Social justice: The way forward

Il-ġustizzja soċjali: It-triq ’il quddiem

Imam Laiq Ahmed Atif |In-Nazzjon, 2 ta’ Marzu 2024| amjmalta@gmail.com

Dan l-aħħar, fit-22 ta’ Frar 2024, ħabib tiegħi l-Onorevoli Ivan Bartolo, f’kollaborazzjoni mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti organizza konferenza tant importanti fuq it-tema tal-ġustizzja soċjali, fil-Parlament Malti. Jien kont wieħed mill-kelliema ta’ din il-konferenza ta’ valur kbir. Nixtieq li naqsam ukoll dawk il-ħsibijiet b’xi żidiet oħra għad-diskors tiegħi mal-qarrejja tagħna.

Jien u l-Onorevoli Ivan Bartolo nafu x-xulxin għal ħafna snin u ħdimna flimkien fil-qasam soċjali; u dejjem nippruvaw li nġibu xi bidla pożittiva fil-ħajja ta’ ħutna li huma fil-bżonn kemm nistgħu; u dejjem nagħtu sehemna f’din il-missjoni nobbli favur il-bniedem.

Huwa minnu li huwa d-dmir tal-Istat li jipprovdi l-bżonnijiet bażiċi tal-ħajja liċ-ċittadini kollha, imma bħala soċjetà għandna wkoll ħafna doveri li jaqgħu fuqna.

Nemmen li biex il-ġustizzja soċjali tkun mibnija fuq pedament u valuri sodi, huwa importanti li rridu naħdmu flimkien, id f’id, b’għerf kollettiv  u għall-għan komuni biex inġibu bidla pożittiva fil-ħajja ta’ kulħadd li jgħix fis-soċjetà, u fejn kulħadd jista’ jgħix ħajja dinjituża.

Is-suġġett tal-ġustizzja soċjali huwa għal qalbi ħafna, u jien personalment inħobb ħafna lill-umanità, għax, “Jekk tħobb lill-Artist, allura trid tħobb ukoll l-arti Tiegħu. U jekk tħobb lill-Ħallieq, allura għandek tħobb il-ħolqien Tiegħu.”

Jiġifieri, mhux possibbli li wieħed verament iħobb lill-Mulej, mingħajr ma jħobb u jaqdi d-drittijiet tal-ħolqien Tiegħu. L-imħabba ta’ Alla hija marbuta mal-imħabba tal-bnedmin, u bl-istess mod, l-imħabba tal-umanità hija marbuta mal-imħabba ta’ Alla, Kollu Grazzja, il-Ħanin.

Għalhekk, nixtieq nippreżenta xi rakkomandazzjonijiet plawsibbli u fattibbli rigward il-ġustizzja soċjali, bħala t-triq ’il quddiem għalina bħala soċjetà.

L-ewwel nett, irridu nibnu soċjetà b’qalb kbira – soċjetà li tħobb u tagħti kas tal-proxxmu – ejjew nibnu soċjetà li titbissem, ejjew nadottaw attitudni ta’ għożża. Il-Koran Imqaddes jiggwidana li rridu nitkellmu bi grazzja u qalb tajba man-nies (2:84).

Għalhekk, għandu jkollna lsien mimli bl-għasel, jiġifieri mimli ħlewwa; u dejjem iqattar l-għasel minn kliemna meta nitkellmu; u nuru ħniena meta niktbu kelma. U ma inweġġgħu lil ħadd. Għax kelma ħanina hija verament parti mill-ġustizzja soċjali.

Ejjew insellmu lil kulħadd u ngħidu ‘Bonġu’, ‘Il-paċi miegħek’, ‘Alla jbierkek’, jew, ‘Asslamo-alejkum’ ma’ kull min niltaqgħu matul il-ġurnata. B’dan il-pass żgħir, kulħadd jibda jħossu stmat u rispettat, u b’hekk nistgħu noħolqu rivoluzzjoni soċjali fil-pajjiż.

It-tieni, nixtieq nissuġġerixxi li għandu jkun hemm aktar seminars u konferenzi li jressqu lil nies anke minn reliġjonijiet differenti aktar lejn xulxin biex jiżdied id-djalogu interreliġjuż, u jkun hemm aktar kollaborazzjoni fi proġetti soċjali u umanitarji.

Illum, meta d-dinja saret villaġġ globali, tinħass ħtieġa akbar minn qatt qabel li nitgħallmu kif nistgħu ngħixu flimkien bl-imħabba u r-rispett, ma’ nies ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti. Biex dan isir realtà, huwa importanti li kulħadd juri rispett sħiħ lejn id-dritt sagrosant u bażiku tal-libertà tar-reliġjon ta’ kulħadd u kullimkien, madwar id-dinja, skont Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Jien, bħala Aħmadi Musulman, nemmen bis-sħiħ fil-libertà tar-reliġjon u l-Koran Imqaddes jgħid ukoll li, m’għandux ikun hemm sfurzar fir-reliġjon; u li kulħadd huwa liberu fl-għażla tiegħu (2:257).

Il-libertà tar-reliġjon hija fundamentali meta nitkellmu dwar il-ġustizzja soċjali. Imma sfortunatament għad hawn ħafna pajjiżi fid-dinja fejn din il-libertà ma teżistix; dan huwa ksur ċar tal-ġustizzja soċjali.

It-tielet, jiena nemmen li meta nieħdu ħsieb tal-ambjent tagħna, inkunu qed naffettwaw pożittivament is-sistema soċjali, u għalhekk nixtieq nissuġġerixxi li kull familja għandha tiżra’ mill-anqas pjanta jew siġra waħda fis-sena, fil-lokalitajiet rispettivi tagħna bl-għajnuna tal-kunsilli lokali. Jekk naħdmu flimkien, jiena ċert li nistgħu noħolqu rivoluzzjoni soċjali ħadra ġewwa pajjiżna.

Ir-raba’, li ma naħlux l-ikel żejjed li għandna, u jekk għandna iktar minn dak li għandna bżonn minflok li narmu fiż-żibel, huwa ferm aħjar li nippreservawh u nagħtuh lil dawk li huma fil-bżonn. Imma sfortunatament aħna sirna egoisti ħafna u, minflok nippruvaw nilħqu biex ngħinu lil xi ħadd, nagħżlu biex narmuh fiż-żibel għax possibbilment huwa aktar faċli, imma b’hekk qatt ma jista’ jiġi apprezzat.

Kuljum qed jinħela ħafna ikel; anke jekk nafu li l-faqar qed jiżdied fis-soċjetajiet tagħna u hemm ħafna familji li ma jaffordjawx biżżejjed ikel, xorta waħda naħlu l-ikel. Ftit sforz jista’ jagħmel differenza kbira.

Il-ħames, nixtieq nissuġġerixxi li kull familja li tista’ għandha tgħin lil familja oħra fil-bżonn billi tgħinhom fix-xirja tal-ikel kull xahar; kemm jistgħu. Mhux il-kwantità hija importanti, iżda l-att ta’ mħabba u rispett li nkunu qed nuru ma’ ħutna fil-bżonn li jkun meqjus bħala xi ħaġa meraviljuża u li wkoll ikun pass pożittiv rivoluzzjonarju lejn il-bini ta’ soċjetà msejsa fuq il-ġustizzja soċjali u l-valuri umani.  

Nixtieq nagħlaq, bil-motto tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, li huwa bla dubju l-aktar diskors u prinċipju eċċezz-jonali li jixhed kulma jaqa’ taħt il-ġustizzja soċjali, li huwa:

Imħabba għal Kulħadd __ Mibegħda għal Ħadd

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.