Is there more good or evil in the world?

Hemm aktar tajjeb jew ħażin fid-dinja?

In-Nazzjon, 12.06.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

Illum il-ġurnata meta wieħed iħares madwaru, meta janalizza s-sitwazzjoni madwar id-dinja, jara l-aħbarijiet fuq it-televixin, jew jaqra l-gazzetta, wieħed jibda jaħseb li d-dinja qed tmur dejjem mill-ħażin għall-agħar. Il-bniedem jibda jaħseb li d-dinja hija mimlija b’ħażen u jistaqsi lilu nnifsu li: Għaliex hemm daqshekk ħażen fid-dinja? Għaliex hemm iktar ħażen milli tajjeb fid-dinja?

Irridu niftakru li Alla ta lill-bniedem kull xorta ta’ kapaċitajiet u tah ukoll il-libertà u d-diskrezzjoni li jużahom b’mod tajjeb jew ħażin. Il-firda tat-toroq tintwera lilu u mbagħad jitħalla liberu li jaġixxi.

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Aħna wrejnieh (lill-bniedem) it-Triq; huwa jew jiżżi ħajr u jsegwiha, jew ma jkunx grat u jirrifjutaha.” (76:4). F’vers ieħor Alla jgħid li, “Hu wera lill-bniedem iż-żewġ toroq.” (90:11)

Jiġifieri, it-toroq tat-tajjeb u l-ħażin, tal-verità u l-falsità, tal-progress spiritwali u materjali; u anke Alla ta lill-bniedem raġuni u fehim. Hu għamlu responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu u, permezz tal-Messaġġiera u l-Profeti Tiegħu, urieh it-triq li twassal għar-realizzazzjoni ta’ Alla. Il-bniedem ġie mogħni bil-mezzi kollha li bihom jista’ jsib it-triq it-tajba, u jista’ jiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin.

Iżda sta għall-bniedem li jagħmel użu tajjeb mill-fakultajiet u l-opportunitajiet mogħtija minn Alla u, billi jissottometti ruħu għal-liġijiet Divini biex jilħaq l-għan tal-ħolqien tiegħu jew billi jinjorahom biex iġib il-mewt spiritwali tiegħu.

Il-mistoqsija hija: Hemm aktar tajjeb jew ħażin fid-dinja?

Nemmen li hemm aktar tajjeb fid-dinja; u hekk għandu jkun li t-tajjeb għandu jirbaħ dejjem fuq il-ħażin, u l-imħabba fuq il-mibegħda, u l-paċi fuq il-gwerra.

Il-fatt hu li, minħabba l-aktar żbalji ta’ osservazzjoni, ħafna drabi jintesa li d-dinja hija aktar tajba milli ħażina. Pereżempju, ħu ħalliel. Veru, huwa jwettaq serq. Imma kontra kull serq, jagħmel tant affarijiet li huma tajbin. Forsi jiltaqa’ man-nies b’mod pjaċevoli. Huwa ġeneruż, jagħti karità, jgħin lill-proxmu u lid-dgħajjef. Huwa jaqdi lill-ġenituri tiegħu, u jieħu ħsiebhom sew. Jekk ngħoddu b’dan il-mod, insibu li t-tajjeb f’kull persuna huwa iktar mill-ħażin, it-tajjeb għandu jisboq fuq il-ħażin.

Hekk ukoll l-irġiel meħuda individwalment jagħmlu aktar affarijiet tajbin milli ħżiena. Il-kwantità jew l-ammont tat-tajjeb jew tal-ħażin fid-dinja ċertament jagħti vantaġġ lit-tajjeb fuq il-ħażin. Hemm żgur iktar tajjeb fid-dinja mill-ħażin.

Imma, il-mistoqsija hi li, għaliex in-nies ġeneralment jaħsbu li n-​numru taʼ azzjonijiet ħżiena huwa akbar?

L-aktar tweġiba sempliċi għal dan hija din li, il-ħażin jispikka iktar, u anke l-midja tagħti aktar importanza lil dawk l-aħbarijiet, kif jgħidu li, “Good news is no news; bad news is a breaking news.”

Huwa wkoll minnu li aħbar negattiva tivvjaġġa b’veloċità ħafna ikbar minn aħbar tajba; u jingħad ukoll li, l-imħuħ tal-bnedmin fihom mekkaniżmu li huwa ddisinjat biex jagħti prijorità lil aħbar ħażina, u huwa aktar attirat għal aħbar ħażina jew negattiva.

Ħafna drabi n-nies huma aktar attirati mill-affarijiet preżenti li jidhru quddiemhom, u minn benefiċċji u riżultati immedjati, milli minn affarijiet li jieħdu aktar fit-tul. Din hija n-natura tal-bniedem li jixtieq ir-riżultat malajr u mhux ħafna tard. Bl-istess mod, il-ħażen jew in-negattività jispikkaw iktar mit-tjubija. It-tjubija tħalli l-effett tagħha bil-mod il-mod.

Ħafna min-nies huma tajbin jew ħżiena?

Mistoqsija oħra hija: Ħafna min-nies huma tajbin jew ħżiena? Jekk il-biċċa l-kbira tan-nies huma tajbin, l-għadd tat-tajjeb fid-dinja huwa akbar. Jekk ħafna min-nies jippossjedu ħafna mill-kwalitajiet morali tajbin, it-tajjeb jiddomina.

Għalhekk, meta wieħed iqis il-ġid totali tan-nies fid-dinja kollha kemm hi, l-evidenza fuq in-naħa tal-ġid tinstab li tkun aktar aċċettabbli.

Id-dnub u t-tjubija

Irrid nispjega wkoll x’inhu d-dnub u t-tjubija. Id-dnub huwa attivitajiet li jaffettwaw lir-ruħ tal-bniedem li huma fiżiċi li jidhru bħal gideb, qtil, serq; jew spiritwali bħal nuqqas ta’ talb jew il-karità.

It-tjubija hija dik li taffettwa lir-ruħ tal-bniedem b’mod pożittiv, u l-għemejjel tajbin li jagħmlu lill-bniedem il-maħbub ta’ Alla. Il-bniedem twajjeb huwa wieħed li għamel biżżejjed għemejjel tajbin kemm fiżiċi kif ukoll spiritwali biex ikun kapaċi jara wiċċ Alla.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.