Good treatment of neighbours

IT-TRATTAMENT TAJJEB TAL-ĠIRIEN

It-Torċa, 14.07.2024 | Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Is-soċjetà tpoġġi fuqna ħafna obbligi waqt li ngħixu flimkien, u hemm ħafna doveri soċjali fuq spallejna li aħna mitluba li m’għandniex ninjorawhom imma rridu nonorawhom bis-sħiħ. Wieħed minn dawn id-dmirijiet huwa kif nittrattaw lill-ġirien tagħna u lin-nies li jgħixu magħna fil-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna.

L-Iżlam jenfasizza ħafna fuq dan sa tali punt li l-Qaddis Profeta Muħammad qal: “Nixhed f’isem Alla: Huwa ma jemminx! Nixhed f’isem Alla: Huwa ma jemminx! Nixhed f’isem Alla: Huwa ma jemminx!” Sħabu staqsewh: “Min?” Qalilhom: “Dak li ġaru mhux imħares mill-ħażen tiegħu.”

Jiġifieri, jekk il-ġirien mhumiex fil-paċi minħabba xi ħadd allura dan ma jistax ikun fidil veru u ma jistax jippretendi li hu jemmen bis-sħiħ f’Alla l-Ħanin.

Sirna egoistiċi?

Iżda sfortunatament illum il-ġurnata ma nagħtux ħafna kas lil din il-virtù kif suppost, naħseb sirna egoistiċi li naħsbu għalina nfusna biss u ma noqogħdux inqisu jekk il-ġar tagħna huwiex skomdu minħabba ċerti affarijiet li nagħmlu.

Hemm possibbiltà li jkun hemm xi anzjani jew tfal fil-familja li tgħix ħdejna, għalhekk, huwa mhux importanti biss, anzi huwa obbligatorju u huwa dmirna li nkunu konxji għall-ħsibijiet u l-bżonnijiet ta’ dawk li jgħixu madwarna, fis-soċjetà tagħna.

Xi drabi nsibu li hemm storbju u xi nies jarmu l-ħmieġ quddiem id-dar tal-ġirien, xi drabi ma jnaddfux wara l-kelb tagħhom. Affarijiet żgħar iżda huma joħolqu ħafna inkonvenjenza għall-oħrajn.

Min huma l-ġirien?

Tqum hawn il-mistoqsija: Min hu l-ġar jew min huma l-ġirien? Tifsira waħda ta’ din il-kelma hija li dawk in-nies li jgħixu ħdejna huma l-ġirien, iżda, skont l-Iżlam, id-definizzjoni ta’ ġar għandha tifsira ferm usa’.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, stqarr li l-ġirien ta’ persuna mhumiex biss dawk li jgħixu fil-viċinanzi immedjati, iżda jinkludu mill-anqas l-eqreb erbgħin dar. Jiġifieri għandna nkunu konxji dwar il-konvenjenza ta’ kważi t-triq kollha fejn noqogħdu.

Aktar minn hekk, il-Koran Imqaddes jgħallem li l-ġirien ta’ persuna jinkludu l-kollegi ta’ fuq ix-xogħol u dawk li jivvjaġġaw magħha; anke sħabna fl-iskola jew l-università huma wkoll jiġu taħt it-tifsira ta’ ġar.

Fil-qosor, huwa d-dmir tagħna li nkunu konxji dwar il-konvenjenza ta’ dawk kollha li jgħixu fis-soċjetajiet tagħna u ma noħolqu ebda xkiel jew problema għalihom. Dan mhux biżżejjed, iżda, l-Iżlam jitlob mill-fidili li jieħdu pass ’il quddiem u jagħmlu ġid lill-ġirien tagħhom. Għax jekk ma noħolqux xkiel għal ħaddieħor dan mhux biżżejjed sakemm ikun segwit minn tjubija u atti ta’ qalb tajba.

Nieħdu ħsieb il-ġirien tagħna

Dan huwa valur mill-isbaħ li nieħdu ħsieb il-ġirien tagħna u nagħtuhom spalla fejn nistgħu u dejjem nibqgħu qrib xulxin fil-mumenti ta’ niket u ta’ ferħ. Il-Qaddis Profeta Muħammad kien jenfasizza sa tali punt li wieħed anke jaqsam l-ikel mal-ġar tiegħu; huwa qal: “Waqt li inti qed issajjar il-brodu għall-familja tiegħek, żid naqra aktar ilma ħalli jkun hemm biżżejjed għall-ġar tiegħek.”

Dan ma jfissirx li l-ġirien m’għandhomx jiġu mistiedna biex jaqsmu affarijiet oħra, iżda, minħabba li l-Għarab kienu poplu li jħobbu l-brodu, u l-brodu kien l-ikel favorit tagħhom, il-Qaddis Profeta Muħammad irrefera għal dan il-platt bħala wieħed tipiku u għallem li wieħed m’għandux jaħseb fuq it-togħma tal-ikel aktar milli jħoss l-obbligu li jaqsmu mal-ġar tiegħu.

Darba waħda, waqt li l-Profeta Muħammad kien qed jindirizza n-nisa, huwa qal: “Jekk xi ħadd isib biss sieq ta’ mogħża xi jsajjar, dik il-persuna xorta għandha taqsamha mal-ġirien tagħha.”

Inħarsu d-drittijiet tal-ġirien

L-Iżlam jenfasizza ħafna fuq id-drittijiet tal-ġirien u jamar lill-Musulmani biex ikunu konxji tal-ħtiġijiet tal-ġirien tagħhom. Pereżempju, f’kapitlu 4 vers 37 tal-Koran Imqaddes, wieħed isib kodiċi ta’ valuri morali li l-Musulmani jridu jadottaw u jsejsu ħajjithom fuqu u dan jurihom kif għandhom iġibu ruħhom ma’ membri oħra tas-soċjetà fosthom il-ġirien tagħhom.

Il-vers jiddikjara kategorikament li l-Musulmani jridu jħarsu d-drittijiet tal-ġirien tagħhom, kemm ta’ dawk li magħhom għandhom ħbiberiji personali u kemm ta’ dawk li m’għandhomx. L-issodisfar tad-drittijiet tal-ġirien ifisser li l-Musulmani jridu jittrattaw lill-ġirien tagħhom bi grazzja u kompassjoni u jkunu dejjem lesti biex jgħinuhom fil-waqt tal-ħtieġa u li jkunu ta’ spalla għalihom biex iwennsuhom fi żminijiet ta’ diqa. Ifisser li jridu jirrispettawhom u jqisuhom bl-akbar stima.

Ġirien twajba

Nixtieq nagħlaq bil-kliem mill-isbaħ li jmiss il-qalb tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, huwa qal: “Kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, ma għandux iweġġa’ lil ġaru, u kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, għandu jagħti ġieħ u jkun ġeneruż mal-mistiedna tiegħu, u kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, għandu jgħid biss dak li hu tajjeb, inkella jiskot.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.