Interreligious meeting at the President’s Palace

LAQGĦA INTERRELIĠJUŻA FIL-PALAZZ TAL-PRESIDENT

Alla huwa mħabba, Alla huwa sliem! L-imħabba qatt ma tista’ tnissel il-mibegħda u s-sliem qatt ma jista’ jwassal għall-gwerra. Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, enfasizzat dwar l-importanza tal-paċi u l-fratellanza universali, u li naħdmu għall-ġid tal-umanità kollha. Ir-reliġjon hija strument ta’ tama għan-nies, għalhekk, in-nies tal-fidi u ta’ rieda tajba għandhom dover li jaħdmu id f’id għall-promozzjoni tal-paċi u l-armonija fis-soċjetajiet tagħna u madwar id-dinja.

It-Torċa, 16.06.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com

Meta wieħed jeżamina x-xenarju reliġjuż b’mod ġenerali, wieħed ma jistax jonqos li jinduna li fir-reliġjon jidher li qed tirbaħ sitwazzjoni fejn kullimkien, ir-reliġjon qed titlef il-ħakma tagħha, in-nies qed jitbiegħdu mir-reliġjon u huma jżommu lilhom infushom okkupati b’affarijiet li mhumiex reliġjużi.

Hemm tendenza oħra li turi li hemm bidla qawwija fid-direzzjoni ta’ fehmiet reliġjużi b’riġidità medjevali u intolleranza ta’ oppożizzjoni, fejn in-nies mhux lesti biex juru rispett lejn il-fidi ta’ ħaddieħor.

Fl-istess ħin, qed naraw ukoll li hemm nies li jifhmu l-bżonn u l-effettività tar-reliġjon u jagħmlu minn kollox biex fil-ħajja tagħhom tant impenjata jżommu ftit tal-ħin fejn jistgħu jipprattikaw ir-ritwali reliġjużi tagħhom.

Fuq in-naħa morali, il-verità qed tisparixxi malajr, ir-responsabbiltajiet soċjali lejn is-soċjetà qed jiġu injorati, in-nies qed jiġu kompletament maħkuma mill-konsumeriżmu u l-materjaliżmu, il-bniedem qed isir egoist u egoċentriku, id-diviżjoni bejn ‘jien’ u ‘int’, ‘aħna’ u ‘huma’ qed tiżdied b’rata mgħaġġla, u l-individwaliżmu qed jikseb is-saħħa anke f’pajjiżi tad-dinja li kienu jippretendu li huma reliġjużi ħafna.

Reliġjon u soċjetà

Jiġri x’jiġri, anke llum fid-dinja moderna u diġitali, qed jinħass il-bżonn profond u sinifikanti tar-reliġjon. Jinħass vojt fil-bniedem. Il-bniedem iħoss il-vojt internament, u għalhekk xorta jfittex dejjem il-paċi, is-serenità u s-sodisfazzjon ġewwieni.

F’dan ix-xenarju, ir-reliġjon għandha rwol importanti ħafna biex il-bniedem jerġa’ lura għall-għeruq tiegħu.

Biex tifhem u tenfasizza r-rwol importanti tar-reliġjon, u r-relazzjoni bejn ir-reliġjon u s-soċjetà, ġiet organizzata konferenza internazzjonali mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fit-30-31 ta’ Mejju, 2024, bl-isem ‘Bridging worlds: society, religion and cultural confluence’. F’din il-konferenza ħafna kelliema minn diversi pajjiżi, inkluż Malta, taw il-preżentazzjonijiet u d-diskorsi tagħhom.

L-essenza u l-punt ċentrali tad-diskorsi kollha kienet kif nistgħu ngħixu flimkien bl-imħabba u l-paċi u noħolqu l-ambjent pjaċevoli tal-ħbiberija bejn in-nies kollha; kif nistgħu nerġgħu għall-għeruq tagħna. Kif ir-reliġjon tista’ tkun l-istrument effettiv tal-bidla u l-pożittività u tindirizza l-isfidi tad-dinja kontemporanja.

Il-laqgħa mal-President fil-Palazz

Il-qofol u l-aktar parti importanti ta’ din il-konferenza kienet il-laqgħa interreliġjuża fil-Palazz tal-President ta’ Sant’Anton li saret il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2024, fejn il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, iltaqgħet ma’ diversi mexxejja reliġjużi mill-komunitajiet ta’ fidi differenti. Kull mexxej għamel stqarrija bħala sinjal ta’ rieda tajba u impenn favur il-paċi.

Din il-laqgħa importanti, imsejħa mill-Professur John Berry bl-għajnuna tal-Fakultà tat-Teoloġija, timmarka pass ieħor sinifikanti biex jitkattar id-djalogu bejn komunitajiet reliġjużi differenti.

Fid-diskors tal-konklużjoni tagħha, l-Eċċellenza Tagħha enfasizzat dwar l-importanza tal-paċi u l-fratellanza universali, u qalet li m’għandniex naħdmu biss għall-komunitajiet tagħna stess imma għall-umanità kollha. In-nies kollha ta’ rieda tajba għandhom jaħdmu id f’id; u n-nies tal-fidi għandhom dover li jaħdmu għall-ġid tal-umanità kollha. Il-messaġġ tagħha ta’ ‘Tama’ huwa tassew mod ’il quddiem fil-promozzjoni tal-paċi u l-armonija fis-soċjetajiet tagħna u madwar id-dinja.

Alla huwa s-Sors ta’ Paċi għal kulħadd

Bħal mexxejja reliġjużi oħra, kelli wkoll l-opportunità li naqra messaġġ qasir f’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana. L-ewwel nett għedt it-tislija li, jalla l-paċi u l-barkiet infiniti ta’ Alla Omnipotenti jkunu fuq kulħadd. Wara dan, issoktajt:

“F’Isem Alla, l-Aktar Ġust, Dejjem Ħanin! Kull foħrija tmur għal Alla, is-Sid tad-dinjiet kollha, il-Ġust, il-Ħanin, u Sid ta’ Jum il-Ħaqq. (Il-Koran, 1:1-4) Huwa s-Sovran; Huwa Pur u jsaffi ’l-oħrajn. Huwa sigur minn kull impurità u jipproteġi lill-oħrajn. Huwa s-Sors ta’ Paċi għal kulħadd. (Il-Koran, 59:24)

Alla jsejjaħ għal-lok tal-paċi, u jiggwida lil min Huwa jixtieq għall-mogħdija t-tajba. (Il-Koran, 10:26) Tabilħaqq dawk kollha li jemmnu huma aħwa. Għalhekk nisslu l-paċi bejn l-aħwa, u ibżgħu minn Alla ħalli tkunu tistgħu tgawdu mill-kompassjoni u l-ħniena Tiegħu.’ (Il-Koran, 49:1)

Aħna nemmnu li: Alla huwa mħabba, Alla huwa sliem! L-imħabba qatt ma tista’ tnissel il-mibegħda, u s-sliem qatt ma jista’ jwassal għall-gwerra. Għalhekk, il-messaġġ tagħna huwa: Imħabba għal Kulħadd — Mibegħda għal Ħadd.”

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Inter-religious dialogue, Interfaith, Interfaith dialogue, Peace and tagged , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.