Words have power

IL-KELMA

Il-kelma għandha s-saħħa, għalhekk, huwa importanti ħafna li dejjem ngħidu kelma ta’ tama, imħabba u kuraġġ jew inkella ma ngħidu xejn. Għax, il-bniedem ġie maħluq għat-tajjeb u mhux għall-ħażen, għalhekk, il-kelma tiegħu għandha dejjem tkun ta’ ġid, ta’ paċi u ta’ kompassjoni. Fil-fatt, ħadd ma jista’ jsir fidil devot jekk ma jkunx qalbu tajba u sakemm iqis lilu nnifsu bħala l-aktar baxx meta mqabbel ma’ kulħadd; u li jitkellem lill-foqra bil-mogħdrija filwaqt li jitbaxxa umilment.

It-Torċa, 02.03.2025 |IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

“Kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, ma għandux iweġġa’ lil ġaru, u kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, għandu jagħti ġieħ u jkun ġeneruż mal-mistieden tiegħu, u kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, għandu jgħid biss dak li hu tajjeb, inkella jiskot.”

“Agħmlu l-affarijiet faċli u tagħmluhomx diffiċli. Agħtu lin-nies it-tama u l-bxara t-tajba u toħolqux stmerrija u mibegħda.”

Dan il-kliem għaqli tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, tassew dejjem kien jagħmel sens, iżda, illum il-ġurnata fid-dinja diġitali tal-midja soċjali jagħmel ħafna sens aktar minn qatt qabel. Kull meta niftħu l-midja soċjali nsibu kitbiet pożittivi u anke kitbiet ħżiena, mhux veri u mhux reali.

Dan juri li l-kelma għandha s-saħħa u tista’ tagħmel id-differenza fis-soċjetajiet tagħna u anke f’ħajjitna. Il-kelma ta’ tama, imħabba u kuraġġ tagħti saħħa u nifs ġdid lill-bniedem, u l-kelma ta’ mibegħda, ħdura u tgħajjir tfarrak u tkisser lill-persuna min-naħa l-oħra.

Il-kelma ta’ tama

Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad qal li dejjem ngħidu kelma ta’ tama jew inkella għandna nibqgħu siekta, u ma ngħidu xejn. Dan il-kliem jillumina wkoll li l-bniedem veru hu dak li dejjem joħroġ minnu t-tajjeb; u li l-bniedem ġie maħluq għat-tajjeb u mhux għall-ħażen. In-natura tal-bniedem hija tajba, nadifa u safja, għalhekk, għandna biex dejjem nagħżlu t-tajjeb minflok il-ħażen u n-negattività.

Kelma tajba hija valur tant importanti li f’ċerti sitwazzjonijiet hija ppreferuta fuq il-karità jew l-għoti ta’ flus lil xi ħadd fil-bżonn. F’dan ir-rigward, Allah jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Kelma tajba u maħfra huma aħjar minn għotja li ġġib magħha ż-żebliħ. Alla hu Għani u Kollu Sabar.” (2:264)

Żewġ punti importanti

F’dan il-vers ġew spjegati żewġ suġġetti. L-ewwel, il-kmand li jonfqu l-flus fil-kawża ta’ Alla. Dawn jingħataw mhux għax Hu għandu bżonn il-flus imma għax Hu, Alla Għaqli, jaf li atti bħal dawn iwasslu għall-ġid tal-bniedem innifsu.

It-​tieni, jekk l-​att taʼ nfiq jiġi abbużat u jsir sors taʼ demoralizzazzjoni jew ta’ uġigħ emozzjonali għal dak li jingħata l-flus, allura, Alla ma japprovax tali nfiq. Għalhekk, huwa aħjar li toqgħod lura milli tonfoq, jekk l-infiq iwassal għat-tidrib jew is-sofferenza emozzjonali. F’dak il-każ wieħed għandu jgħid “kelma tajba ta’ simpatija” jew skuża lill-persuna li titlob l-għajnuna, aktar milli jagħtiha l-għajnuna u mbagħad isegwiha bit-tidrib.

Wieħed għandu josserva wkoll attitudni ta’ maħfra li litteralment tfisser “tgħatti”, jiġifieri għandu jgħatti u jaħbi n-nuqqas tal-persuna li tiġi għall-għajnuna u joqgħod lura milli jitkellem dwarha ma’ ħaddieħor biex ma jħossx mistħija.

Ħadd ma jista’ jsir fidil devot jekk ma jkunx qalbu ħanina

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, jispjega dan is-suġġett f’aktar dettall u jgħid:

“Jekk xi fidil li jemmen bħalna jkellimni b’mod aħrax minħabba l-kburija, kemm ikun ta’ disprezz jekk jiena wkoll, b’rieda u intenzjoni, nirrispondih lura bl-istess mod? Jiena għandi, għall-kuntrarju, nissaporti b’sabar dak li jgħid, nitlob bil-ħerqa għalih fit-talb tiegħi ta’ kuljum, nolfoq u nibki, għaliex huwa ħija u huwa marid spiritwalment.  

Jekk ħija huwa baħnan (naive), jew mhux daqshekk istruwit, jew jiżbalja minħabba l-inġenwinità tiegħu, m’għandix għalfejn inżebilħu, jew nirrabja miegħu mill-ewwel, jew noqgħod ngħid mal-oħrajn dwar l-iżbalji tiegħu b’malizzja.

Tkellem lill-foqra b’kompassjoni

Dawn il-modi jwasslu kollha għall-qirda u ħadd ma jista’ jsir fidil devot jekk ma jkunx qalbu tajba u sakemm iqis lilu nnifsu bħala l-aktar baxx meta mqabbel ma’ kulħadd u sakemm il-kburija tiegħu tkun għebet għalkollox.  

Meta tkun qaddej tan-nies dak ikun sinjal li tkun iddestinat biex tmexxi; u li tkellem lill-foqra bil-mogħdrija filwaqt li titbaxxa umilment hija karatteristika ta’ dawk aċċettati minn Alla. U li tirreaġixxi għall-ħażen bl-għemejjel tajba huwa sinjal ta’ fortuna tajba. U li trażżan l-għadab u li tittollera kliem aħrax huma atti ta’ kuraġġ enormi.

Qatt ma tweġġgħu lil ħadd bi lsienkom…

“Uru mogħdrija lejn il-qaddejja Tiegħu u tweġġgħuhomx bi lsienkom jew b’idkom jew b’xi mezz ieħor, u ħabirku għall-benesseri tal-ħolqien ta’ Alla. Iġġibu rwieħkom b’mod arroganti lejn ħadd, anki jekk ikunu taħtkom, u tgħajru lil ħadd anki jekk jgħajru lilkom. Kunu umli, tolleranti, b’intenzjonijiet u qalb tajba lejn il-ħolqien ta’ Alla ħalli tkunu milqugħa mill-Mulej.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.