedament tal-prosperità tagħna u ta’ ħajja umana b’tifsira.

Billi jagħraf kemm il-paċi hija importanti, il-Kap Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, jibqa’ jfakkar lid-dinja fir-responsabbiltajiet tagħha biex tistabbilixxi paċi dejjiema. Huwa jenfasizza l-ostakli ewlenin li jfixklu l-kisba tal-paċi u joffri gwida prattika, u soluzzjonijiet biex tinbena dinja aktar paċifika.

Ftit ġimgħat ilu, waqt li kien qed jindirizza laqgħa dwar il-paċi, il-Qdusija Tiegħu enfasizza diversi prinċipji importanti biex tinkiseb paċi dejjiema. F’dan l-artiklu, nixtieq nippreżenta xi wħud mill-punti ewlenin mid-diskors tiegħu għall-benefiċċju tal-qarrejja tagħna.

Huwa spjega li, l-Iżlam jgħallimna li għandna naħdmu għall-ġid komuni bla waqfien u m’għandna qatt naqtgħu qalbna. U x’hemm aktar ta’ benefiċċju milli tħabrek biex issalva lill-umanità mill-qerda tagħha stess? Jekk ma nippruvawx inwaqqfu l-ġlied, il-vjolenza, il-mibegħda u l-inġustizzja li qegħdin jagħmlu ħsara kbira lit-tessut tas-soċjetà moderna b’rata mgħaġla, dan mhux biss se joħloq devastazzjoni totali fi żminijietna, imma se jitfa’ dell twil fuq il-ħajjiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Għaliex qed niġġieldu kontra wliedna u wlied uliedna?

Huwa enfasizza t-theddid tal-armi nukleari u staqsa li, minflok ma qegħdin iħallu liċ-ċittadini komuni jibnu ħajjiet aħjar għall-familji tagħhom, għalfejn il-mexxejja tad-dinja qegħdin iressqu lill-umanità lejn il-preċipizju ta’ diżgrazzja inkonċepibbli?

Tassew, bħala bnedmin, irridu nistaqsu lilna nfusna għaliex qed niġġieldu mhux biss kontra xulxin, iżda wkoll kontra wliedna, kontra n-neputijiet tagħna u kontra l-ġenerazzjonijiet futuri.

Wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Iżlam huwa li wieħed għandu jixtieq għall-oħrajn dak li jixtieq għalih innifsu. Jiena nemmen bis-sħiħ li kieku nagħtu kas ta’ dan il-prinċipju tad-deheb, kieku d-dinja tinbidel f’ġenna ta’ paċi u fehim.

It-twaqqif tal-paċi u l-armonija

Matul żjara li għamel fit-Turkija, il-Papa Ljun iddikjara li t-Tielet Gwerra Dinjija qiegħda sseħħ diġà bil-biċċiet u li l-ġejjieni tal-umanità jinsab f’periklu kbir.

Għalhekk, id-dinja għandha bżonn urġenti li n-nies jingħaqdu b’għan wieħed: it-twaqqif tal-paċi u l-armonija. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana minn dejjem kienet fuq quddiem nett ta’ dan l-isforz u se tibqa’ tkun. Aħna norganizzaw l-attivitajiet bit-tama li jkattru l-fehim reċiproku u, forsi, jnebbħu lil xi wħud biex jaħdmu għall-kawża tal-paċi. Kien bl-istess skop f’moħħi li għadd ta’ snin ilu jiena ktibt lil diversi mexxejja tad-dinja biex inħeġġiġhom iwarrbu d-differenzi ta’ bejniethom u jaħdmu flimkien għall-ġid tal-umanità.

Barra minn hekk, il-ksib tal-paċi jeħtieġ ukoll spirtu ta’ sagrifiċċju. Ma jistax ikun li nazzjon jistenna l-konċessjonijiet mingħand ħaddieħor u huwa jirrifjuta li jagħmel tiegħu. Għalkemm jiena nitħaddet minn perspettiva Iżlamika, nemmen bis-sħiħ li l-ġustizzja hija prinċipju universali li jservi bħala garanzija għall-paċi f’kull livell tas-soċjetà u fost in-nies ta’ kull reliġjon u twemmin. Id-differenzi reliġjużi m’għandhom qatt iġiegħlu persuna twarrab l-għerf ta’ segwaċi ta’ fidi jew tradizzjoni oħra.

Il-qalb komuni tal-umanità tixtieq il-paċi

Minkejja r-realtijiet inkwetanti globali, jiena nemmen bis-sħiħ li, filwaqt li ċerti individwi u nazzjonijiet jixxennqu għall-poter, ir-rikkezzi u r-riżorsi tal-oħrajn, il-qalb komuni tal-umanità tixtieq sempliċiment li tgħix fil-paċi.

Kull persuna, għalhekk, għandha sehem x’tagħti, u l-urġenza ta’ dik il-parteċipazzjoni tinħass ma’ kull jum li jgħaddi. Għaldaqstant ma nistgħux naħsbu biss fina nfusna. Minflok, kollha kemm aħna għandna d-dmir li naħsbu fid-dinja li se nħallu warajna għal uliedna u għal dawk li se jsegwuna.

Ejja naġixxu issa ħalli dawk li ġejjin warajna jistgħu jirtu dinja mimlija sliem u prosperità u mhux jittaqqlu bil-piż tal-fallimenti tagħna. Ejja naġixxu issa ħalli niffrankaw il-ħars ikrah ta’ wliedna, li se jsaqsu għalfejn ħallejnielhom dinja li qiegħda taqbad.

Talba sinċiera lil Sidna

Jalla Alla Omnipotenti jgħin lill-bniedem jifhem il-gravità ta’ din is-siegħa, u jalla n-nies kollha, anki ta’ reliġjonijiet u twemmin differenti, jingħaqdu flimkien bl-għan komuni li jistabbilixxu l-paċi fid-dinja. Jalla s-sħab iswed tal-gwerra li jittajjar b’theddida fuqna lkoll jgħib u jħalli warajh smewwiet koħol ċari ta’ paċi, imħabba u kompassjoni. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.