Building Sustainable Peace

IT-TWAQQIF TA’ PAĊI SOSTENIBBLI

It-Torċa 21.04.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tmur mill-ħażin għall-agħar kuljum. L-eskalazzjoni tat-tilwim bejn Iżrael u l-Iran għamlitha aktar gravi u inkwetanti. Qed jitqajmu ħafna vuċijiet għal waqfien sħiħ mill-ġlied f’Gaża; u restrizzjoni u trażżin kemm minn Iżrael kif ukoll mill-Iran.

Nistaqsi, kemm se jintilfu aktar ħajjiet jew kemm aktar ħajjiet Iżrael jixtieq jieħu qabel ma jasal għall-waqfien mill-ġlied, meta Iżrael diġà qatel aktar minn 33,000 ruħ innoċenti mill-bidu tal-gwerra f’Ottubru 2023.

Jaħasra! Għaliex id-demm uman sar tant bla valur u rħis?

Ftehim ġdid ta’ paċi

Naħseb li wasal iż-żmien li d-dinja tfassal mill-ġdid it-triq lejn il-paċi u l-pajjiżi kollha kemm huma jerġgħu jiktbu u jiffirmaw “Ftehim ta’ Paċi – Charter of Peace” ġdid u komprensiv ibbażat fuq il-ġustizzja, l-ekwità, l-ugwaljanza u l-benesseri tal-umanità kollha.

Dan il-Ftehim ta’ Paċi m’għandux ikun formalità biss kif saru fil-passat bħal tal-Lega tan-Nazzjonijiet u tal-Ġnus Magħquda, iżda, dan it-trattat għandu jiġi miktub bl-imħabba u l-kompassjoni sħiħa, u mill-qalb tal-bniedem.

Għax, issa meta nanalizzaw l-effettività tal-Ġnus Magħquda, insibu li hija tiddgħajjef kuljum, u m’għandhiex l-għodda, is-saħħa u s-setgħa biżżejjed biex tistabbilixxi l-paċi u l-armonija fid-dinja, li huwa l-għan ewlieni tal-fondazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja u l-paċi

Il-Kalif u l-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, jgħid li l-bini ta’ paċi sostenibbli u fit-tul huwa possibbli biss mill-ġustizzja u mingħajrha din il-ħolma ma tistax issir realtà. Huwa jgħid:

“L-għan għandu dejjem jibqa’ t-twaqqif ta’ paċi sostenibbli msaħħaħ mill-ġustizzja. M’għandux ikun li t-terza parti tieħu vantaġġ mill-vulnerabbiltà tal-partijiet li qed jiġġieldu billi tkisser id-drittijiet tagħhom għall-gwadann tagħha stess. Kieku dan il-prinċipju kien osservat mill-Ġnus Magħquda u entitajiet relevanti oħra, il-kunflitti kienu jiġu solvuti b’mod aktar amikevoli u aktar malajr.

Madanakollu, se jkun tassew diffiċli biex tiġi stabbilita l-paċi sakemm in-nazzjonijiet, jew direttament jew permezz tal-alleati b’saħħithom tagħhom, jibqgħu jużaw id-dritt tal-veto – li hija kompletament ċaħda tal-ġustizzja vera.

Sfortunatament, minħabba n-nuqqas ta’ ġustizzja fi ħdan il-Ġnus Magħquda, id-destin tagħha jidher li se jkun jixbah lil dak tal-entità ta’ qabilha, il-Lega tan-Nazzjonijiet, li finalment spiċċat. U jekk is-sistema tal-liġi internazzjonali, li diġà hija dgħajfa, tikkollassa kompletament, l-anarkija u l-qerda li jkun hawn aħna lanqas biss inkunu nistgħu nimmaġinawhom.”

Il-ġustizzja vera twassal għall-paċi

Il-ġustizzja titlob li tiġi pprattikata mingħajr ebda diskriminazzjoni jew favur, mingħajr ma wieħed jagħmel parti minn xi partit partikolari jew ikun kontra xi pajjiż jew partit partikolari. Fil-fatt il-kondizzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan fundamentali hija l-ġustizzja sħiħa u l-ħaqq fiċ-ċirkostanzi kollha.

Il-Koran Imqaddes, f’Kapitlu 4, Vers 136, jagħtina prinċipju tad-deheb u lezzjoni li tiggwidana f’dan. Dan jgħid li biex nilħqu livell għoli ta’ ġustizzja, jekk jinqala’ l-każ li jkollna nixhdu kontra tagħna nfusna, kontra l-ġenituri, kontra l-egħżeż qraba u ħbieb, mela dan irridu nwettquh. Din hi l-veru ġustizzja fejn l-interessi personali jiġu mwarrba fil-ġenb għall-ġid komuni.

Jekk naħsbu dwar dan il-prinċipju fuq livell kollettiv, għandna nintebħu li manuvri inġusti msejsa fuq l-għana u l-poter għandhom jiġu skartati. Minflok, kull pajjiż u nazzjon għandhom jaġixxu b’sinċerità u b’determinazzjoni li jissapportjaw il-prinċipji tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza. Irridu neqirdu kull xorta ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni l-għaliex dan huwa l-uniku mezz biex nistabbilixxu l-paċi.

L-ugwaljanza u l-ekwità

Għalhekk, huwa ferm importanti li dan il-Ftehim ta’ Paċi jkun bħala gwida, it-triq ’il quddiem u pjan ċarissmu ta’ azzjoni għall-kawża nobbli u bżonjuża tal-paċi u s-sliem. U dejjem jittieħdu d-deċiżjonijiet b’ġustizzja sħiħa.

Illum il-ġurnata, jekk nagħtu ħarsa lejn l-Assemblea Ġenerali jew il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, insibu li ħafna drabi d-deċiżjonijiet importanti jkunu diġà ttieħdu bil-pressjoni jew il-manuvri minn taħt tal-qawwiet il-kbar qabel id-dibattitu u l-kontribut mill-pajjiżi kollha li huma firmatarji tagħha. Din mhix ġustizzja, din mhix ugwaljanza, din mhix ekwità, u dan mhu se jwassalna mkien.

Il-ġenna ta’ paċi u armonija

Għalhekk, dan huwa dmirna u r-responsabbiltà sħiħa fuq spallejna li naħdmu flimkien u ngħollu leħinna biex dan il-Ftehim ġdid ta’ Paċi jkun mibni fuq il-ġustizzja sħiħa fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mezzi ġusti u verament demokratiċi.

Allura, huwa l-obbligu tagħna li ma naqtgħux qalbna, iżda naħdmu iktar minn qatt qabel u nużaw l-isforzi kollha tagħna disponibbli sabiex mill-ġdid nibdew naraw ir-raġġi tat-tama għall-paċi dejjiema fid-dinja.

U nibqgħu nfakkru lill-gvernijiet u l-poteri kbar dwar il-ħtiġijiet tal-ġurnata, nibqgħu nagħtu pariri siewja lil dawk il-gruppi li għandhom interessi partikolari ħalli, fuq livell globali, il-ġustizzja tibqa’ tixtered. Hekk biss ikollna l-opportunità naraw id-dinja ssir ġenna ta’ paċi u armonija kif kollha kemm aħna rriduha u nixtiquha.

Il-fjamma tat-tama

Nixtieq nagħlaq bil-messaġġ tal-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, li ġej direttament minn qalbu u tassew imiss il-qalb ta’ kull persuna ġenwina. Huwa qal: “Aħna rridu nibqgħu nħeġġu lil kulħadd biex jaħdem favur il-paċi. Jiena nitlobkom biex taħdmu għall-paċi bl-abbiltajiet kollha tagħkom ħalli nżommu l-fjamma żgħira tat-tama mixgħula, sakemm jasal iż-żmien meta l-paċi vera u l-ġustizzja jkunu stabbiliti fiż-żoni kollha tad-dinja.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Justice and Peace, Peace and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.