
IL-LIBERTÀ TAL-KUXJENZA U L-ARMONIJA RELIĠJUŻA
It-Torċa, 06.10.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Is-soċjetà għandha importanza kbira fil-ħajja tal-bniedem. Is-soċjetà hija l-bażi tal-ħajja kollettiva. Is-soċjetà taħdem taħt sistema u dik is-sistema tissejjaħ sistema soċjali, għax mingħajr sistema jew prinċipji, is-soċjetà ma tistax taħdem u ħadd ma jista’ jgawdi minnha.
L-Iżlam bħala reliġjon jenfasizza ħafna fuq is-soċjetà mibnija fuq il-prinċipji u l-valuri sodi sabiex, minflok ikun hemm kaos, ikun hemm il-paċi u s-serenità fis-soċjetà. Għalhekk, l-Iżlam jippreżenta tagħlim u prinċipji dwar it-twaqqif ta’ soċjetà paċifika.
F’dan it-tagħlim hemm prinċipji importanti għall-għajxien f’soċjetà li huma relatati ma’ aspetti politiċi, soċjali, ekonomiċi, kulturali u reliġjużi. In-nies fis-soċjetà huma marbuta f’rabta qawwija ta’ umanità.
Rabta ta’ umanità
Hemm nazzjonijiet differenti fid-dinja, apparentament hemm nazzjonijiet u kuluri differenti, iżda l-valur komuni huwa l-umanità. L-umanità hija komuni bejn in-nies kollha kemm huma madwar id-dinja u dan il-valur jitlob minna li, meta nixtiequ l-ġid għalina nfusna, nixtiequ wkoll il-ġid għall-umanità kollha.
Meta nitkellmu dwar id-diversità bejn il-bnedmin f’oqsma oħra tal-ħajja, insibu wkoll id-diversità reliġjuża bejniethom. Il-preżenza ta’ differenzi reliġjużi fid-dinja hija evidenti wkoll. L-Iżlam għallem it-tolleranza u l-armonija reliġjuża u l-libertà tal-kuxjenza fis-soċjetà, u enfasizza fuq il-punt li kull bniedem għandu libertà sħiħa li jagħżel il-fidi tiegħu u ħadd ma għandu dritt li jimponi l-ħsibijiet tiegħu fuq l-oħrajn.
Il-libertà tal-kuxjenza
L-Iżlam jiddikjara ċar u tond li, jekk Alla ma jindaħalx lill-bniedem dwar l-għażla tar-reliġjon, allura kif jistgħu l-bnedmin jitħallew iġiegħlu u jisfurzaw ir-reliġjon fuq ħaddieħor? Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li:
“M’hemm l-ebda sfurzar fir-reliġjon” (Koran, 2:257); “Kieku Sidek ried, dawk kollha li jgħixu fuq l-art kienu jingħaqdu u jemmnu. Allura inti se ġġiegħel lill-bnedmin biex jemmnu?” (Koran, 10:100)
Barra minn hekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, waqt li stieden lil kulħadd lejn l-Iżlam, ta l-libertà lil kulħadd u ddikjara li, ‘min irid jemmen u min irid ma jemminx’ (Koran, 18:30), jiġifieri l-għażla hija ta’ kull individwu.
L-Iżlam ippreżenta l-aqwa eżempji ta’ tolleranza billi segwa dan it-tagħlim pur ta’ ġustizzja u qalb tajba flimkien ma’ reliġjonijiet u nazzjonijiet oħra.
Fid-dinja tal-lum, hemm ħafna bżonn tat-tolleranza u l-armonija f’kull qasam tal-ħajja partikolarment fejn tidħol ir-reliġjon. L-armonija reliġjuża mhix biss hija importanti, anzi, hija importantissima fiċ-ċirkostanzi attwali u fid-dinja kontemporanja li dejjem tinbidel.

Il-Papa Franġisku u l-Imam fl-Indoneżja
Dan l-aħħar rajna eżempju tajjeb fl-Indoneżja matul iż-żjara tal-Papa Franġisku meta ltaqa’ mal-Imam Nasaruddin Umar, il-Gran Imam tal-Moskea Istiqlal ta’ Jakarta, u t-tnejn iffirmaw dikjarazzjoni flimkien li titlob ‘armonija reliġjuża f’ġieħ l-umanità’. It-tnejn sejħu għall-għaqda kontra l-vjolenza reliġjuża; u appellaw għal ħbiberija bejn ir-reliġjonijiet, ħadu pożizzjoni kontra l-vjolenza reliġjuża u ħeġġu azzjoni fraterna biex tipproteġi l-pjaneta.
Dan huwa eżempju tajjeb ħafna u d-dinja għandha bżonn tara dawn l-eżempji ta’ spiss, regolarment, u f’kull parti tad-dinja; u minn mexxejja kollha reliġjużi.
Huwa fatt li hemm reliġjonijiet u fehmiet reliġjużi differenti fid-dinja, iżda bl-ebda mod dawn ma jiġġustifikaw xi tip ta’ vjolenza, mibegħda, firda jew tbegħid minn xulxin. Kwalunkwe differenza m’għandha qatt tikkomprometti l-ħtieġa ta’ għaqda u djalogu.
Il-ħtieġa ta’ għaqda u djalogu
Sfortunatament, ħafna drabi nisma’ u nirċievi messaġġi min-nies li mhux lesti għad-djalogu, u l-iskuża li jippreżentaw hija li jekk huma ma jaqblux ma’ xi ħadd, ma jridux jiddjalogaw magħhom.
X’injoranza! Din l-iskuża hija bla bażi u ma tagħmel l-ebda sens. Dawk in-nies li joħorġu b’dawn it-tip ta’ skużi mhumiex għaqlin biżżejjed biex jifhmu t-tifsira vera tal-kelma ‘djalogu’.
Fil-fatt, kull diskussjoni jew djalogu jissejjaħ biss djalogu meta żewġ partijiet ta’ fehim u perspettiva differenti joqogħdu madwar il-mejda u jitkellmu flimkien. Jekk iż-żewġ partijiet huma tal-istess fehmiet, l-istess fidi, l-istess filosofija, u t-tnejn jaqblu ma’ xulxin, m’għandhomx għalfejn jiddjalogaw.
Il-kelma djalogu u tolleranza jfissru r-rieda li taċċetta jew li tittollera, speċjalment opinjonijiet jew imġibiet li forsi ma taqbilx magħhom, jew li taġixxi b’mod sensibbli ma’ dawk li mhumiex bħalek. Sfortunatament, hemm ħafna li lanqas biss jifhmu t-tifsira ta’ dan il-kliem sabiħ, għalhekk, jirreżistu d-djalogu u d-diskussjoni.
L-isfruttar taż-żgħażagħ
Nixtieq nirrakkonta inċident li seħħ vera reċenti. Irċevejt messaġġ mingħand żagħżugħ Musulman Salafi u tkellem kontrija bla bażi u b’lingwaġġ abbużiv. Weġibtu b’mod diċenti u tlabtu biex jiltaqa’ miegħi biex inkun nista’ nwieġeb għall-mistoqsijiet li għandu f’moħħu. Huwa wieġeb: “Ma rridx niltaqa’ miegħek għax ma naqbilx miegħek. Niltaqa’ miegħek għall-brainwashing u biex tipprova tikkonvinċini? Jien mhux se nagħmel hekk.”
Dan hu l-punt ta’ intolleranza li l-mexxejja reliġjużi poġġew f’moħħ iż-żgħażagħ tagħhom.
X’ħasra! Dan mhux eżempju iżolat imma nsibu eżempji bħal dawn fuq bażi regolari. Pjuttost li jgħallmu liż-żgħażagħ jiddjalogaw, jirriċerkaw, jaqraw u jwessgħu l-għarfien u l-fehim tagħhom ta’ twemmin ieħor, il-mexxejja reliġjużi qed iżidu l-ostakli u jagħmlu s-segwaċi tagħhom jibqgħu ’l bogħod minn oħrajn u b’hekk jibqgħu b’moħħhom magħluq għal ideat oħrajn.
Id-dinja taffordja l-fundamentaliżmu?
Attitudni bħal dan mhix aċċettabbli, għax dan jikkultiva intolleranza u mibegħda li fl-aħħar mill-aħħar se jduru fi vjolenza u fundamentaliżmu. Id-dinja multikulturali u multireliġjuża tagħna tista’ taffordja tali vjolenza u fundamentaliżmu?
Assolutament le.
Għalhekk, hemm bżonn urġenti li minflok niżirgħu ż-żerriegħa ta’ mibegħda, vjolenza u fundamentaliżmu, ejjew niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba, it-tolleranza, l-armonija reliġjuża, il-libertà tal-kuxjenza u d-djalogu f’moħħ in-nies u ż-żgħażagħ tagħna.