Truthfulness: A Wonderful Value

Il-Verità: Valur mill-isbaħ

Il-Leħen, 16.06.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Jingħad li kien hemm raġel li kien jagħmel ħafna affarijiet ħżiena. Dan mar għand il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, u staqsieh, “Kif nista’ nagħmel biex nieqaf milli nwettaq affarijiet ħżiena?”

Il-Qaddis Profeta Muħammad wieġeb, “Abbanduna l-falsità, u dejjem għid il-verità.”

Ftit jiem wara, ir-raġel kien se jwettaq att immorali jew żieni, iżda ħaseb, “X’jiġri jekk il-Profeta Muħammad isaqsini dwaru? Jiena ma nistax nigdeb.” Għalhekk dan l-att immorali jew żieni ma wettqux. L-għada, kien se jisraq xi ħaġa, iżda ħaseb, “X’jiġri jekk il-Profeta Muħammad isaqsini jekk sraqtx xi ħaġa? Ma nistax nigdeb.” Għaldaqstant ma seraqhiex.

Bil-mod il-mod ir-raġel waqaf milli jwettaq l-għemejjel ħżiena billi ried dejjem jistqarr il-verità. U maż-żmien ħeles min-nuqqasijiet u l-vizzji kollha li kienu jaħkmuh qabel. Seta’ faċilment baqa’ jigdeb iżda, billi kien għamel wegħda u kien determinat u impenjat li jżommha,  eventwalment ħeles mill-affarijiet ħżiena.

Il-verità hija kwalità approvata universalment

Minħabba li beda dejjem jgħid il-verità, u li warrab il-falsità, kien kapaċi jittrasforma lilu nnifsu u jeħles mid-drawwiet ħżiena u n-nuqqasijiet kollha. Daqshekk huwa importanti li dejjem tgħid il-verità. Għalhekk, qatt ma għandna nigdbu għaliex Alla ma jiħux pjaċir b’nies li jigdbu u ma jgħinniex jekk jaqbadna f’dan. Alla jgħin u jieħu pjaċir b’dawk kollha li jgħidu l-verità.

Bla dubju ta’ xejn, il-verità hija kwalità u karatteristika li hija approvata universalment u reklamata bil-kbir. Madanakollu, hija wkoll realtà li wara li kulħadd jifhem l-importanza profonda li dejjem ngħidu l-verità, xorta kull meta tqum l-okkażjoni, tintuża l-falsità għall-gwadann personali. F’dan iż-żmien ta’ teknoloġija moderna, il-midja soċjali wkoll tintuża sabiex tixtered il-falsità u l-aħbarijiet foloz.

Madanakollu, irridu nifhmu li l-verità hija l-pedament ta’ kull żvilupp soċjali, reliġjuż u spiritwali; u r-riforma mhijiex possibbli mingħajr il-verità.

Għaliex il-bniedem jigdeb?

Għandna naħsbu wkoll fuq dan il-punt: Għaliex il-bniedem jigdeb? Il-bniedem jigdeb meta m’għandux fiduċja f’Alla u jaħseb li l-gideb se jsalvah minn xi sitwazzjoni partikolari. Jekk il-bniedem għandu fiduċja sħiħa f’Alla l-Ħanin, qatt mhu se jigdeb. Għax jemmen li anke jekk ikun hemm xi sitwazzjoni diffiċli Alla żgur se jsalvah, u hekk jiġri wkoll.

Jiena, bħala ġenitur ta’ żewġt itfal, dejjem ngħid lit-tfal tiegħi biex dejjem jagħżlu l-verità, anke jekk jiżbaljaw, ma jgħidux gideb. Jien ngħidilhom ukoll li meta jgħidu l-verità anke jekk sar xi żball minnhom jien qatt mhu se nirrabja magħhom. Iżda, ma nistax naċċetta l-gideb.

Bil-grazzja kbira ta’ Alla, it-tfal tiegħi dejjem jippruvaw li jgħidu l-verità. Irrid nirrakkonta  storja vera. Darba kien hemm il-logħob tal-futbol u hemm sar xi foul u ż-żewġ naħat kienu jgħidu li t-tim l-ieħor għamel dak il-foul. Meta sar diffiċli biex il-coach jiddeċiedi, huwa qal li se jistaqsi lit-tifel tiegħi għax hu dejjem jgħid il-verità.

Il-coach staqsa lit-tifel tiegħi u mbagħad iddeċieda skont dak li qallu. Dan huwa eżempju inkoraġġanti ħafna għalina bħala ġenituri li t-tifel tagħna għandu reputazzjoni tajba li dejjem jgħid il-verità.

Qed naqsam din l-istorja mhux biex niftaħar, iżda, biex nuri li meta t-tfal tagħna jagħmlu tajjeb dan jogħġob lill-ġenituri, għalhekk, il-ġenituri għandhom irwol importanti li dejjem jimxu bl-eżempji tajba u jagħmlu minn kollox biex it-tfal tagħhom isiru nies twajba.

Il-verità tirnexxi fl-aħħar

Il-Koran Imqaddes sejjaħ ukoll il-falsità bħala impurità u xi ħaġa maħmuġa; u l-falsità titqiegħed f’post daqs l-idoli. Fir-realtà, il-falsità hija idolu. Inkella, għala xi ħadd iħalli l-verità u jimxi lejn il-falsità. Hekk kif l-idoli m’għandhom l-ebda verità għalihom, bl-istess mod il-falsità mhi xejn ħlief qerq u dehra.

Barra minn hekk, min għandu d-drawwa tal-gideb jitlef il-kredibilità tiegħu tant li anke meta jgħid il-verità, hemm suspett li se jkun hemm il-possibbiltà tal-gideb. Ġeneralment, in-​nies tad-​dinja jgħidu li dawk li jitkellmu l-​verità huma dejjem jitilfu; għalhekk huma ma jistgħux isalvaw il-kwistjonijiet tagħhom mingħajr il-gideb. Ma nistax nemmen dan. Alla jassigurana li l-verità tirnexxi fl-aħħar; u lilu jappartjenu t-tjubija u r-rebħa.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in morality, Morals and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.