The complete recipe for peace

Photo: Waleed_Hammoudeh | Shutterestock

IR-RIĊETTA SĦIĦA GĦALL-PAĊI

Il-Mument, 02.03.2025 |IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Reliġjon hija t-triq tal-gwida għall-bniedem. L-għan ta’ kull reliġjon huwa li jtejjeb ħajjet in-nies u jikkultiva fihom l-aħjar valuri u virtujiet; u biex ifassal it-triq tal-paċi għalihom sabiex jgħixu b’mod seren u trankwill fis-soċjetajiet tagħhom.

Iżda kif tinkiseb din il-paċi?

Nemmen bis-sħiħ li, tagħmel x’tagħmel, il-paċi ma tinkisibx jekk wieħed ma jkunx fidil għat-tagħlim veru tar-reliġjon. Mingħajr ir-reliġjon ma nistgħux niksbu paċi vera u dejjiema; permezz biss tal-għarfien dinji tagħna.

Għax, l-għerf u l-għaqal tal-bniedem huma limitati ħafna, iżda, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla huma bla limiti. Ir-reliġjon hija t-tagħlim ta’ Alla u, meta Alla jfassal xi pjan għall-paċi fit-tagħlim Tiegħu, allura dak biss joffri s-soluzzjonijiet ġenwini u dejjiema.

Meta naqraw il-kotba tal-profeti, bħal pereżempju t-Torah, il-Bibbja jew il-Koran, dawn jiddefendu l-gwerra u l-kunflitti? Assolutament le. Kull reliġjon titkellem dwar il-paċi u mhux il-gwerra. Jekk nitkellem dwar it-tagħlim sagru tal-Koran Imqaddes hu jippreżenta prinċipji eċċellenti għall-ksib tal-paċi.

Prinċipji profondi u komprensivi

Bħala eżempju, nippreżenta vers wieħed biss mill-Koran Imqaddes li waħdu huwa biżżejjed biex ifassal it-triq għall-paċi. Alla l-Ħanin li hu, is-Sovran, il-Qaddis, u s-Sors tal-Paċi, jgħid fil-Koran Imqaddes (16:91):

“Tassew, Alla jamar (li jkun hemm) il-ġustizzja (fost il-bnedmin), l-għemejjel tajba, u l-karità lil kulħadd. Huwa ma jippermettix l-indiċenza, il-ħażen, it-trasgressjoni u l-inġustizzja. Huwa jwissikom, biex forsi żżommu f’raskom.”

Kemm ġew stabbiliti prinċipji profondi u komprensivi għall-ksib tal-paċi, is-sigurtà u l-benesseri soċjali f’vers wieħed. Aħseb u ara kemm jagħmlu sens dawn il-prinċipji f’kull żmien iżda llum il-ġurnata żgur li aktar minn qatt qabel.

Nemmen bis-sħiħ li, jekk it-twissijiet f’dan il-vers jingħataw widen, kull soċjetà, kull komunità, kull pajjiż u kull nazzjon ma jagħrfu xejn ħlief il-paċi.

Jekk nagħsru b’mod tajjeb

Minkejja l-kliem sabiħ kollu, jekk niġu biex nagħsru dan il-vers b’mod tajjeb, effettivament insibu t-teorija, l-essenza u r-riċetta sħiħa għall-paċi u s-serenità soċjali. F’dan il-vers, Alla jħeġġiġna biex:

(1) nirrispettaw il-ġustizzja,u m’għandna qatt nikkompromettu l-onestà u l-ġustizzja;

(2) inwettqu l-ġid, u nagħtu l-għajnuna lill-qraba u lil kull min hu madwarna;

(3) nuru ħniena mal-oħrajn qishom il-familja tagħna;

(4) noqogħdu ’l bogħod minn kull indiċenza u ħażen, u minflok dejjem nagħmlu u nippromwovu d-diċenza u l-pudur fil-ħajja ta’ kuljum;

(5) noqogħdu ’l bogħod, u nwissu lill-oħrajn biex joqogħdu ’l bogħod, mill-vizzji għax dawn jagħmlu ħafna ħsara u huma meqjusa bħala ħażen evidenti;

(6) ma neħduhiex kontra l-awtoritajiet tajbin, li jwettqu l-ġid u jħobbu l-paċi, u nħeġġu lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Fl-essenza

Fi kliem ieħor, irridu nkunu ġusti, inwettqu l-ġid u nuru ħniena; irridu nevitaw l-indiċenza, il-ħażen ovvju u t-trasgressjoni u rridu nsalvaw lil ħaddieħor milli jaqa’ vittma ta’ dawn il-vizzji. Dawn huma s-sitt kmandamenti u prinċipji bażiċi għat-twaqqif tal-paċi.

Kieku għexieren u eluf ta’ nies istruwiti jkollhom jiddeliberaw ma’ xulxin u fl-aħħar mill-aħħar joħolqu xi liġijiet bl-għan li jistabbilixxu l-paċi, żgur li ma jkunux kapaċi jikkreaw xi ħaġa aħjar minn tagħlim konċiż, sħiħ u komprensiv bħal dan.

Din hija s-sbuħija tal-kelma ta’ Alla, li fi ftit kliem jgħid il-baħar tar-realtajiet u l-kodiċi tal-ħajja, u għaliex ma jkunx hekk wara kollox, hu dak li Jaf Kollox, u s-Sid tal-għerf kollu? Huwa Jisma’ kollox u Jaf kollox.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article, Peace and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.