The true picture of Jihad

Il-kunċett veru tal-Ġiħad

Il-Leħen 24.03.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Hemm xi gwerra qaddisa?

Hemm xi gwerra qaddisa? Ħafna nies inkluż il-Musulmani jemmnu li l-Ġiħad ifisser ‘il-gwerra qaddisa’ jiġifieri l-ġlied kontra dawk li ma jemmnux fl-Iżlam. Dan huwa kunċett żbaljat ħafna u bogħod wisq mir-realtà. Meta wieħed ifittex it-tifsira ta’ din il-kelma nsibu li hija ġejja mill- għerq ġ-ħ-d li tfisser tissaporti xogħol iebes u għalhekk Ġiħad ifisser li tipprova ħafna biex tagħmel xi ħaġa u ma tħalli ebda nuqqasijiet fiha. Fid-dizzjunarju dan ifisser xogħol iebes u sforz, jew biex tagħmel minn kollox biex tikseb għan partikolari. Imma bl-ebda mod dan ma jfisser ‘gwerra qaddisa’.

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana wkoll enfasizza u kkoreġa l-kunċett żbaljat dwar il-Ġiħad Iżlamiku, li ħafna nies inkluż il-Musulmani kellhom f’moħħhom, jiġifieri l-kunċett ta’ attakki u qtil ta’ dawk li ma jemmnux bix-xwabel. Minflok, huwa ppreżenta l-kunċett veru tal-Ġiħad Iżlamiku u ppromwova kullimkien, mhux biss fid-diskors iżda fil-prattika, Ġiħad ta’ natura akbar – jiġifieri l-mod paċifiku biex wieħed jistinka fit-triq ta’ Alla, billi nirriformaw lilna nfusna, billi nsiru persuni twajba u nikbru fil-karattru. Din il-forma suprema tal-Ġiħad kienet possibbli biss permezz tad-djalogu, id-diskors u l-persważjoni. Fil-qosor, il-Ġiħad tal-kitba, id-dibattitu, it-taħdit u d-diskors.

Meta naqraw il-Koran Imqaddes, ma nsibu l-ebda indikazzjoni tal-Ġiħad bl-attakki fuq ħaddieħor fuq il-bażi ta’ reliġjon. Il-Kelma ta’ Alla tiddikjara l-kastig tas-sejf għal dawk biss li jgħollu s-sejf minħabba r-reliġjon; imma bl-ebda mod ma tordna attakki offensivi jew ribelljoni kontra dawk li jistabbilixxu l-paċi, jagħmlu ġid mal-proxxmu, u jagħtu lil kull poplu d-drittijiet tal-libertà.

Fil-Koran Imqaddes, Alla ta lill-Musulmani permess biex jiddefendu lilhom infushom meta huma jkunu taħt attakk minn xi għadu, jiġifieri, il-gwerra defensiva u defensiva biss hija permissibbli, u xejn iktar.

L-għan bażiku tar-reliġjon

L-għan tar-reliġjon huwa li jgħin u jiffaċilita lill-bniedem biex jirriforma lilu nnifsu u jsir persuna ġenwina u ġusta billi jiġġieled kontra l-ħdura, il-kburija, l-għira, l-egoiżmu, l-immoralità tiegħu u jsir bniedem umli, tajjeb, ġust, u bniedem li jħobb lill-Ħallieq u ’l-ħolqien Tiegħu, u mhux li jattakka lil ħaddieħor.

Jekk persuna ma tistax tapplika t-tagħlim reliġjuż fuq il-persuna tagħha stess, fuq ruħha u ġisimha stess, allura x’inhu l-benefiċċju jekk dik il-persuna ġġiegħel lill-oħrajn isegwu dak it-tagħlim, li hi stess mhux qed issegwi.

Fil-fehma tiegħi, kull bniedem għandu jifhem li hu għandu jkun l-ewwel persuna ta’ indirizz tar- reliġjon. Meta bniedem jifhem li hu l-ewwel suġġett ta’ dan it-tagħlim, allura ma jkollux ħin biex jibqa’ jiġġieled ma’ ħaddieħor. Jgħidu li meta wieħed jgħolli subgħajh lejn ħaddieħor, tlieta huma li jduru lejh.

Fil-qosor, it-tifsira vera tal-Ġiħad hija li bniedem jistinka u jagħmel ħiltu kollha biex ikun persuna nobbli u ġenwina u jimmeljora l-karattru tiegħu.

Żewġ aspetti tal-fidi

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega iktar li meta naqraw il-Koran Imqaddes, insibu li hemm biss żewġ aspetti tal-fidi Iżlamika, jew, nistgħu ngħidu li dan it-tagħlim jikkonsisti f’żewġ skopijiet ewlenin, u dawn huma l-pedament tal-fidi.

L-ewwel, li nagħrfu lil Alla li jista’ Kollox kif hu fir-realtà jeżisti. Li nħobbu u npoġġu lilna nfusna fl-ubbidjenza vera Tiegħu kif inhi l-ħtieġa tal-ubbidjenza u l-imħabba.

It-tieni skop hu li nużaw il-kapaċitajiet kollha tagħna fis-servizz u x-xewqat tajba tal-poplu Tiegħu u li nittrattaw b’mod tajjeb u bil-ħniena lil kulħadd, minn sultan sa persuna ordinarja. Inħobbu lill-bnedmin kollha u nkunu ta’ qalb tajba ma’ kulħadd u nuru ħniena u kompassjoni lil ħutna li huma inqas ixxurtjati sabiex lilna wkoll tintwera ħniena fis-sema.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Jihad and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.