
Imħabba u rispett: L-antidotu tal-vjolenza domestika
It-Torċa, 15.12.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
‘Happy wife, happy life’ jew bil-Malti ‘mara kuntenta, ħajja kuntenta’, kemm-il darba smajna din il-frażi li verament għandha impatt enormi fil-ħajja tagħna.
Mingħajr l-iċken dubju, jiena naqbel ma’ din mija fil-mija. Il-familja soda hija bażi tal-paċi u s-serenità għall-membri kollha tal-familja, u l-mara ġusta hija bażi tal-familja soda. Jekk mara hija kuntenta, il-familja kollha, kulħadd fid-dar, se jkun ferħan. Jekk hemm inkwiet bejn ir-raġel u martu, u r-raġel ma jiħux ħsieb sew lil martu, allura din id-dar qatt ma tista’ tgawdi l-ambjent tal-paċi, is-sliem u s-serenità.
Għalhekk, huwa ferm importanti li l-mara għandu jkollha l-ambjent pjaċevoli fid-dar tagħha, għax, l-ambjent tad-dar b’saħħtu u sigur huwa essenzjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u l-iżvilupp tal-ħajja miżżewġa bejn il-koppji.
L-ambjent tad-dar jinkludi kuntesti soċjali u fiżiċi importanti li fihom jiżviluppaw ir-relazzjonijiet u r-rabtiet bejn il-koppja. Ambjenti fiżiċi ħżiena tad-dar jistgħu jkunu sors potenzjali ta’ stress għall-mara permezz ta’ esperjenzi diffiċli ta’ kuljum.
L-ambjent pjaċevoli fid-djar
Għalhekk, fil-qosor, jekk nixtiequ ngħixu ħajja mimlija kuntentizza u ferħ, allura huwa importanti li nistabbilixxu l-ambjent pjaċevoli fid-djar tagħna, u nsaħħu rabta soda bejn il-koppji.
Iżda, sfortunatament ħafna, naraw ċerti każijiet tal-vjolenza domestika fis-soċjetajiet tagħna, u b’diqa kbira nista’ ngħid li dawn il-problemi qed jiżdiedu maż-żmien, li mhux sinjal tajjeb għal pajjiżna, tabilħaqq għad-dinja kollha. Għax dawn il-każijiet insibuhom fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja.
Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu.
Dan l-aħħar tnediet kampanja fuq medda ta’ 16-il jum biex jitqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika bit-tema ‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu’. Smajna wkoll xi figuri u ċifri xokkanti li f’dawn l-aħħar xhur tas-sena l-kumitat ‘MARAM’ ħadem fuq aktar minn 530 każ ta’ vjolenza domestika. Il-biċċa l-kbira kienu vittmi nisa. ‘MARAM’ huwa l-kumitat interministerjali magħmul minn entitajiet differenti li jaħdmu direttament mal-vittmi tal-vjolenza domestika u t-tfal tagħhom.
Għaliex jiġri hekk? Għaliex l-irġiel jirrikorru għall-vjolenza meta ma jistgħux jirbħu f’argument? Għaliex għandhom it-tendenza li jutilizzaw il-vjolenza biex jinstema’ l-punt tagħhom u għall-validità tal-argument tagħhom? Għaliex il-koppja ma tiddiskutix l-affarijiet tagħha b’mod rispettuż u diċenti u jsibu s-soluzzjoni tagħhom? Għaliex morna l-baħar fir-rigward il-valuri tar-rispett, il-paċenzja, it-trażżin, it-tolleranza u biex nieħdu ħsieb is-sentimenti ta’ xulxin?
Ir-raġel għandu jżomm f’moħħu li…
Iktar minn hekk, naħseb li kull raġel għandu jżomm f’moħħu li twieled minn mara li hija ommu. Il-mara hija wkoll oħtu. Il-mara hija wkoll bintu. Il-mara għandha tkun rispettata f’kull relazzjoni u f’kull irwol tagħha; u bħalma raġel jirrispetta mara bħala ommu, oħtu u bintu, hekk għandu jirrispetta lil martu.
Qabel ma jgħolli jdejh fuq martu, raġel għandu jżomm f’moħħu li hi wkoll bint xi ħadd. Hekk kif iħobb lil bintu, l-istess emozzjonijiet u sentimenti huma maqsuma minn martu; martu wkoll għandha l-istess sentimenti bħal bintu. L-unika differenza hija r-rwol tagħha li kultant hija bint u kultant hija mara ta’ xi ħadd, iżda, il-femminilità u l-istint femminili huma ugwali bejniethom.
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Messija Mwiegħed, f’dan ir-rigward jgħid: “Insibha assolutament tal-mistħija li raġel ikun f’kunflitt ma’ mara. Alla ħalaqna rġiel u, fil-verità, dan huwa twettiq tal-favur Tiegħu fuqna. Il-gratitudni li għandna nuru għal dan huwa li nittrattaw in-nisa b’ġentilezza u għożża.”
Ir-rebħ tal-qalb
Meta r-raġel idaħħal f’moħħu dawn il-punti, qatt ma jista’ jgħolli jdejh fuq martu, u qatt ma juża l-vjolenza fuq martu. Iżda dejjem se juża l-ikbar u l-aħjar metodi biex jirbaħ il-qalb ta’ martu. Għandu dejjem iżżomm f’moħħu li l-vjolenza u x-xwabel jistgħu jirbħu l-artijiet iżda mhux il-qlub. Il-forza tista’ tgħawweġ l-irjus iżda mhux l-imħuħ.
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana kompla jgħid li: “Kif jista’ wieħed jistqarr li hu devot u fidil meta ma jittrattax lil martu b’mod xieraq? Jista’ jkun twajjeb u devot biss meta jittratta sewwa lil martu. Huwa inaċċettabbli li wieħed jirrabja jew isawwat lil martu fuq l-inqas żball.”
Allura, kif wieħed jista’ jirbaħ il-qalb ta’ martu?
Mingħajr l-iċken dubju, nemmen bis-sħiħ li l-imħabba u r-rispett huma l-antidotu tal-vjolenza domestika.
Il-moderazzjoni, il-pudur, il-ħsieb tad-drittijiet ta’ xulxin, il-wiri tas-sensittività lejn is-sentimenti u l-emozzjonijiet ta’ xulxin, u t-trażżin fit-trattament huma wkoll fatturi importanti fit-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-koppja.
Barra minn hekk, il-fiduċja, il-kunfidenza, il-paċenzja u d-djalogu kontinwu huma modi ġenwini biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-koppja.
Żewġt iħbieb sinċiera
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jiddiriġina kif għandha titjieb ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara u jgħid:
“Ir-relazzjoni bejn mara u raġel għandha tkun bħal ta’ żewġt iħbieb sinċiera. Wara kollox, hija l-mara x-xhud ewlieni tal-kwalitajiet morali għolja tar-raġel u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla Omnipotenti. Jekk ir-relazzjoni tiegħu ma’ martu mhix tajba, mela kif jista’ jkun fil-paċi m’Alla? Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal, ‘L-aqwa fostkom huwa dak li jittratta sewwa lil martu.’”
Nagħlaq billi niġbor fil-qosor is-suġġett kollu, ħallini nistqarr b’awtorità sħiħa li l-imħabba u r-rispett huma l-antidotu ta’ kull kwistjoni matrimonjali u l-vjolenza domestika. Għalhekk, ejjew napplikaw dan ir-rimedju b’mod ġeneruż biex nagħmlu djarna residenzi ta’ paċi, sodisfazzjon, kuntentizza u ferħ.