Soften your hearts

RATTBU QALBKOM

L-imħabba u s-servizz għall-umanità huma dejjem importanti, iżda fi żmien tas-sawm huma jsiru ħafna iktar importanti. Għalhekk, għandna biex nieħdu ħsieb lil ħutna partikolarment f’dawn il-ġranet tas-sawm — ġranet ta’ sagrifiċċju, riforma spiritwali, purità, safa u tjubija. Għax jekk verament nixtieque li qalbna titrattab, mela nagħtu l-ikel lil dawk fil-bżonn u nieħdu ħsieb lill-fqir u ż-żgħir fis-soċjetà tagħna.

Laiq Ahmed Atif|It-Torca, 17.03.2024|amjmalta@gmail.com

“Jekk tixtieq li qalbek titrattab, mela agħti l-ikel lil dawk fil-bżonn u qiegħed idek fuq l-irjus tal-orfni u ħu ħsiebhom.” F’dawn il-ftit kelmiet il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, spjega r-realtà u s-sigriet tal-aqwa ħajja – ħajja kuntenta, prospera, sana u sodisfatta. Jiġifieri, jekk aħna rridu ngħixu ħajja deċenti mimlija kuntentizza dejjiema, allura huwa importanti anzi obbligatorju li nħobbu u ngħinu lil ħutna kemm u fejn nistgħu.

Il-messaġġ l-ieħor li nistgħu nieħdu minn dan il-kliem huwa li l-għajnuna lejn is-sezzjonijiet żgħar, dgħajfa u foqra tas-soċjetà hija għemil mill-aktar nobbli, li Alla jħobb l-aktar, u jippremjaha bl-aqwa mod. Is-sodisfazzjon, il-kuntentizza u l-umiltà li bniedem iħoss meta jgħin lill-aktar nies fil-bżonn u foqra huwa indeskrivibbli, u s-sentimenti u l-emozzjonijiet ta’ dawk il-mumenti partikolari jrattbu tassew il-qlub tan-nies.

Il-pilastru ewlieni

L-imħabba lejn l-umanità hija pilastru ewlieni lejn it-triq paċifika li tista’ twassalna għal sodisfazzjon tal-qalb u tar-ruħ. Jekk nanalizzaw lis-soċjetà ta’ madwarna u naħsbu fuq l-istat attwali tad-dinja jsir evidenti li dawk li verament jixtiequ u jaħdmu għall-benesseri tal-umanità huma tassew dawk li jgħixu fil-paċi u fis-serenità, anke jekk m’għandhomx riżorsi biżżejjed.

Iżda, min-naħa l-oħra, huwa wkoll bil-wisq evidenti li nsibu nies madwarna li għandhom il-lussu kollu tal-ħajja, imma mhumiex fil-paċi; għaliex? Għax huma impenjati wisq fid-dinja materjalistika u konsumerista, u ma jagħtux kas ta’ ħuthom li jgħixu madwarhom, xi drabi anke l-ġirien tagħhom.

Jien nemmen bis-sħiħ, u dan huwa t-tagħlim tar-reliġjonijiet kollha inkluż l-Iżlam li Alla biss huwa s-sors ta’ paċi, u jekk m’hemmx Alla fil-ħajja tagħna, allura m’hemmx paċi f’ħajjitna. Meta nħobbu lil Alla, ma jistax ikun li ma nħobbux lin-nies Tiegħu.

Iż-żewġ imħabbiet

Jien dejjem nieħu pjaċir u dejjem inħobb u ngħożż meta naqra l-kliem għaqli u profond tar-raba’ Kalif tal-Komunità Ahmadiyya li darba qal li, “Jekk tħobb lill-Ħallieq, allura għandek tħobb il-ħolqien Tiegħu.”

Jiġifieri l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-bnedmin imorru paralleli ma’ xulxin u ma nistgħux nagħżlu waħda u ninsew l-oħra u viċiversa. Iżda nżommu ż-żewġ imħabbiet – imħabba ta’ Alla u tal-umanità – qrib qlubna sabiex nistgħu niksbu sliem u sodisfazzjon dejjiema li ma tispiċċa qatt.

L-imħabba u s-servizz għall-umanità huma dejjem importanti, iżda fi żmien tas-sawm huma jsiru ħafna iktar importanti. Għalhekk, għandna biex nieħdu ħsieb lil ħutna partikolarment f’dawn il-ġranet tas-sawm — ġranet ta’ sagrifiċċju, riforma spiritwali, purità, safa u tjubija.

Il-ġenituri u l-anzjani

L-aktar dmir importanti li rridu nikkunsidraw huwa dak lejn il-ġenituri u l-anzjani tagħna. Aħna obbligati lejn il-ġenituri tagħna. Alla jħeġġiġna biex nittrattaw lill-ġenituri tagħna b’ġenerożità, imħabba u għożża; u li nkunu qalbna tajba u rispettużi lejn qrabatna. Li nieħdu ħsieb l-orfni u lil dawk fil-bżonn u li nintegrawhom fis-soċjetà huwa wkoll mezz importanti ta’ kif ikollna sodisfazzjon kbir.

Alla jgħid: “Kunu ġenerużi mal-ġenituri tagħkom, u ma’ qrabatkom, u mal-orfni, u ma’ dawk fil-bżonn, u mal-ġar li hu qarib u mal-ġar li hu barrani, u mal-kumpann ta’ maġenbek, u mal-vjaġġatur.” (Il-Koran, 4:37)

Tabilħaqq, meta ngħinu lis-sezzjonijiet kollha fis-soċjetajiet tagħna li huma fil-bżonn niksbu l-paċi ġewwiena. Irridu niftakru li l-veri devoti huma dawk li jaqdu lill-umanità kif ukoll lil Alla. M’għandhomx jissieltu biss għad-drittijiet tagħhom iżda jkollhom il-passjoni li jiġġieldu għad-drittijiet tal-oħrajn. Jekk nifhmu dan it-tagħlim ta’ Alla l-Ħanin, mela nagħtu ferħ kbir lill-eżistenza tagħna.

Appell ġenwin u sinċier

Għalhekk, b’ġenwinità sħiħa, nappella lil dawk kollha li huma xxurtjati ħafna u Alla tahom ħafna barkiet u rikkezzi ta’ din id-dinja li għandhom jaqsmu dak ma’ ħuthom li huma fil-bżonn sabiex huma wkoll igawdu mis-sbuħija tal-ħajja b’mod hieni u seren.

Nappella lil dawk ukoll li għandhom il-ġenituri tagħhom ħajjin li nkunu grati lejhom u nuruhom imħabba u kompassjoni bla kundizzjoni u nagħtuhom ħin biżżejjed li jixirqilhom, u qatt ma ninsew dak kollu li tawna meta konna żgħar.

Barra minn hekk, inkunu spalla ma’ spalla ma’ dawk li huma fil-bżonn u għandna dejjem inżommu l-kliem tad-deheb ħaj u frisk f’moħħna u f’qalbna, li, jekk verament nixtieque li qalbna titrattab, mela ngħinu lil dawk fil-bżonn u nieħdu ħsiebhom. Għax l-għajnuna u l-mogħdrija lejn is-sezzjonijiet żgħar, dgħajfa u foqra tas-soċjetà huma jrattbu tassew il-qlub tan-nies.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.