
FEJN HU ALLA, U KIF NISTGĦU NSIBU LIL ALLA?
In-Nazzjon, 30.01.2025| IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Alla jeżisti? Jekk jeżisti, allura, fejn hu Alla? Dawn huma mistoqsijiet komuni kull meta niddiskutu lil Alla, għax, is-suġġett tal-Mulej dejjem kien tema importanti. Nies ta’ kull età kienu u għadhom ħerqana biex ikunu jafu jekk verament hemmx Alla.
L-Iżlam jippreżenta Alla ħaj, li jikkomunika mal-qaddejja tiegħu bħalma għamel fl-imgħoddi. Huwa li hu Etern, Kollu Setgħani, Jaf Kollox u l-Ħallieq tal-ħwejjeġ kollha. Huwa li jikkastiga l-midinbin, iżda wkoll li jaħfrilhom fejn ikun għaqli li jaħfer.
Alla huwa l-Esseri li Hu ħieles mid-difetti kollha u li jippossiedi l-kwalitajiet perfetti. Alla huwa l-isem ta’ dak l-Esseri li jġorr l-attributi kollha. Alla huwa l-isem personali tal-Mulej, skont l-Iżlam.
Alla għandu ħafna attributi u, skont l-Iżlam, hemm 99 attribut ta’ Alla magħrufa lilna. Madankollu, fit-twemmin tagħna, l-attributi ta’ Alla huma innumerabbli; bla għadd. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Ta’ Alla huma l-isbaħ ismijiet, u lil Alla biss jappartjenu l-attributi perfetti kollha. Mela sejħulu bihom.” (7:181)
Jiġifieri, Alla għandu l-attributi perfetti kollha, u juri lilu nnifsu lilna permezz tal-attributi tiegħu, u nistgħu nsibuh skont l-attributi sbieħ tiegħu.
Fejn hu Alla?
Fil-Koran Imqaddes Alla jgħid li: “Ta’ Alla huwa l-Lvant u l-Punent, u kull fejn idduru, se jkun hemm il-wiċċ ta’ Alla. Tabilħaqq, Alla huwa Abbundanti ħafna, u Jaf Kollox. Tiegħu kulma jinsab fis-smewwiet u fl-art; u lilu huma kollha ubbidjenti. Huwa l-Oriġinatur li ħalaq għall-ewwel darba s-smewwiet u l-art; u meta Alla jiddeċiedi xi ħaġa, jgħidilha biss, ‘Kun!’ u hekk tkun.” (2:116-118)
Dawn il-versi juruna li Alla huwa kullimkien. Huwa n-nixxiegħa ta’ kull ġmiel. Il-mistoqsija mhix dik fejn hu Alla, għax, hu kullimkien, imma, li, kif nistgħu nsibu lil Alla?
It-tweġiba hija sempliċi ħafna iżda profonda li, meta nkunu bil-għatx x’nagħmlu normalment? Meta nkunu bil-għatx nippruvaw insibu l-ilma u mmorru f’kull bir, funtana, jew f’mezzi oħra minn fejn inkunu nistgħu nieħdu l-ilma biex naqtgħu l-għatx tagħna. Bl-istess mod, meta aħna spiritwalment għatxana u nixtiequ nsibu lil Sidna għandna nimxu lejh biex insibuh, u biex nissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħna.
Id-dawl jidħol jekk t-twieqi u l-bibien huma miftuħin
Id-dawl tax-xemx iġib id-dawl tal-jum, imma min iżomm il-bibien u t-twieqi tiegħu magħluqa jċaħħad lilu nnifsu minnu. “Alla huwa d-dawl tas-smewwiet u tal-art” iżda jekk inżommu l-bibien ta’ qlubna magħluqa kif nistgħu nibbenefikaw mid-dawl Divin?
Għalhekk, fid-dinja spiritwali, id-dawl jasal biss lil dawk li jżommu t-twieqi u l-bibien ta’ qalbhom miftuħin. Huwa l-att ta’ persuna li jassorbi l-grazzja ta’ Alla u bħala riżultat huma jiksbu gwida. Alla mhux inġust. Alla jagħmel żewġ passi lejn persuna li tagħmel pass lejh u jiġri lejn persuna li timxi lejn Alla.
Jekk niftħu qalbna għal Alla, Alla tassew jilluminana
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Lil dawk li jħabirku għalina u jistinkaw għalina, immexxuhom fit-toroq tagħna. Alla tassew huwa ma’ dawk li jagħmlu t-tajjeb.” (29:70)
Jiġifieri, jekk il-bniedem jiftaħ qalbu għal Alla, Alla tassew jilluminah; dawk li jistinkaw biex isibu lill-Mulej, Alla żgur jiggwidahom lejn il-mogħdijiet Tiegħu. Iżda, irridu nibdew il-vjaġġ lejn Alla. Jekk għandi nasal sal-Belt, għandi nibda l-vjaġġ tiegħi lejn il-Belt. L-istess jgħodd meta nixtieq li nasal għand il-Mulej.
Huwa ’l bogħod iżda fl-istess ħin qrib ħafna
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan is-suġġett b’mod tajjeb ħafna ta’ fejn hu Alla u jgħid:
“Huwa viċin u fl-istess ħin ’il bogħod; u Huwa jinsab ’il bogħod iżda fl-istess ħin viċin. Huwa jista’ jimmanifesta Ruħu f’kull forma għal dawk li għandhom l-esperjenza tal-viżjonijiet iżda Huwa la għandu ġisem u lanqas sura. Huwa jinsab fuq kulħadd imma ma jistax jingħad li hemm xi ħadd taħtu. Huwa jinsab fuq it-tron Tiegħu, iżda ma jistax jngħad li Huwa ma jinsabx fuq l-art. Huwa jgħaqqad fih innifsu l-kwalitajiet perfetti kollha u Huwa manifestazzjoni tal-foħrija ġenwina kollha.
Huwa n-nixxiegħa tal-eċċellenzi kollha u jgħaqqad fih Innifsu l-poteri kollha. Kull grazzja tinbet minnu u kollox jirritorna Lejh. Huwa s-Sid tas-saltniet kollha u jippossiedi kull kwalità perfetta. Huwa ħieles minn kull difett u dgħufija.
Tgħodd Lilu biss il-qima ta’ dawk kollha li jinsabu fl-art u fis-sema. Xejn mhu lil hinn mill-qawwa Tiegħu. L-erwieħ kollha u l-kapaċitajiet tagħhom u l-materji kollha u l-ħiliet tagħhom huma l-ħolqien Tiegħu. Xejn ma jimmanifesta ruħu mingħajrU.
Huwa jimmanifesta Ruħu lil nies devoti
Huwa jimmanifesta Ruħu bis-saħħa tal-qawwiet Tiegħu u l-għeliem Tiegħu u aħna nsibuH biss bis-saħħa Tiegħu. Huwa jimmanifesta Ruħu lid-devoti u jurihom il-poteri Tiegħu. B’hekk Huwa jiġi rikonoxxut u b’hekk tiġi rikonoxxuta l-mogħdija Tiegħu li għandha l-approvazzjoni Tiegħu.
Huwa jara mingħajr għajnejn fiżiċi, jisma’ mingħajr widnejn fiżiċi u jitħaddet mingħajr ilsien fiżiku. Hija l-Qawwa Tiegħu li l-ħajja joħloqha mix-xejn. Hekk kif inti tilmaħ f’ħolma, Huwa joħloq dinja sħiħa mingħajr l-għajnuna tal-materja u juri bħala preżenti dak li huwa mortali u li ma jeżistix. Hekk huma l-poteri kollha Tiegħu.
Iblah hu dak li jiċħad il-qawwiet Tiegħu u agħmi hu dak li mhux konxju tal-profondità tagħhom. Huwa jagħmel kollox u jista’ jagħmel kollox ħlief dak li mhux konsistenti mad-dinjità Tiegħu jew jopponi l-wegħda Tiegħu. Huwa ħaġa waħda fl-Esseri Tiegħu u fl-attributi Tiegħu u fl-għemejjel Tiegħu u fil-qawwiet Tiegħu.”