Flimkien – Together

“Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tipproponi biex jiġu organizzati l-konferenzi interreliġjużi fejn ir-rappreżentanti tar-reliġjonijiet kollha jingħaqdu flimkien b’mod paċifiku u jintroduċu t-twemmin u t-tagħlim tagħhom, sabiex nifhmu lil xulxin, naqsmu l-ħsibijiet, u nitgħallmu minn xulxin. Għax mingħajr djalogu effettiv ma nistgħux nibnu soċjetajiet edukati u infurmati biżżejjed fid-dinja multikulturali u multireliġjuża.”

Laiq Ahmed Atif | It-Torċa, il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2024 | amjmalta@gmail.com

Huwa importanti li minflok nitbiegħdu, noqorbu lejn xulxin; minflok nobogħdu, inħobbu lil xulxin; minflok ngħidu kelma li tweġġa’, ngħidu kelma tajba; minflok niktbu kontra, niktbu favur xulxin; minflok insibu n-nuqqasijiet, nippruvaw insibu tjubija f’xulxin; minflok dak li jifridna, niffukaw fuq dak li jgħaqqadna, għax fl-għaqda hemm is-saħħa. Kemm tajjeb meta jingħad, “United we stand, divided we fall.”

Illum meta d-dinja saret villaġġ globali, tinħass ħtieġa akbar minn qatt qabel li nitgħallmu kif nistgħu ngħixu flimkien bl-imħabba u r-rispett. Bla dubju ta’ xejn, il-pajjiżi kollha saru multikulturali u multireliġjużi. Għalhekk, huwa ferm importanti li nuru r-rispett lejn il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti.

Ir-reliġjon hija strument effettiv ħafna li mhux biss tista’ tifforma lill-bniedem spiritwalment u moralment, iżda wkoll soċjalment, kif wieħed irid iġib ruħu waqt li jgħix flimkien ma’ nies oħra, fis-soċjetà, bid-diversità kollha.

Ir-rispett reċiproku

Iżda, qabel kollox, huwa importanti li jkun hemm rispett reċiproku bejn in-nies li jħaddnu r-reliġjonijiet differenti u, biex dan isir realtà, id-djalogu huwa kruċjali.

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, kien avukat kbir tad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet. Huwa enfasizza ħafna fuq it-tagħlim Koraniku li, “M’għandux ikun hemm sfurzar fir-reliġjon” (2:257); u kull bniedem għandu jkollu libertà sħiħa li jagħżel għalih dak li jrid hu. Għax, il-fidi hija kwistjoni ta’ qalb u ta’ moħħ, u qatt ma tista’ tirbaħ il-qlub u l-imħuħ tan-nies bil-qawwa u l-isfurzar.

Id-djalogu u l-konferenzi interreliġjużi

Barra minn hekk, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana ppropona biex jiġu organizzati l-konferenzi interreliġjużi. Fil-fatt fl-1897 hu kiteb lir-Reġina Vittorja li, peress li hija kienet l-Imperatriċi ta’ parti kbira tad-dinja u aderenti ta’ varjetà ta’ reliġjonijiet kienu jgħixu taħt il-ħakma tagħha, għalhekk tkun idea kbira li hi tirranġa biex issir konferenza interreliġjuża f’Londra. Din il-konferenza, ippropona, setgħet tara rappreżentanti tar-reliġjonijiet kollha jingħaqdu flimkien b’mod paċifiku u jintroduċu t-twemmin u t-tagħlim tagħhom.

Dan huwa punt importanti li jsiru konferenzi bejn ir-reliġjonijiet sabiex nifhmu lil xulxin, naqsmu l-ħsibijiet, nikkoreġu kunċetti żbaljati dwar ir-reliġjonijiet ta’ xulxin u nitgħallmu minn xulxin. Għax mingħajr djalogu – nisimgħu u nitkellmu – ma nistgħux nibnu soċjetajiet edukati u infurmati biżżejjed fid-dinja multikulturali u multireliġjuża.

Eżempju eċċellenti tar-rispett

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana għandha storja rikka u sabiħa ħafna ta’ promozzjoni tal-kunċett ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet. Il-mexxej preżenti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, ukoll ħadem bla heda fil-promozzjoni ta’ dan il-mezz paċifiku ta’ paċi u armonija bejn ir-reliġjonijiet. Mindu sar il-Kap, huwa indirizza tant konferenzi u laqgħat fejn kienu preżenti nies ta’ twemmin u fehim differenti.

Fid-dawl ta’ dan, anke f’Malta, il-Komunità Ahmadiyya dejjem tippromwovi d-djalogu bejn in-nies u r-reliġjonijiet kollha, u torganizza laqgħat, konferenzi u anke tipparteċipa f’laqgħat u intervisti differenti biex tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku għall-bini tal-paċi fi ħdan il-komunitajiet u l-poplu tagħna. Eżempju prattiku bħal dan kien meta kellna diskussjoni kostruttiva ħafna f’intervista li xxandret dan l-aħħar, kif jidher fir-ritratt. Kienet diskussjoni verament mill-isbaħ u ta’ rispett; tabilħaqq kienet konverżazzjoni bejn tlett iħbieb – jiena, Patri Mario Attard u Karl Bonaci li huwa preżentatur magħruf u maħbub ħafna.  

Il-libertà tar-reliġjon

Nixtieq nikkonkludi bil-messaġġ tal-mexxej preżenti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana lill-Konferenza Ministerjali Internazzjonali, li saret fiċ-Ċentru Reġina Eliżabetta II, Londra, fl-2022, fejn saħaq li hu jinsab kuntent ħafna  li qiegħda ssir din il-konferenza sabiex tippromwovi u tipproteġi l-prinċipji fundamentali tal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin. Huwa qal:

Il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li jridu jiġu ppreservati u protetti għal kulħadd u kullimkien. Għalkemm qed ngħixu f’dinja dejjem aktar sekularizzata li fiha n-nies qed jitbiegħdu mir-reliġjon, ħafna miljuni ta’ nies madwar id-dinja għadhom iżommu l-valuri reliġjużi, u huwa essenzjali li jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom skont it-twemmin u l-fehim tagħhom. Għalhekk, il-Koran Imqaddes għamilha d-dmir reliġjuż tal-Musulmani li jipproteġu d-drittijiet tan-nies ta’ kull twemmin u għamel il-libertà tat-twemmin pedament tar-reliġjon tagħna.

Fl-istess ħin, bħala persuna reliġjuża, huwa t-twemmin mill-qalb tiegħi li l-libertà vera u l-paċi dejjiema fid-dinja mhumiex possibbli sakemm l-umanità tagħraf lill-Ħallieq tagħha, twettaq id-drittijiet Tiegħu u taġixxi fuq il-Kmandamenti Tiegħu. Kemm jekk inklinati reliġjożament jew le, irridu nagħrfu li hemm Alla wieħed li huwa l-Ħallieq, u li f’idejh jinsab il-ħolqien kollu, u għalhekk huwa dmir tagħna li nwettqu d-drittijiet Tiegħu u tal-bnedmin kollha. Jalla Alla li Jista’ Kollox jippermetti li tirbaħ il-libertà u l-armonija reliġjuża vera għall-komunitajiet u n-nies kollha madwar id-dinja biex jgħixu ħajjithom liberament skont it-twemmin tagħhom. Ammen.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Interfaith, Interfaith dialogue and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.